“Fl-aħħar waslet ix-xita … spiċċajna maqbudin f'darna”

  • Jan 25, 2020 18:00
  • Miktub minn Victor Vella

    F’pajjiżna minn żmien għal żmien spiċċajna f’sitwazzjonijiet fejn damet ma għamlet xita għal diversi ġimgħat. Kellna okkażjonijiet fejn anke sar talb għax-xita. Sitwazzjoni simili kienu għaddejjin minnha l-Maltin tal-Awstralja u dan hekk kif minħabba n-nirien f’diversi boskijiet f’għadd kbir ta’ żoni f’dan il-kontinent, ħafna persuni kellhom jevakwaw djarhom, toroq prinċipali ingħalqu u l-arja anke ta’ żoni l-bogħod minn nirien tniġġżet bi dħaħen tossiki. Fi kliem Maltin li jgħixu fi New South Wales, jiem bla xita u ħruq u dħaħen mill-boskijiet jinħarqu, ħolqu inkonvenjenzi  kbar, tant li ħafna spiċċaw inqafu fi djarhom, u kien qed ikollhom jilbsu maskli tal-gass.  Il-Maltin f’din iż-żona ħadu nifs ta’ sodisfazzjon meta fl-aħħar jiem bdiet nieżla xita qawwija. Għalkemm, wara li f’xi żoni waqfet, l-arja tossika reġgħet bdiet tipprevali. 

    Konna mwissijin ma noħorġux … f’Melbourne l-arja ġiet klassifikata l-agħar fid-dinja

     

    Tkellimna ma’ Charles Belli li jgħix fi New South Wales dwar dak li għaddew minnu fl-aħħar jiem u ġimgħat bin-nirien. Qalilna li “bħalissa ħadna nifs għax fl-aħħar waslet il-bidla wisq mistenija. F’ħin qasir għamlet xita qawwija b’intensità. Il-maltempata  wara battiet imma kkawżat kaos sħiħ speċjalment madwar il-belt. Ix-xita konna qed nistennewha ħafna biex tnaddaf l-arja tossika li inġabret minħabba in-nirien. Żoni li kienu ħafna l-bogħod xorta intlaqtu mid-dħaħen.”

    Hu kompla jgħidilna li “konna imwissijin biex nevitaw li noħorġu barra minn djarna. Il-messaġġ dejjem kien li noħorġu minn djarna biss jekk ikun hemm neċessità. Kellna per eżempju ħaddiema li jaħdmu fl-apert li ġew imwissijin biex ma jaħdmux barra. Il-kwalità tal-arja f’Melbourne kienet ħażina ħafna qabel x-xita u filfatt kienet klassifikata bħala l-agħar arja fid-dinja”.

    Charles Belli enfasizza li “personalment ftit jiem ilu kelli nerġa’ nidħol niġri lura 'dar għax ma stajtx nieħu nifs. Id-dħaħen waslu sa fuq New Zealand, li hu 2,000 kilometru bogħod. Pero issa l-arja hawnhekk fejn noqogħdu aħna tjiebet u preżentament skont rapporti is-sitwazzjoni m’għadhiex perikoluża daqs kemm kienet. Ma hawnx stat jew territorju li m’huwiex affettwati minn dawn in-nirien”.

    Mark Bonello: Qatt ma esperjenzajt riħa ta’ duħħan u rmied bħal din tal-aħħar jiem

     

    Tkellimna wkoll ma’ Mark Bonello li jgħix f’Melbourne. Hu qalilna li “fejn noqgħod jien l-iktar nar viċin qiegħed qisu xi siegħa bogħod  u għalhekk mhux se jilħaq lilna. Imma d-daħna li kien hawn kemm minn nar kif ukoll wara xita u irxiex ħafif, ir-riħa ta’ nar u duħħan mill-irmiet hija  xi ħaġa li qatt ma esperjenzajtha. Daħna li ma tarax taqsam it-triq. Għalkemm qed ibatti, sema griża u mistennija terġa’ titla’ t-temperatura għolja. Naħseb sakemm ma jaqbadx rih, li jferrex in-nirien iżjed, nisperaw li l-agħar għadda!”.

    Saħaq li “naf li hawn komunitajiet sħaħ li huma maqtugħin għal kollox. Kull ma kellhom tilfuh, komunikazzjoni assolutament xejn u eluf kbar ta’ annimali mietu.”

    Spiċċajna maqfulin ġo djarna….toroq magħluqin u problemi anke biex nixtru l-ikel…problemi psikoloġiċi

    Tkellimna ukoll ma’ persuna li tgħix qrib Nelligen li  tinsab qrib il-kosta fi New South Wales. Qaltilna li “ninsabu maqbudin fi djarna. Imnalla qed jaslu b’xi mod provvisti ta’ ikel. Il-highway minn Nelligen għal Braidwood li hi importanti ħafna għalina ingħalqet minħabba in-nirien. Qed jissemmew figuri għoljin ta’ persuni li tilfu djarhom.  F’Eurobodalla inqerdu xejn inqas minn 500 dar u f’Bega Balley Shire inqerdu 130 dar.  Hawn familji li ħarbu minn djarhom. Oħrajn spiċċaw ma jmorrux għax xogħol.  Għandek ukoll l-effett psikoloġiku fuq it-tfal u membri oħra tal-familja. Dak li ġara ħoloq trawma kbira f’ħafna nies. Kemm ilni ngħix fl-Awstralja qatt ma esperjenza sitwazzjoni bħal din. Duħħan tossiku li kważi kważi lanqas iħallik tieħu nifs jekk tkun barra. Għal ħafna ħin ikollna nilbsu maskli appost magħrufa bħal P2.  Problema kbira li kellna hi fejn jidħol l-ilma għax-xorb.  Nirringrazzjaw lil voluntiera b’mod partikolari lil Masonic Lodge f’Milton li għenu ħafna nies bi provvisti ta’ ilma.”

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0