Il-Ġużeppini Għaxqin ifakkru l-vittmi tat-traġedja kbira li seħħet 50 sena ilu

  • Fra 13, 2020 10:21
  • Miktub minn iNews

    L-Għaqda Mużikali San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq se tfakkar lill-ħames vittmi tat-traġedja li kienet seħħet 50 sena ilu fil-Kamra tan-Nar tal-istess Soċjetà. Din it-tifkira għażiża se tieħu l-forma ta’ Akkademja Mużiko-Letterarja bl-isem ta‘ “Et Quinque Victimarum” li se ssir taħt il-Patroċinju tal-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca nhar is-Sibt, 15 ta’ Frar, fis-7.30p.m. Dakinhar ukoll, fis-12.45p.m., se ssir Ċerimonja ta’ Tifkira fiċ-ċimiterju tal-parroċċa.

    Kien nhar il-Ħadd, 15 ta’ Frar 1970, għall-ħabta tas-1.15p.m., meta nstemgħet splużjoni qawwija li kienet heżżet lil Ħal Għaxaq u l-irħula tal-madwar. Kienu ħafna dawk li ġrew lejn l-inħawi ta’ Bir id-Deheb fejn kien hemm il-Kamra tan-Nar ta’ San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq li saret ħerba sħiħa.

    Fost dawk preżenti qamet kommozzjoni kbira meta sar magħruf li f‘din t-traġedja kienu tilfu ħajjithom ħames Għaxqin - Grezzju Abdilla (36), George Bonnici (54), Ġiġi Cutajar (22), Carmelo Gafà (25) u Żarenu Mizzi (22). Kien hemm ukoll sitta oħra  - George Dimech (24), Joe Mizzi (22) John Abdilla (72) Joseph Pace (18) John Busuttil (63) u John M. Abdilla (30) li għalkemm b’miraklu ħelsuha minn ħalq il-mewt, huma sofrew diversi ġrieħi meta sfaw mirdumin taħt iċ-ċnagen jew meta ntlaqtu mill-ġebel li tar b’riżultat tal-isplużjoni.

    Jumejn wara t-traġedja - t-Tlieta, 17 ta’ Frar 1970 - minkejja r-riħ kiesaħ ixoqq l-għadam li ħakem il-gżejjer Maltin, il-poplu kollu ta’ Ħal Għaxaq ħareġ minn daru u nġabar fil-Pjazza tal-Knisja Parrokkjali biex jagħti l-aħħar tislima denja lill-ħames vittmi tad-disgrazzja. 

    Il-ħames twiebet inġarru mis-soċi tal-Każin tal-Banda San Ġużepp f‘korteo funebri lejn il-Knisja Parrokkjali mmexxi mill-Banda San Ġużepp. Fil-Knisja, il-Kappillan tal-parroċċa, Dun Karm Zammit, mgħejjun minn Dun Joe Inguanez u Dun Saver Camilleri, iċċelebra quddiesa kantata de requiem. Wara, Mons Emmanuel Gerada, Isqof Ko-Adjatur, bierek it-twiebet tal-ħames vittmi qabel dawn tniżżlu fil-kripta tal-knisja fejn saritilhom id-difna.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0