Fost l-iżgħar deputati b'viżjoni wiesa' għall-futur ta' pajjiżna

  • Fra 18, 2020 12:16
  • Miktub minn Cristian Muscat

    L-Onor. Jean Claude Micallef - eks xandar ta' ċerta stoffa u preżentement fost l-iżgħar Deputati fil-Parlament Malti. Mal-ħatra tiegħu f'din l-ogħla istsituzzjoni tal-pajjiż permezz ta' elezzjoni każwali, ġie afdat b'diversi karigi u responsabbiltajiet importanti mill-Onorevoli Prim Ministru, Dr Robert Abela.

    Kellimni ftit dwar it-tfulija tiegħek. 

    Tifel imqareb Xlukkajr, li ġejt edukat fil-iskola primarja ta' Ħal Għaxaq u wara fil-Kulleġġ San Alwiġi. Ġejt kostrett nikber kmieni minħabba s-sitwazzjoni familjari u dħalt fid-dinja tan-negozju f'età ċkejkna. Tfulija u żogħżija mimlija sport b'mod partikolari l-atletika, ħafna arti u mħabba kbira lejn l-annimali primarjament klieb, akkwarja u trobbija tal-fniek fejn f'mumenti kelli madwar 60 fenek għall-wiri jew tnissil għall-ikel. 

    X'kien ħajrek biex issir xandar? 

    Kien għalliem tal-Malti l-Kulleġġ San Alwiġi li kien kontinwament jinkoraġġini li kont maħluq għat-televiżjoni. L-aktar għal mod kif kont nargumenta, l-ispontanjeta tiegħi u li dejjem kelli rwoli fejn nirrappreżenta lil sħabi f'diversi sitwazzjonijiet. Kien l-istess perjodu fejn ħafna kienu jimbuttawni għal-liġi imma l-imħabba lejn l-arti u l-elementi ta' kreattività u r-riskju ta' negozju innovattiv rani nirregistra kumpanija ta' produzzjoni u midja fl-età ta' 16-il sena. 

    U biex tidħol fid-dinja tal-politika? 

    Bdejt ninvolvi ruħi f'età tenera wkoll fejn kont anke kandidat tal-Pulse fil-Junior College u anke president tal-fergħa tal-FŻL ta' Marsaxlokk. Ħajruni ħafna nies minn politiċi li kienu stabbiliti għal persuni li kont niltaqa magħhom permezz tan-negozji varji li ħdimt fihom. Aktar ma żdiedet il-popolarità tiegħi fix-xandir aktar kibret il-persistenza biex nidħol fl-arena politika. Dejjem kont persuna tan-nies u servejt ta' ġid għal ħafna f'sitwazzjonijiet varji. Timlini b'sodisfazzjon nara lil xi ħadd jimxi 'l quddiem permezz ta' kontribut jew inkoraġġiment mingħandi. Affaxxinat mill-istrateġiji u kampanji politiċi fejn mill-2004 sal-lum kont parteċipi f'elezzjonijiet varji minn dawk interni, lokali, nazzjonali u ewropej. L-għaxqa tiegħi nibni kampanji elettorali u nikseb riżultati li nkun stinkajt għalihom ma' grupp ta' nies li finalment isiru familja. Huma l-uniċi sitwazzjonijiet fejn l-emozzjonijiet u n-numri jimxu id f'id. 

    Timmissjah is-sehem tiegħek fix-xandir? 

    Nimmissjah u kif! Kelli nagħlaq il-bieb għal 17-il sena karriera fejn bnejtha b'sagrifiċċji kbar u għext ħajti fuq it-televiżjoni u għat-televiżjoni. Stressanti kemm hi stressanti huwa ta' sodisfazzjon kbir li toħlom, tfassal, twettaq u tferraħ. Nammetti li s-sitwazzjoni tax-xandir f'Malta hi fix-xifer minkejja t-talenti u l-passjoni ta' diversi. Ma nimmisjax ċertu apatija fid-direzzjoni biex is-settur tax-xandir isir industrija sostenibbli f'pajjiżna. F'dan ir-rigward, illum, żgur li nista nservi ta' ġid biex jiġi mfassal mudell li jara industrija kreattiva li toħloq mhux biss programmi televiżivi imma karrieri u qafas ekonomiku li jipproteġi l-artisti, jirfina r-riklamar u jagħti lok għal kollaborazzjonijiet internazzjonali. 

    X'emozzjoni ħassejt meta ġejt elett fil-Parlament Malti għall-ewwel darba permezz ta' elezzjoni każwali? 

    Emozzjonijiet ta' sodisfazzjon, apprezzament u ħeġġa. Ma kelli qatt ħajja faċli u għaddejt mill-iebes. Li tasal fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż huwa privileġġ. Li tikteb l-istorja bħala l-ewwel Xlukkajr fil-Gvern huwa unur. Li titla' miż-Żejtun, Wied il-Għajn u l-irħula li ffurmawni tfisser ħafna. Li nieħu l-ġurament ma' Prim Ministru ġdid b'diversi sfidi quddiemna jagħtini ħeġġa li nkun fuq quddiem għad-distrett li emmen fija kif ukoll iffukat biex nuri xi nsarraf f'dal-mument ta' prova. 

    X'responsabbiltà tħoss fil-karigi l-godda li afdalek riċentement il-Prim Ministru Dr Robert Abela? 

    Dejjem dħalt għal kull inkarigu b' viżjoni li ntejjeb sitwazzjoni, nikseb ir-riżultati waqt li nitgħallem u nassorbi kull mument fl-intier tiegħu. Napprezza l-fiduċja li l-PM Robert Abela għandu fija u kommess li nagħmlu kburi permezz ta' ħidmieti skont il-pjan tiegħu biex fl-immedjat intejbu r-reputazzjoni ta' pajjiżna fejn ġiet mittiefsa, nservu ta' stimolu mill-ġdid għall-ekonomija soda li għandna u niktbu kapitli ġodda għal pajjiżna u l-Partit Laburista. 

    X'unur u x'responsabbiltà tħoss għall-fatt li int wieħed mill-iżgħar Deputati Parlamentari fil-Parlament Malti? 

    L-età qatt m'għamlet bija. Dejjem evalwajt persuna bl-intellet, bil-maturità u bil-karatteristiċi tagħha. Fil-Parlament m'għandekx kejl ta' xiħ jew żagħżugħ imma ta' kompetenza jew le. Ta' prestazzjoni u viżjoni. 

    Kif tiddeskrivi l-politika bħala mezz biex tinkiseb il-ġustizzja soċjali? 

    Il-politika hi l-ikbar strument għal kisba ta' ġustizzja soċjali. Id-deċiżjonijiet meħuda u x'direzzjoni jagħti l-politiku jsawru s-soċjetà. Li wieħed iħares lejn ġustizzja soċjali minn lenti ta' kulħadd l-istess jew kulħadd indaqs ikun żball ta' ġudizzju u inġustizzja fiha nfisha. Ninterpreta l-ġustizzja soċjali bħala l-opportunità li tagħti lil kull individwu id-dritt li jgħix ħajtu mingħajr żvantaġġi biex jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu. Fejn l-individwu jikkontribwixxi għal kobor tas-soċjeta tiegħu u skond il-kontribut tal-individwu, is-soċjeta tikkontribwixxi lejh irrelevanti mill-orjentazzjoni sesswali, mill-età, twemmin politiku jew reliġjon li jħaddan. 

    Kif jirnexxielek issib bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali tiegħek? 

    Il-verità hi li ma nsibx bilanċ. Kull min jafni sew jiddiskrevieni bħala mutur tax-xogħol. Huwa limitat ħafna l-ħin li niddedika għal ħajja personali. Aktar milli huwa nġust għalija, li llum drajt ngħix hekk u nħossni kuntent, huwa iktar inġust għal min hu madwari li jkollu jagħmel sagrifiċċji kbar minħabba l-karriera tiegħi u s-suċċessi tiegħi. Kollox fih prezz inkluż il-ħajja pubblika u karriera suċċess. 

    Xi tgħidli dwar l-ekonomija Maltija li hi waħda mill-aqwa li qatt kellna f’dawn l-aħħar snin? Iżda taħseb li hawn faqar li ma jidhirx? 

    Ekonomikament, Malta laħqet livelli li qatt ma' rajna qabel. Riżultat ta' politika viżjunarja li ħarġet lil Malta minn staġnar waqt li fjorixxiet billi nbiddlu prattiċi ekonomiċi, sar immaniġġjar aħjar tal-assi u finanzi pubbliċi u tnissel tama fost imprendituri biex jgħollu l-miri tagħhom fejn tidħol produzzjoni u bejgħ. Indubbjament miżuri 'l bogħod minn awsterità u inċentivi lejn min hu bieżel u pro-attiv waslu għal surplus ekonomiku, tkabbir tal-GDP u tkattir ta' xogħol bla preċedent. L-ekonomija ta' pajjiż ma tirriflettix is-sitwazzjoni finanzjarja ta' kull ċittadin. Jeżisti faqar u li jidher ukoll. Faqar kulturali fejn fost l-oħrajn il-kejl ta' persuna sar wisq il-but. Huwa tajjeb li jkollok il-flus fil-but iżda trid soċjetà aktar edukata u kolta. Jeżisti faqar għax persuna mhux kapaċi tipprojitizza tajjeb jew tqassam il-finanzi tagħha. Għandek ukoll faqar finanzjarju frott is-suċċess ekonomiku. Persuni li ma jaffordjawx kirjiet hekk kif Malta attirat ħaddiema b'pagi għoljin minn barra l-pajjiż u frott ta' dan għolew ir-rati tal-kerha. Għandna żgur faqar edukattiv fejn fost oħrajn filwaqt li tara persuna suċċess akkademikament mhux kapaċi tgħix ħajja sana u sportiva tant li nkomplu nokkupaw l-ogħla postijiet fejn tidħol l-obeżita, problemi ta' pressjoni u dijabete. Il-miżuri meħuda fl-aħħar baġit juru li l-Gvern qiegħed jirrikonoxxi dan u anke beda jindirizza sitwazzjonijiet partikolari. 

    X’inhuma l-fehmiet tiegħek fuq il-kannabis rikreazzjonali? 

    Konna intelliġenti biżżejjed li nkunu minn ta' quddiem fejn tidħol il-kannabis mediċinali. Għaldaqstant għandna nkunu intelliġenti meta niġu biex nikkunsidraw l-użu ta' droga rikreazzjonali. Li taħrab mill-problema tad-droga mhux soluzzjoni. Li ma tillegalizzax ma jfissirx li se teqred id-droga għaliex kieku m'għandniex fiċ-ċirkolazzjoni tagħna. Nemmen li legalizzazzjoni u mhux biss dikriminalizazzjoni twassal għal aktar kontroll. Ċertament li b'suq regolarizzat u ntaxxat tnaqqas l-abbuż, iżżid finanzjament għal kampanji edukattivi u tisfrotta negozju li s'issa baqa biss black-market u qed jigwadanjaw dealers u traffikanti waqt li s-soċjeta ma hi qed tibbenefika xejn minnu. Il-miżuri jridu jkunu rigorużi fejn fost oħrajn wieħed jara li l-prodotti fis-suq huma abbażi ta' CBD u mhux THC. B'tal-aħħar komponent ewlieni fl-isfreġju ta' saħħa mentali għal bosta żgħażagħ. Ir-rata ta' żidiet f'każijiet ta' skizzofrenija f'Malta tinkwetani bil-kbir u għandha tkun indirizzata fit-tfassil ta' liġijiet ġodda f'dan ir-rigward. 

    Xi tgħidli dwar l-abort? 

    Huwa qtil u azzjoni li ma tikkoreġix jew twaqqaf il-kawża imma taħbi reazzjoni. Id f'id mal-Prim Ministru Robert Abela lest niġġieled b'argumenti sodi lil kull min jipprova jiġġustifika qtil tal-innoċenti. Fl-istess ħin preparat biex nisma każijiet varji fejn wieħed jaħseb biss dwar kif ibiddel riżultat ta' problema mingħajr ma jkun qed jindirizza l-kontinwità tal-ħolqien ta' problema. 

    Kif tarah l-istat tal-familja hawn Malta? Taħseb li hawn xi kriżi? 

    Personalment nemmen f'soċjetà li għandha tinbena fuq il-kunċett individwali aktar milli kunċett ta' familja. Ċioè li l-istat iħares lejn kull individwu b'mod ekwu fejn jgħin biex kull individwu jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu indipendentament minn liema forma soċjali jiddeċiedi li jgħix ħajtu. Ma narax li pajjiż għandu jaġevola jew jagħti preferenza lil min jiddeċiedi jifforma familja fuq forom oħra ta' status soċjali. It-realtà f'Malta hi li fost oħrajn għandek diversi forom ta' familji. Żgur li saret trasformazzjoni fid-demografija hekk kif l-istat sar iktar sensittiv lejn id-diversità. Minn kwalunkwe perspettiva ma nara kriżi fejn tidħol il-familja f'Malta. 

    Kif taħseb li se jkun il-futur ta’ Malta meta tqis li naqas ħafna r-rispett lejn l-awtorità? 

    Ma naqbilx li naqas ir-rispett lejn l-awtorità. Anzi nemmen li riċentement rajna lil ħafna li tilfu mir-rispett tal-poplu għaliex naqsu lejn l-awtoritajiet u lejn pajjiżhom għal skapitu t'agendi b'motivi ulterjuri. Jekk wieħed iħares lejn is-sondaġġi kull ma jmur wieħed jara lill-Gvern Laburista jżid fl-appoġġ. Turija ċara ta' rispett. Kif ukoll sfiduċja lejn dawk li pruvaw itappnu l-integrità tal-awtoritajiet Maltin. Nara u naħdem lejn futur li jkompli jiggarantixxi saltna ta' dritt u rispett bejn is-soċjeta u l-awtoritajiet Maltin permezz ta' governanza tajba. 

    Kemm bidlet id-dinja it-teknoloġija li kulma jmur qiegħda dejjem tiżviluppa?

    L-iżvilupp huwa parti mill-evoluzzjoni. Ċertament li t-teknoloġija hija kontributur ewlieni biex il-bniedem jgħix ħajja itwal, b'inqas problemi u kumdità. L-era li qed ngħixu fiha tirrikonoxxi l-fatt li t-teknoloġija saret integrali fil-ħajja tal-bniedem. Interessanti diskussjoni li kelli ma' saċerdot Malti li qed jagħmel PhD fit-Teoloġija fejn jorbot il-kuxjenza mat-teknoloġija. Sa ftit snin ilu konna norbtu t-teknoloġija ma' ħwejjeġ spazjali. Nemmen li iktar ma jgħaddi ż-żmien il-bniedem se jintegra iktar mat-teknoloġija li se tkun strumentali għall-eżistenza tagħna b'tibdil fl-istil tal-ħajja kwotidjana. 

    Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ tiegħek lill-poplu Malti u Għawdxi. 

    Nippreferi nisma' l-messaġġi tal-poplu Malti u Għawdxi biex b'hekk inkun nista' nevalwa u nipproponi politika li ttejjeb lil pajjiżna u l-iżvilupp ta' kull wieħed minna.

    @tweetembed@

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Riċetti

Facebook