Il-Karnival spontanju tan-Nadur se jixxandar live għall-ewwel darba

  • Fra 13, 2020 16:06
  • Miktub minn iNews

    Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri indirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn nieda l-Karnival Organizzat u Spontanju tan-Nadur. Huwa ħabbar li l-Karnival tan-Nadur se jkun qed jixxandar għall-ewwel darba s-Sibt mill-10pm sa nofsillejl live mill-PBS.
     
    Il-Ministru qal li kemm il-Karnival Organizzat (fis-16 ta’ Frar 2020) kif ukoll dak Spontanju (21 sa 25 ta’ Frar 2020) jaraw influss ta’ eluf kbar ta’ nies kemm fir-raħal tan-Nadur kif ukoll fil-gżira Għawdxija kollha. Huwa spjega kif fl-staġun xitwi, fix-shoulder months, dan ikompli jgħin ekonomikament lil kull tip ta’ stabbiliment. Il-Ministru Camilleri ddeskriva din l-attività kulturali bħala waħda li qed tkompli tikber kemm fl-attendenza, fil-parteċipazzjoni, u anke fl-oriġinalità. Huwa stqarr li “ħafna gruppi ta’ nies, kemm Nadurin, Maltin, u anke turisti jkunu parteċipi b’diversi modi f’dan il-Karnival tan-Nadur, u hu proprju għalhekk li l-Karnival tan-Nadur jibqa’ l-akbar attività li tattira persuni ta’ kull età u twemmin lejn Għawdex fix-xhur tax-xitwa.”
     
    Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega li l-Karnival tan-Nadur huwa attività tal-massa li jattira madwar 900 parteċipant u 5,000 viżitatur għall-Karnival Organizzat, u iktar minn 30,000 ruħ fuq medda ta’ ħamest iljieli għall-Karnival Spontanju.
     
    Min-naħa tiegħu, is-Sindku tan-Nadur Edward Said qal li “l-Karnival Spontanju tan-Nadur  iżomm l-istess dati u ġranet proprji tal-Karnival. Dan isir b’arranġament mar-Reġjun b’mod li qabel isiru Karnivali oħra organizzati fl-irħula, biex imbagħad wara nżul ix-xemx jibda dak spontanju fin-Nadur. Il-Karnival Organizzat fin-Nadur isir apposta l-Ħadd ta’ qabel biex ma jaħbatx mal-attivitajiet l-oħra tal-Karnival f’Ghawdex u Malta, u anke biex jagħti ċ-ċans lill-parteċipanti jieħdu sehem fih.” Il-karnival Organizzat ikun jinkludi fih programm ta’ mhux inqas minn ħames sigħat.
     
    Mill-banda l-oħra, il-Karnival Spontanju m’hemmx ħin eżatt xħin jibda għax huma n-nies li jagħmluh u jipparteċipaw bil-mod li jixtiequ fih huma. Huwa spjega li l-kunsill lokali għandu ħafna xogħol biex ma jmissx l-ispontanjetà, però fl-istess waqt irid jassigura karnival mill-aqwa u mingħajr inċidenti. Fost l-oħrajn dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ pulizija, sigurtà, indafa, dawl, u sound. Hawnhekk, is-Sindku tan-Nadur irringrazzja lill-Ministru Clint Camilleri tal-għajnuna finanzjarja li tingħata mill-Ministeru għal Għawdex sabiex il-Karnival tan-Nadur ikun possibbli.
     
    Il-Karnival Spontanju huwa avveniment li fih nies minn kull parti ta’ Malta u tad-dinja jattendu fiċ-ċentru tal-lokalità, lebsin kull tip ta’ kostum li jvarjaw minn kostumi makabri, grotteski, karattri taċ-ċinema, satira politika, u saħansitra kostumi aktar moderni u kontemporanji. M’hemmx mod kif isir u m’hemmx ħin xħin jibda jew jispiċċa dan il-karnival. Huma n-nies li jitħallew fil-libertà jesprimu dak li jixtiequ b’mod liberu, sakemm ma jkunx hemm ksur tal-liġi. L-infurzar jara li ma jkunx hemm abbuż u lanqas moħqrija tal-annimali. Il-Karnival evolva ħafna minn wieħed fejn kienu biss joħorġu n-nies tan-Nadur jisimgħu lid-daqqaqa fil-bottegini u jilbsu xkejjer jew ta’ iħirsa, għal wieħed tal-massa li fih tara taħlita enormi ta’ kostumi, li kultant iħalluk sorpriż ħafna.
     
    Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm billi rringrazzja lid-Direttorat tal-Kultura taħt il-Ministeru għal Għawdex li jgħin kontinwament sabiex attivitajiet bħal dawn jittellgħu b’suċċess.
     
    Programm tal-Karnival Organizzat
     
    Il-Karnival tan-Nadur huwa magħruf sew u ġej minn żmien il-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta. Dak iż-żmien kien magħruf bħala l-Karnival tal-Foqra. F’din l-attività kien ikun hemm daqqaqa kif ukoll il-kukkanja tradizzjonali fil-Karnival Organizzat. Dawn għadek issibhom illum ukoll, filwaqt li l-istess Karnival laqa’ fi ħdanu żvilupp kemm fil-mezzi li jintużaw għall-karrijiet, kostumi u żfin u anke fil-mod ta’ kif tiġi interpretata l-ispontanjetà
     
    Il-programm Organizzat mill-Kunsill Lokali fi Pjazza San Pietru u San Pawl fin-Nadur dejjem isir ġimgħa qabel dak Spontanju.  Fih ser ninkludu:
     
    -Parteċipazzjoni ta’ diversi gruppi, fosthom dawk taż-żfin b’kostumi;
    -sketches;
    -Karrijiet żgħar kif ukoll karrijiet kbar;
    -L-innu tal-karnival b’kostum li jirrappreżenta lir-raħal u magħmul mit-tfal tan-Nadur;
    -Maskarati spontanji li jagħmlu sketches apposta biex nuru kif ikun il-karnival ta’ filgħaxija; 
    -irġiel lebsin ta’ nisa u viċi versa u maskeruni kbar u żgħar;
    -Il-kukkanja għat-tfal u għall-kbar.
     
    Il-programm jibda dejjem bi sfilata f’nofsinhar, u l-parteċipanti kollha jaslu fil-pjazza sabiex jidħlu fil-“foyer” Il-programm ikun dejjem immexxi minn preżentaturi li normalment ikunu persuni magħrufa fil-qasam tal-ispettaklu fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni Maltin. Dan il-programm jispiċċa bid-dħul tal-karrijiet trijonfali, u wara, għall-ħabta tas-6pm tibda l-kukkanja.
     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0