Ministru bi twissija biex l-Olokawst ma jiġix ripetut

  • Jan 27, 2020 20:13
  • Miktub minn iNews

    Il-Ministru Carmelo Abela wissa li huwa essenzjali li ħadd ma jibqa' lura fis-soċjeta ħalli l-Olokawst jibqa' biss tebgħa fl-Istorja tal-umanita.

    Abela, bħala l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mill-Iżvilupp Sostenibbli, Djalogu Soċjali u l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali, kien qed jitkellem f'isem il-Gvern fil-Parlament waqt li dan kien qed ifakkar il-75 sena mindu ġie liberat il-kamp ta' konċentrament ta' Auschwitz fil-Polonja.

    Waqt li semma kif mill-kamp ġew salvati mas-7,000 persuna huwa fakkar kif kienu mal-miljun li nqatlu fih u kif dawn kienu jagħmlu parti mis-sitt miljun Lhudi u l-erba' miljun persuna oħra meqjusin bħala inferjuri fosthom Roma, dawk b'diżabilita u Slavi.

    Abela għamilha ċara li l-Olokawst ma kienx jitwettaq li kieku Hitler ma sabx l-appoġġ tan-nies, inkluż bl-indifferenza li urew, u għax in-Nazisti sfruttaw is-sitwazzjoni fil-pajjiż biex iwaħħlu fil-Lhud.

    Fl-istess waqt semma kif il-bqija tad-dinja ma tnifsitx għal dak li kien qed jiġri u kien biss meta beda joħroġ dak li kien qed jiġri li bdiet tilqa' ir-refuġjati.

    Abela wissa li rridu noqgħodu attenti li l-Istorja ma tirrepetix ruħha u fakkar kif anke l-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew urew li l-lemin estrem kien qed jerfa' rasu.

    Huwa esprima s-sodisfazzjon li f'pajjiżna dejjem ilqajna u rrispettajna lill-proxxmu madankollu enfasizza li hemm bżonn it-tagħlim biex in-nies ma jinġarrux mill-kurrent u jkun hemm min idaħħal il-biżgħa li tista' twassal għall-mibgħeda.

    Waqt li saħaq li rridu soċjeta li tippromwovi u tirrispetta d-dinjita tal-individwu u fejn kulħadd iħossu komdu fiha, Abela nsista li jeħtieġ ikollna soċjetajiet ġusti fejn il-ġid jitqassam ma' kulħadd biex nassiguraw li dak li ġara ma jerġax jiġri.

    Min-naħa tiegħu, id-deputat Carmelo Mifsud Bonnici f'isem l-Oppożizzjoni saħaq li bħala Maltin irridu ningħaqdu ma' pajjiżi oħra biex nirriflettu fuq dak li seħħ.

    Huwa enfasizza li ma nistgħu qatt ninsew dak li ġara u wissa li jekk ninsew inkunu qed inkissru l-futur kif semma wkoll il-Papa Franġisku.

    Mifsud Bonnici sostna li kienu l-intolleranza u l-mibgħeda li waslu għall-Olokawst u żied li din it-traġedja ma kinietx biss waħda Lhudija imma tad-dinja kollha.

    Mifsud Bonnici iddeskriva wkoll l-Olokawst bħala telfa għall-valuri Ewropej u Insara u tagħtina tagħlima biex nittolleraw lil xulxin għax inkella nistgħu nispiċċaw vittmi tal-ħażen u l-mibgħeda.

    L-Ispeaker tal-Parlament Anġu Farrugia ingħaqad maż-żewġ naħat biex isellem il-vittmi tal-Olokawst fejn fakkar kif kien hemm ukoll Maltija bl-isem ta' Henrietta Chevalier li kienet tgħid Ruma u ħarrbet madwar 6,000 Lhudi.

    Huwa fakkar ukoll kif matul it-Tieni Gwerra Dinjija kien hemm mal-2,000 Malti miżmumin f'kampijiet ta' konċentrament Taljani wara li l-Italja ħakmet il-Libja u kif l-istess Ingliżi internaw 43 Malti fl-Uganda.

    Farrugia semma kif sfortunatament minn dak iż-żmien 'il hawn id-dinja rat ġenoċidji oħra jseħħu fosthom dak ta' Myanmar li issa ġie dikjarat bħala att kontra l-umanita.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0