Inkjesta pubblika... Kenneth Farrugia Direttur tal-FIAU jitlob li x-xhieda tiegħu tinstema' fil-magħluq... It-talba milqugħa

  • Jan 20, 2020 16:55
  • Miktub minn iNews

    16:55: Bħalissa qiegħed jixhed Kenneth Farrugia li huwa Direttur fi ħdan l-FIAU. Farrugia qal li wara parir legali li ttieħed hu huwa eskluż milli jixhed f'każijiet speċifiċi. 

    Farrugia spjega li qabel dan ix-xogħol huwa kien Awditur ma' kumpanija privata mbagħad daħal kaħdem fis-settur pubbliku. Kompla jgħid li mil-lat superviżorju sar ħafna tibdil. Dan seħħ fuq suġġerimenti li ngħataw mill-Bank Ewropej wara l-każ ta' Pilatus Bank. 

    Ix-xhud spjega kif fuq il-Panama Papers, ix-xogħol beda fl-2016 fejn kien hemm numru ta' investigazzjonijiet. Il-Pulizija kellhom madwar 15-il każ fuq il-Panama Papers uħud jinvolvu persuni li huma 'politically exposed'. 

    Farrugia talab li x-xhieda tiegħu tkompli fil-magħluq. Il-qorti laqgħet din it-talba. 

    16.01: Galdes sostna li hu qatt ma ttollera influwenza. Semma żewġ inċidenti qabel irriżenja li qal li darrsuh. 

    Semma li segretarja ta' segretarju parlamentari kienet qaltlu li kien sejjer xi ħadd għal interview u ma bagħtux għalih. 

    Biex jisimgħu dawn il-każi, l-inkjesta se tkompli bil-magħluq. 

    15.55: Galdes qal li wara li ta r-rapport lill-Kummissarju Cassar dan u hu rriżenjaw. Sostna li hu kien jippretendi li l-FIAU toħroġ l-ittra tar-riżenja u għalhekk żammha f’każ ta’ inkjesta. 

    Hu qal li jista’ jkollok l-aħjar FIAU fid-dinja imma jekk ikollok tliet Pulizija biss u jkollhomx ħin biex jinvestigaw u tibqa’ tibgħatilhom ir-rapporti li jeħtieġu ċerta investigazzjoni allura jkun għalxejn. Qal li hu kien qed iħoss li mhux isir xogħol sew. 

    Semma wkoll li bħala baġit kellhom inqas minn miljun ewro, iżda wara li telaq hu ngħata baġit ta’ €10 miljun. Madankollu, Galdes qal li xorta jiddependi mill-Pulizija li tinvestiga. 

    Galdes qal li hu ħass li ma kellux jibqa’ jaħdem f’FIAU infettiva, fejn kien hemm każi serji li bagħat rapporti dwarhom lill-Pulizija u ma sar xejn. Qal li dawn ma kinux każi dwar persuni esposti politikament. 

    L-eks-Direttur qal li sab appoġġ mill-Ministru tal-Finanzi. Sostna li l-pagi tal-FIAU huma inqas minn tal-MFSA. Qal li meta daħal hu kien erba’ min-nies u meta telaq dawn żidedu għal 28. Madankollu, spjega li entitajiet oħra għandhom pagi aħjar, minkejja li n-nies tal-FIAU kienu jgħallmu lin-nies tal-MFSA. 

    Galdes qal li l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali u ċ-Ċermen tal-MFSA kienu qalu li s-salarji għandhom ikunu daqs tal-MFSA. Sostna li l-Ministru kien qabel iżda kien hemm ordni biex jieqfu. Qal li kien qallu dan impjegat tal-Gvern li kien jaħdem fl-uffiċċju tal-Prim Ministru. 

    Intant, Galdes qal li l-FIAU kellha informazzjoni diġà minn qabel ma faqqgħet il-kwistjoni tal-Panama Papers. Sostna li kienu jużaw il-blog ta’ Daphne Caruana Galizia bħala informazzjoni open source, bħal blogs oħra wkoll. 

    Qal li hu ta rapport lill-Kummissarju Cassar għax kien dwar nies politiċi fil-Gvern li kienu esposti. 

    Rigward Pilatus Bank, Galdes qal li għamlu rapport u sabu diversi breaches. Madankollu, qal li safejn jaf hu dan qatt ma ġie mmultat. Hu sostna li ftit qabel ma telaq kien iltaqa’ Ali Sadr li rrifjuta l-konklużjonijiet tagħhom u qabbad kumpanija biex tappella l-konklużjonijiet. Qal li din kienet l-ewwel darba. 

    Minħabba f’hekk, Galdes qal li uffiċjali tal-FIAU talbu l-informazzjoni lil Pilatus Bank iżda dan baqa’ jgħid li ma kellux informazzjoni. 

    Galdes qal li meta ltaqa’ ma Sadr dan beda jwaħħal fl-impjegati tiegħu. L-eks-Direttur tal-FIAU jgħid li Pilatus Bank ma kienx l-uniku bank b’nuqqasijiet serji. Qal li sakemm kien għadu jaħdem hemm kienu se jagħmlu t-tieni żjara fil-bank. 

    15.22: Galdes xehed ukoll li sar rapport dwar allegata korruzzjoni minn Keith Schembri rigward il-bejgħ tal-passaporti u anke dwar il-Panama Papers. 

    15.13: Qal li hu ħass li l-Pulizija kellha tkun taf bl-informazzjoni li kellu ħalli tara tmexxix investigazzjoni u tipproċedi. Galdes qal li hu ħass li kien hemm provi biżżejjed biex il-Pulizija tieħu azzjoni. 

    15.01: Manfred Galdes qal li dak iż-żmien li rriżenja hu, l-FIAU kienet tgħaddi l-informazzjoni lil-liason officer tal-Pulizija, li dak iż-żmien kien is-supretendent Ian Abdilla. Abdilla kien il-Kap tas-Sezzjoni tal-Krimini Ekonomiċi. 

    Hu spjega li meta kien ikun hemm xi persuni politiċi esposti li jiġu investigati, hu kien jinforma lill-bord b’min huma iżda mhux bid-dettalji. 

    Rigward Pilatus Bank, Galdes qal li l-FIAU ħadet azzjoni superviżorja biex jaraw jekk is-sistemi humiex mexjin sew. 

    Galdes irrakkonta li darba fl-2016 kien mar u għadda kollezzjoni ta’ informazzjoni lill-Kummissarju Michael Cassar. Spjega li ma jistax jgħid dwar xiex, iżda qal li l-biċċa tant kienet serja li għadda l-informazzjoni lill-Pulizija. 

    Spjega li Cassar kien staqsieh dakinhar jew l-għada jekk kienx rapport formali. Hu bagħatlu ittra fejn spjegalu għaliex kien għaddielu l-informazzjoni. 

    14.49: Galdes jispjega li bil-liġi l-FIAU trid tiġbor l-informazzjoni dwar suspetti li jkollha jew jaslulha. Imbagħad jekk ikollha biżżejjed provi trid tgħid lill-Pulizija ħalli tinvestiga. Sostna li l-FIAU tista' biss tgħid li għandha suspett raġonevoli f'xi ħadd. 

    14.37: Jibda jixhed Galdes u jgħid li minkejja li jixtieq jgħid ċerta affarijiet, hu ma jistax jagħmel dan. Għalhekk l-avukat Jason Azzopardi jistaqsi lill-Imħallfin dwar jekk il-bord jistax jagħtih il-permess li jixhed. 

    Il-bord ordna lil Galdes biex jixhed dwar l-affarijiet li jaf bihom bħala direttur tal-FIAU u b'rabta ma' dak li għandha x'taqsam l-inkjesta. Galdes talab li x-xhieda tiegħu ssir fil-magħluq ħalli l-bord ikun jista' jiregola dak li joħroġ u dak li le.  

    Galdes qal li hu rriżenja mill-kariga għax ħassha diffiċli biex l-FIAU teżerċita l-funzjonijiet tagħha. Qal li kien żmien diffiċli fejn kellhom bżonn ir-riżorsi, filwaqt li kien hemm obbligi li Malta ma setgħetx ma timxi magħhom. Spjega li kieku ma mxejniex mar-regoli, kien se jkun hemm riperkussjonijiet. Hu kien jiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet. 

    L-eks-Direttur qal li kellu l-aktar żewġ karigi importanti vakanti, li kienu dawk taċ-ċermen u d-deputat tiegħu. Għalhekk qal li ma setgħux jaħdmu sew. Semma li l-post ta' Kap tal-Investigazzjonijiet kien ukoll vakanti għax ma kienx hemm riżorsi finanzjarji biex jitħallsu ċerti pagi. 

    AKTAR KMIENI: Illum mistennija tkompli l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

    Mistenni jixhed l-eks-direttur tal-FIAU Manfred Galdes. 

    Aġġornata kontinwament.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0