''Bil-biki li bkejt kważi tlift id-dawl t’għajnejja''... It-telfa kiefra tal-unika żewġt ulied irrakkontata minn koppja residenti f’San Vincenz de Paule

  • Jan 18, 2020 16:00
  • Miktub minn Carmen Cachia

    L-anzjani għandhom ħafna x’jirrakkontaw mill-esperjenzi ta’ ħajja twila u proprju biex niġbru ġrajjiet personali Inewsmalta.com mar jiltaqa’ ma’ xi anzjani residenti f’San Vincenz de Paule f’Ħal Luqa. Li ma stennejniex kien ir-rakkont ta’ qsim il-qalb tal-koppja Alfred u Filippa Gauci fejn esprimew l-uġigħ ta’ qalb li għaddew minnu wara t-telfa kiefra ta’ mhux ta’ wild wieħed, iżda taż-żewġt itfal li kellhom. L-ewwel telfa kienet fl-1981 tal-iben minħabba d-droga u erbgħa snin ilu ġiet nieqsa binthom wara li tilfet il-battalja tagħha kontra l-kanċer.

    “Alla lilna qisu telaqna u dejjem nistaqsu x’għamilnielu u għala għamlilna hekk. Konna tant sew bħala familja… Kieku konna nies ħżiena…” dan hu l-kliem li beda bih il-missier, Alfred, li b’kuraġġ fetaħ qalbu magħna dwar dak li għaddietu minnu l-ħajja. Filwaqt li qal li ilu fiż-żwieġ 48 sena, stqarr li issa reġa’ ftit ferħan għax minn sena ilu martu ngħaqded miegħu f’San Vincenz. Alfred irrakkonta kif il-ħajja ma daħkitilhomx għax mhux biss tilfu liż-żewġt itfal għeżież tagħhom, iżda anke sofra żewġ puplesiji, bl-aħħar waħda tant qawwija li kellu bżonn jibda juża siġġu tar-roti.

    Meta kien qiegħed irabbi l-familja Alfred kien jaħdem bħala stampatur. Dak iż-żmien huwa kien l-ewwel u l-unika stampatur fuq il-laned f’Malta, mentri lil martu dejjem żammha d-dar avolja din kienet taqla’ lira bil-ħjata. Filippa qaltilna kif missierha kien jisħaq li l-bniet ma joħorġux jaħdmu u hija telgħet b’dik il-mentalità. Hija qalet li fiż-żwieġ baqgħet id-dar tieħu ħsieb lit-tfal iżda kienet ukoll issib ħin mid-dar stess tagħmel xi xogħol ta’ ħjata. Fost l-akbar xogħlijiet li kienet tagħmel kienu l-bnadar kbar tal-festi, inkluża dik tal-Karmnu. Hawnhekk Alfred kburi qalilna li kollox kienet tieħu ħsieb martu b’mod speċjali fil-qadi tad-dipartimenti.

    “Ħa d-droga u ma felaħx għaliha…”

    Bilqiegħda fuq is-siġġu tar-roti ħdejn Filippa, Alfred irrakkonta kif ibnu Cristian kien mar għalih fl-Isptar ta’ Karin Grech il-jum ta’ qabel li fih miet traġikament. Cristian kellu biss 24 sena meta fl-1981 bejn il-lejl tas-Sibt u l-Ħadd ħareġ ma’ sħabu fejn fettillu jesperimenta għall-ewwel darba bid-droga. “Qatt ma kien miss xejn u ma felaħx għaliha. Baqa’ sejjer għand Alla hux,” spjega b’dieqa l-missier. Filippa min-naħa tagħha qalet li binha kien tifel bil-għaqal ħafna u dejjem kien jistinka fix-xogħol tiegħu. 

    Din it-tefla mhux mistennija kienet daqqa ta’ ħarta kbira għal din il-koppja iżda qatt ma basru li snin wara kienu se jitilfu wkoll lill-għażiża binthom li kellha karriera u kienet għadha kemm iżżewġet. It-tifla, Marylou, kienet għadha kemm bdiet il-ħajja iżda din intemmet qabel il-waqt wara li mardet bil-kanċer tal-musrana fl-età ta’ 31 sena biss. 

    Filippa bid-dmugħ f’għajnejha qaltilna li, “għaddejt minn ħafna. M’għadnix nara ħafna u dan minħabba li bil-biki li bkejt kważi tlift id-dawl t’għajnejja.” Hawnhekk qabeż Alfred fejn spjega kif martu llum il-ġurnata tagħraf lil min ikellimha mill-vuċi biss u dan minħabba li għajnejha marru lura ħafna. Huwa li sofra żewġ pulesiji, waħda tmien xhur qabel irtira mix-xogħol u oħra aktar riċenti, insista li Filippa għandha bżonn tinsa ftit mill-uġigħ li din l-omm għadha tħoss għat-telfa taż-żewġt itfal tagħhom. 

    “Għidli int kif jien qatt nista’ ninsa lil uliedi li għext għalihom? Lilhom biss insemmi,” daret fuqi l-omm. Din it-tip ta’ telfa hija kiefra u iebsa biex b’xi mod tara kif isabbar persuna, iżda bi ħlewwa Alfred talabha dderri ftit u taċċetta dak li ġralhom.

    Il-koppja qabblu li f’din ir-residenza għall-anzjani jinsabu tajjeb, jgħixu f’ambjent komunitarju u l-impjegati huma ddedikati ħafna. Il-messaġġ tagħhom għaż-żgħażagħ tal-lum huwa wieħed ċar, “isimgħu dejjem mill-ġenituri biss għax il-ħbieb qatt ma jkunu jridukom aħjar minnhom.”

    Ritratt u filmat - Alan Saliba

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0