Niżvelaw il-pjan … riforma li se ddgħajjef aktar lil Delia

  • Fra 15, 2020 08:09
  • Miktub minn iNews

    Hekk kif dalgħodu jerġa jiltaqa’ l-Kunsill Eżekuttiv tal-PN biex jisma’ d-dettalji tal-pjan ta’ riforma li ħejja Louis Galea, dan is-sit jista’ jiżvela li allegatament il-pjan ta’ Louis Galea se jkun qed idgħajjef is-saħħa tal-Kap tal-partit billi jpoġġih taħt kumitat magħmul minn eks kapijiet u li ċ-Ċermen tiegħu allegatament ikun Simon Busuttil bħala l-aħħar Kap qabel ġie elett Delia. 

    Din l-istess proposta tinstab ukoll fil-preżentazzjoni li allegatament għamel Claudio Grech u li ddiskuta allegatament f’laqgħa li kellu mal-Grupp Parlamentari biex jikseb appoġġ. Siltiet minn dan ir-rapport waslu għand inewsmalta minn sorsi fi ħdan il-Grupp Parlamentari li xejn m’huma kuntenti bl-allegati manuvri li qed isiru.

    Claudio Grech iwieġeb għad-domandi ta’ L-ORIZZONT

    Intant dan is-sit staqsa lid-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech dwar dak li qalulna l-istess sorsi. Hu qalilna li “sfortunatament din l-allegazzjoni wkoll hija kompletament żbaljata u ntiża biex tagħti stampa għall-kollox mhux veritiera tal-fatti. Għalkemm il-prassi tiegħi hi li ma’ niddiskutix dak li nkun iddiskutejt privatament mal-Kap tal-Partit, iċ-ċirkostanzi preżenti u l-fatt li hemm min qiegħed jipprova juża dawn l-ħrejjef biex jagħmel ħsara lill-PN, jirrikjedu li tingħata tweġiba.”

    Saħaq li “bil-għan ewlieni li bħala Grupp Parlamentari nieħdu rwol proattiv, f’Mejju u Ġunju tal-2019 jien kont ippreparajt Pjan ta’ Riġenerazzjoni tal-PN li kont ippreżentajtu lill-Kap tal-Partit fit-tielet ġimgħa ta’ Ġunju 2019. Ftit ġranet wara kont iddiskutejt verżjoni konċiża mal-bqija tat-tmexxija. Dr Delia kien esprima l-appoġġ tiegħu għall-kunċett u l-proposti li kienu qed isiru f’dan il-Pjan. Hekk kif inħatar Dr Louis Galea biex imexxi il-proċess tar-riformi fil-Partit, fuq suġġeriment tal-Kap stess, jien kont qsamt l-idejat tiegħi miegħu u fuq proposta tiegħu stess, il-Pjan fl-intier tiegħu ġie ppreżentat lill-Grupp Parlamentari f’żewġ seminars li saru f’Novembru u Diċembru tas-sena l-oħra. Xi ġimgħat ilu għamilt talba lill-Kunsill Amministrattiv biex dan ikun jista’ jiġi diskuss fi ħdanu wkoll.”

    Saħaq li “mhux talli din il-proposta ma’ kienetx intiża biex iddgħajjef lil-Kap iżda talli kienet intenzjonata biex issaħħaħ it-tmexxija u ġġedded l-istrateġija politika bil-għan li nagħtu lil dan il-pajjiż oppożizzjoni vijabbli, f’kunċett politiku evolut fejn il-Partit li jippromwovi l-ġid komuni bħala l-qofol tal-ħidma politika tagħna. Qiegħed nikkopja lit-tmexxija u lil Dr Louis Galea biex jekk ikunu jixtiequ jżidu xi reazzjoni tagħhom ikunu jistgħu jagħmlu dan”.

    Iwieġeb Louis Galea

    Dan is-sit għamel kuntatt ma’ Dr Louis Galea. Hu qalilna li “għall-mistoqsijiet tiegħek it-tweġiba ċara hi “assolutament mhux veru. Bl-ebda tiġbid tal-immaġinazzjoni xi proposta ma tista' tinftiehem li b'xi mod iddgħajjef jew tnaqqas l-influwenza tal-Kap.  L-iskop tar-riforma imnedija f'Lulju tas-sena l-oħra mill-istess Dr Adrian Delia, Kap tal-PN, hu biss li nsaħħu l-Partit Nazzjonalista bi strutturi u sistemi aktar organizzati u moderni li jattiraw nies ġodda minn kull saff tas-soċjetà. M'għandhix dubju li dan hu fl-interess tal-poplu kollu."

    Illum laqgħa tal-Eżekuttiv

    Intant is-sorsi ta’ inewsmalta qalu li fi tmiem il-laqgħa tal-lum mistenni jittieħed vot biex isiru l-elezzjonijiet għall-uffiċjali ġodda tal-PN. Is-sorsi jsostnu li l-fazzjoni anti Delia mistennija tirbaħ dawn l-elezzjonijiet bil-għan li Delia jsib ruħu mdawwar b’nies li jriduh jitlaq. Allegatament l-istess Louis Galea lagħab il-karti tiegħu sew billi allegatament talab lill-President tal-Eżekuttiv Alex Perici Calascione biex jiskatta l-elezzjonijiet tal-uffiċjali qabel issir ir-riforma sabiex ikollu l-appoġġ meta jressaq it-riforma għall-vot. Is-sorsi jgħidulna li qed jistennew li l-pjan ta’ Claudio Grech u dak ta’ Louis Galea allegatament ikompli tikkonsolida l-fazzjoni anti Delia.

    Is-sorsi jinsabu ċerti li dawk li se jippontaw li jieħdu kariga uffiċjali huma: Alex Perici Calascione viċi Kap minflok Robert Arrigo, Mark Anthony Sammut President tal-Amministrattiv minflok Carm Mifsud Bonnici, Paula Mifsud Bonniċi President Eżekuttiv, Roslyn Borg Knight tibqa’ Segretarju Internazzjonali u Boris Xerri Teżorier. Dawn huma kollha nies li allegatament jopponu jew tilfu l-fiduċja fit-tnexxija ta’ Delia.  Wara r-riforma mistenni li Francis Zammit Dimech jiġi konfermat Segretarju Politiku waqt li allegatament Ivan Bartolo n-negozjant isir CEO tal-Partit kollu inkluż il-media.

    Imdawwar b’dawn l-uffiċjali u ħadd mill-fazzjoni tiegħu Delia jkollu jbaxxi rasu jew jitlaq.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0