“Ebda mara ma jixirqilha tħossha fil-periklu f’darha stess”

  • Fra 14, 2020 09:06
  • Miktub minn Carmen Cachia

    Intervista mal-Kummissarju ġdid Kontra l-Vjolenza Domestika, Audrey Friggieri…

    Ħafna qegħdin jittamaw li sa fl-aħħar tkun indirizzata b’mod effettiv u urġenti l-pjaga tal-vjolenza domestika f’Malta. Dan wara li għal darb’oħra, mara u omm sfat vittma tal-agressur tagħha b’mod makabru li ħalliha minxura mal-art f’għadira demm b’daqqiet ta’ sikkina f’rasha f’Ħaż-Żabbar. Dan l-aħħar każ, li fih tilfet ħajjitha Chantelle Chetcuti ta’ 34 sena, qajjem rabja mal-poplu kollu fejn l-għajta kollettiva kienet biex il-Gvern jara kif jipproteġi lin-nisa mill-vjolenza domestika. Il-Ħadd li għadda tħabbar Kummissarju ġdid għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika - Audrey Friggieri - u r-rwol tagħha, għall-ewwel darba fl-istorja, huwa fuq bażi ‘full time’.

    “Chantelle qatt ma kellha tispiċċa hekk. Kultura sħiħa u s-sistemi li suppost twaqqfu biex jipproteġuha fallewha”. Dan huwa l-kliem iebes, iżda veritier, tal-Kummissarju Friġġieri li qalet lil dan il-ġurnal li l-biża’ huwa element qawwi f’relazzjoni abbużiva. Hija qalet li anke l-mistħija huwa fattur ieħor sinjifikanti u li jagħmel ħafna ħsara huwa dak tal-perpetwazzjoni ta’ sterjotipi.  

    Il-Kummissarju Friggieri qalet li, “din tissarraf fi pressjoni mill-komunità tal-mara u mis-soċjetà inġenerali biex tkun omm u mara eżemplari – allura tħoss li għandha tipprova u tipprova, tissaporti kemm tiflaħ ħalli ma tkissirx familja u sintendi dan qatt ma jsolvi xejn. Ikun hemm żminijiet tajbin, iżda dawk ħżiena jeskalaw aktar ma jgħaddi ż-żmien.” 

    Nindirizzaw ir-rwol tal-irġiel peress li ħafna drabi huma l-agressuri

    Mistoqsija x’se jkunu l-ewwel passi li se tieħu fil-ħidma tagħha bħala Kummissarju Kontra l-Vjolenza Domestika, Friġġieri qalet li hemm bżonn nikkonċentraw ħafna enerġija fuq il-ġenerazzjoni ta’ djalogu u diskussjoni nazzjonali dwar x’jiġifieri tkun raġel u x’jiġifieri tkun mara; dwar relazzjonijiet b’saħħithom; dwar drittijiet fundamentali ta’ kull bniedem; kif ukoll dwar sistemi ta’ għajnuna, tagħlim u sapport eżistenti u anke dawk li hemm bżonn jinħolqu. 

    “Data dwar il-femiċidju turina li l-ġeneru huwa sinjifikanti u allura hemm bżonn nindirizzaw ir-rwol tal-irġiel peress li fil-maġġoranza tal-każi huma jkunu l-agressuri. Mhux faċli tħassar sekli ta’ kultura miżoġinista u patrijarkali li l-bnedmin jassorbu mit-twelid, iżda aħna rridu nkunu l-katalist tal-bidla li ilha tħarsilna f’wiċċna b’urġenza issa,” saħqet Friġġieri.

    Hija tħoss li ma jistax ikun li nibqgħu nipperpetwaw ideoloġiji inġusti li jivjolentaw l-esseri tal-mara u li l-vjolenza abbażi ta’ ġeneru u vjolenza domestika għandhom jittieħdu bl-ikbar serjetà. Barra minnhekk każijiet ta’ nisa, tfajliet u bniet li jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom ta’ vjolenza u abbuż u li jfittxu ġustizzja, għandhom jittieħdu bl-ikbar serjetà mis-soċjetà kollha u jitqiesu bħala pjaga tas-soċjetà kollha kemm hi, għax l-abbuż u l-vjolenza abbażi ta’ ġeneru huma mifruxa f’kull saff  tas-soċjetà. 

    Friggieri sostniet li, “l-ebda mara ma jixirqilha tħossha fil-periklu f’darha stess. Ħadd ma jixraqlu dan. Huwa dritt fundamentali ta’ kull bniedem li jgħix fil-libertà tiegħu u fis-sigurtà”. 

    Il-Kummissarju l-ġdid qalet li dan l-impenn jinvolvi lil kulħadd, fl-oqsma kollha tal-ħajja billi nibdew b’interventi u miżuri kkonċentrati fis-sistema edukattiva f’kull livell u bil-forom kollha tal-midja u b’aċċessibilità akbar u aktar mifruxa għall-informazzjoni meħtieġa biex persuna ssib l-għajnuna li jkollha bżonn u f’waqtha. 

    “Imbagħad jeħtieġ nassiguraw li jsir taħriġ regolari u rigoruż fuq għodda u ħiliet li jiffaċilitaw komunikazzjoni xierqa u effettiva bejn min qiegħed jirċievi l-abbuż u min imexxi fuq il-postijiet tax-xogħol kullimkien, min hu responsabbli u punt ta’ referenza,” kompliet Friggieri. 

    Hija qalet li dan għandu jsir b’mod speċjali fil-Korp tal-Pulizija, peress li huwa fl-għassa li tidħol persuna biex tagħmel rapport f’mument diffiċli ħafna għaliha u li hemm bżonn ta’ hotline li jaħdem 24/7 fejn persuna li tħossha fil-periklu, issib persuna mħarrġa apposta ma’ min titkellem kunfidenzjalment u b’mod sigur għax dan huwa essenzjali. 

    “Diġà hemm sistemi li qegħdin jaħdmu. Issa rridu naraw kif nistgħu ntejbuhom. Dan l-impenn huwa urġenti – każ ta’ ħajja jew mewt għal ħafna nies,” temmet Audrey Friggieri.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0