Wistin Abela (19.10.1933-20.1.2014)

  • Fra 22, 2020 20:11
  • Miktub minn Prof. Ray Mangion

    Agostino twieled fir-raħal qadim u storiku taż-Żejtun, iben Karmenu Abela li kien impjegat it-Tarzna mill-familja ‘Tal-Inġinier’, u Feliċja Abela li kienet mara tad-dar mill-familja ‘Ta’ Għabajjar’. Huwa twieled fid-dar n.2, Triq il-Bandolier, iż-Żejtun Huwa tgħammed mill-Arċipriet Pacifico Mifsud jumejn wara fil-21 ta’ Ottubru 1933 u ngħata l-ismijiet ta’ ‘Augustinux, Joannes, Carmelus’.

    Huwa kien iż-żgħir fost tliet aħwa li għexu u li kienu Ġużeppa kif ukoll Frances.

    Agostino, magħruf affezzjonament u minn kulħadd bħala ‘Wistin’, sofra l-mewt ta’ missieru Karmenu meta kellu tmien snin u kien għadu fit-tfulija tiegħu. Huwa tgħidx kemm ħass it-telfa tiegħu iżda xprunat minn ommu biex tarah jikber fl-edukazzjoni tiegħu, fittex li jitgħallem l-iskola u jitkattar fl-għerf.

    Eventwalment, Wistin innifsu ammetta li ommu kellha tħabbat il-bieb ta’ wieħed sinjur li pprovda l-flus biex huwa seta’ jissokta bl-istudji tiegħu fuq livell terzjarju għal ħames snin sħaħ.

    Huwa seddaq l-apprezzament aħħari tiegħu billi fawwad u wennes b’kemm kellu saħħa lill-batut u lil min kien anqas ixxurtjat.

    Wistin diġà kellu, fuq kollox, lejn fejn seta’ jħares. Huwa kellu l-familjari tiegħu minn Ħal Tmikki, fir-Raħal t’Isfel (Bisqallin), fiż-Żejtun, li kellhom remissa li fiha kienu jżommu l-vara tar-Redentur u tal-Ġimgħa l-Kbira tal-Knisja Arċipretali fi żmien li l-istatwi kienu jintrefgħu fil-privat. 

    Fi ftit kliem, Wistin kellu niesu u qrabatu li kellhom l-ispirtu, id-direzzjoni u l-għanijiet tagħhom.

    Missieru Karmenu u z-zijiet kienu l-benefatturi tal-bradella u tas-salib interzjat tal-istess vara tar-Redentur, tant, li l-Imgħallem Dalmas kien għamlilhom rikordju.

    Wistin kien prim kuġin ta’ Karmenu Abela, missier l-istoriku dwar iż-Żejtun Dun Joe Abela.

    Wistin studja fl-Iskola Primarja Governattiva taż-Żejtun (1939-44), fil-Liċeo fil-Ħamrun (1944-50) u fl-Università Rjali ta’ Malta fil-Belt Valletta (1951-54). Huwa tħarreġ ukoll fis-Seminarju tal-Arċisqof fil-Furjana. 

    Huwa kien membru fis-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM) u kellu ġibda lejn is-saċerdozju tant li kien anki Seminarista u jilbes is-suttana u l-kullar. Huwa kien student fl-Alma Mater meta kien ikun ma’ grupp kbir ta’ aspiranti oħrajn, tnejn tnejn, serbut wara xulxin, u kien jimxi mis-Seminarju l-Furjana lejn Triq San Pawl, il-Belt Valletta. Madankollu, huwa għażel li ma jkomplix jistudja biex isir qassis. Dik il-ħabta, Wistin kienu pinġewhielu bħala wieħed mill-ftit ġuvintur b’ħajra lejn il-ħajja reliġjuża iżda ta’ xeħta Laburista.

    Wistin kien verament wild u iben il-ħaddiem u kien jaf jagħraf sewwa x’kienet tfisser il-karba tal-armla, tal-orfni, tal-morda u tal-imsefrin.

    Infatti, huwa kien għadu ġuvni meta kien impjegat bħala leader tas-sezzjoni tal-iskrivana sewwasew tat-taqsima tal-accounts inklużi l-pagi fid-Dokkjard taħt l-Armiral (1956-59), fi żmien id-Ditta Bailey (Malta) Ltd (1959-63) kif ukoll meta matul il-perjodu tal-Malta Drydocks (1963-1971).

    Wistin Abela daħal fil-politika fl-1959 u nħatar President tal-Għaqda Żgħażagħ Laburisti, fil-Fergħa taż-Żejtun (1959-61), imbagħad President tal-Klabb tal-MLP tal-istess raħal twelidu (1960-67) u President tal-Kumitat tar-Raba’ Distrett (1961-65).

    Huwa wera stamina u reżiljenza f’perjodu li matulu l-Partit Laburista kellu d-dnub il-mejjet impost fuqu.

    Huwa kien imdaħħal sew fix-xiri tal-Każin tal-Partit Laburista fiż-Żejtun li fetaħ uffiċjalment fit-13 ta’ Ġunju 1965, u li kien ġrajja li seħħet bl-akbar ħsieb u għaqal. 

    Wistin serva bħala Awditu tal-Partit Laburista minn dak iż-żmien, sewwasew sa mill-1964. 

    Mill-bidu nett, huwa kien ferm populari u kien tabilħaqq maħbub mill-kostitwenti tiegħu billi huwa kien iħobb in-nies u jżomm kuntatti regolari magħhom. Huwa kien jidher raġel kwiet iżda kellu qalbu f’idu. Huwa kien iħobb jitħallat man-nies u jilqa’ lil kulħadd. Huwa kellu widnejh beraħ biex jisma lil kull min bi ħġaru fittex lilu biex iwennsu, isabbru u jgħinu.

    Wistin kien xhud f’għexieren ta’ żwiġijiet u spiss kien ikollu bejn żewġ jew iktar tiġijiet fi tmiem il-ġimgħa. Barra minn hekk, huwa kien parrinu ta’ għadd sabiħ tal-Griżma.

    Huwa ma damx biex sar figura ċentrali għall-Partit Laburista b’għeruq mill-aktar sodi fiż-Żejtun u fl-irħula lil hinn minnu. 

    Wistin kien rispettat ħafna bħala għalliem li kien jagħti l-privat b’xejn lil bosta tfal li kienu ġejjin mill-erba’ rkejjen taż-Żejtun l-iktar fil-Matematika. Huwa ħejja bosta Żwieten għall-eżami tal-Liċeo jew tat-Tarzna. Inċidentalment, oħtu ‘Frans’ ukoll kienet tagħti l-lezzjonijiet b’xejn mhux biss fl-istess suġġett li ried ħafna ħsieb, ħin u sabra, iżda f’għadd ta’ temi oħrajn.

    Wistin Abela kien elett membru tal-Kunsill Ġenerali (jew Nazzjonali) tal-General Workers Union (GWU) u kien wieħed mill-Fundaturi u President tas-Sezzjoni tan-National Association for Clerical & Supervisory Staff (N.A.C.S.S) li kienet taqsima li kellha l-intendiment li tqiegħed fuq sisien aktard sodi u konkreti l-gradi klerikali, tekniċi u maniġerjali kemm għall-kumpanijiet privati u kemm għal dawk l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Gvern. 

    Huwa kkontesta, mill-ewwel b’suċċess, l-Elezzjonijiet Ġenerali għal siġġu fil-Kamra tar-Rappreżentanti billi kien wieħed mill-kandidati li ħarġu fuq ir-Raba’ Diviżjoni Elettorali (Birżebbuġa, Ħal Kirkop, Marsaxlokk, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Safi, iż-Żejtun u ż-Żurrieq) fl-1966. 

    Huwa kiseb 1,644 vot fl-ewwel għadd. Huwa kien l-ewwel Żejtuni li kien elett u r-rebħa tiegħu swiet mitqlu deheb għall-Partit Laburista billi huwa ħa post kandidat tal-Partit Nazzjonalista.

    Wistin dejjem tela’ fil-ħames elezzjonijiet ta’ wara u saħansitra mit-Tielet Distrett (Wied il-Għajn/Marsaskala, Marsaxlokk, Ħaż-Żabbar kif ukoll iż-Żejtun, inkluż Bir id-Deheb) wara l-1976. 

    Wistin ġab l-ogħla ċifri li huwa żied konsiderevolment: fl-1971 (2,668), fl-1976 (3,325), fl-1981 (3,779), fl-1987 (4,440) u fl-aħħar nett fl-1992 (1,850). 

    Wistin kien imsemmi bil-bosta għall-kampanji elettorali tabilħaqq organizzati tajjeb mill-partitarji tiegħu. Huwa saħansitra ħareġ numru ta’ edizzjonijiet ta’ ġurnal bl-isem ‘Ma’ Wistin – Għal Rebħa ta’ Mintoff’ matul ir-run-in elettorali tal-1981.

    Huwa rrifjuta li jerġa’ jitfa’ ismu fil-lista tal-kontendenti biex jagħti ċ-ċans lil ibnu Marjohn f’Ottubru, 1996.

    Wistin Abela nħatar Segretarju Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi u tad-Dwana fit-23 ta’ Awwissu 1971, u mar bl-istess kariga fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru xahrejn wara. 

    Huwa kien fdat bil-portafoll tal-Ministeru tal-Iżvilupp sa mill-1 ta’ Ottubru 1974, kien konfermat fih f’Ottubru 1976 u mbagħad kien mogħti wkoll dak tal-Enerġija, tal-Portijiet kif ukoll tat-Telekomunikazzjonijiet. Huwa kellu responsabiltà tassew vasta u impenjattiva għall-aħħar.

    Huwa ħadem id f’id u spalla ma’ spalla ma’ sħabu l-oħrajn kollha b’determinazzjoni tal-azzar.

    Huwa qeda dmiru bl-akbar reqqa, b’onestà mill-aktar qammieqa u bi bżulija liema bħalha.

    Huwa kien strumentali biex bosta entitajiet kbar li kienu jikkomprendu korporazzjonijiet, intrapriżi u ażjendi kienu amalgamati bħalma kienu l-AirMalta, is-SeaMalta, it-TeleMalta (iktar tard il-Maltacom), l-EneMalta, it-TugMalta, Xandar Malta (iktar tard il-Public Broadcasting Service) u fl-aħħar u mhux l-anqas il-Malta Shipbuilding. 

    Huwa personalment ipparteċipa fl-inawgurazzjoni tal-korpi kostitwiti msemmiji. Pereżempju, huwa rikeb

    l-Ajruplan tal-AirMalta fl-ewwel titjira li kienet saret fl-1974.

    Naturalment, ismu nkiteb u ntrabat b’ittri tad-deheb mal-istorja ta’ proġetti kapitali li kienu bla preċedent bħall-ftuħ tal-Microwave Link li kkostitwixxit Arterja Infrasturutturali ta’ importanza enormi bejn Malta u Għawdex sa mill-1976.

    Ċertament, Wistin kien responsabbli tat-Tarzna meta t-tmexxija tagħha għaddiet f’idejn il-Kunsill tal-Ħaddiema. Huwa kien ukoll il-moħħ biex inbnew sriebet fabbriki fl-Oqsma Industrijali speċjalment fin-naħa t’isfel ta’ Malta bħal Bulelben u bħal Ħal Far,

    Wistin intgħażel mill-Perit Dom Mintoff bħala Ministru tal-Ippjanar u tal-Iżvilupp Ekonomiku wara l-elezzjonijiet tal-1981 u serva saħansitra bħala Deputat Mexxej sa mill-ftuħ tas-sena 1982.

    Huwa kien maħtur Ministru tal-Finanzi u tad-Dwana iżda baqa’ Deputat Prim Ministru wara reshuffle fil-5 ta’ Settembru 1983. Huwa ppreżenta fil-Parlament l-ewwel Estmi Ġenerali jew aħjar l-ewwel Budget tiegħu li kien għas-sena 1984. 

    Wistin baqa’ jokkupa l-istess dikasteri u jservi wara r-riżenja ta’ Dom Mintoff u l-Mexxej il-ġdid Dr Karmenu Mifsud Bonnici sal-1987, jiġifieri sakemm il-Partit Laburista baqa’ fir-riedni tal-Gvern.

    Wistin kien il-Kelliem Ewlieni f’isem il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni dwar il-Forzi Armati u dwar it-Tiftix taż-Żejt (1987-92).

    Huwa bħala politiku kellu esperjenzi edifikanti u tammarin bħal meta kien jifforma parti mid-Delegazzjoni Maltija ta’ Membri Parlamentari fil-Konferenza tal-Commonwealth Parliamentary Assocation li saret fi Trinidad & Tobago fl-1969, jewwilla meta ħa sehem mill-Konferenza tal-Ġnus Magħquda dwar l-Enerġija Solari fl-1978.

    Bla dubju ta’ xejn, Wistin Abela kien l-eqreb kollaboratur tal-Perit Dom Mintoff dwar materji li kellhom x’jaqsmu mat-Tarzna għal bosta snin. Anzi Wistin kien wieħed mill-ftit persuni li kienu jinfluwenzaw u jħallu impatt fuq il-Perit. Huwa mhux l-ewwel darba ddiskuta ma’ Mintoff passaġġi mill-Iskrittura Qaddisa. Barra minn hekk, Wistin kien isegwi miegħu l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fiż-Żejtun billi l-Perit kien personalment jitla’ minn Ħal Tarxien għaż-Żejtun.

    Huwa darba feda ma’ Dr Edgar Mizzi, l-Avukat Ġenerali, li Dom Mintoff kien jinsisti miegħu li l-ebda persuna legali ma kellha tkun preżenti f’laqgħat man-Nutar Dr Giorgio Borg Olivier u li d-diskussjonijiet konċernati kellhom ikunu qosra, interrotti jew inkella ma kellhomx isiru. 

    Wistin kien ikun dejjem flimkien ma’ Dom Mintoff f’dibattiti li huwa u l-Mexxej tiegħu kien ikollhom mal-Ministri tal-Kabinett jew inkella mal-iktar persuni tal-fiduċja fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru fil-Berġa ta’ Kastilja (fl-OPM) kull meta avvenimenti nazzjonali ta’ profil kostituzzjonali tqanqlu, partikularment kull meta kwistjonijiet li kellhom x’jaqsmu mad-Dritt Fundamentali u li setgħu ħallew impatt fuq l-iżviluppi politiċi tal-pajjiż għollew rashom bil-kbir.

    Wistin ma nesa qatt l-esperenzja ta’ wara r-rebħa tal-Partit Laburista b’maġġoranza kbira fl-1976 meta fil-ħin tal-pranzu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Gvern kien qiegħed iħossu ppressat għaliex Dr Guido de Marco kien xpruna lill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista biex jieħdu azzjoni ħalli l-elezzjonijiet fid-Distrett tal-Furjana, tal-Ħamrun u ta’ Ħal Luqa jitħassru skont id-dispożizzjonijiet dwar l-‘attijiet illegali u ta’ korruzzjoni’ kif sanċiti fl-Ordinament Ġuridiku Prinċipali ta’ Malta.

    Huwa kien preżenti wkoll f’meeting marbut mat-twaqqif tal-‘Università għall-Mediterran’ f’Malta fil-15 ta’ Ottubru, 1979. Dakinhar, huwa assista għal sensiela ta’ sparaturi b’arma tan-nar barra ‘l bieb tal-Uffiċċju ta’ Dom Mintoff fl-OPM waqt li l-Prim Ministru kien f’taħdita ma’ sieħbu Martin Packard. 

    Wistin Abela, bniedem tad-deffa, tal-irġulija u tad-dixxiplina, ma qagħadx jomgħodha ma’ Mohammed Hijazi, Segretarju tal-Libyan General People’s Committee for Information, li mexxa delegazzjoni f’Malta mit-12 sal-14 ta’ Mejju 1980 li kwalunkwe proposta biex faċilitajiet militari, lil kull min ikun u għal kull għan f’Malta, kienet tmur kontra l-prinċipju sagrosant tan-newtralità. Wistin insista li Malta kienet għamlet sagrifiċċji kbar u kienet għaddiet minn ħafna tbatijiet biex irnexxielha tikseb dak l-istatus.

    Wistin Abela saħaq fuq ir-relevanza tan-newtralità għal Malta minkejja li l-prinċipju tnaqqax fil-Kostituzzjoni tagħha sitt snin wara fl-1986. 

    Inevitabilment, Wistin kien l-awtur ta’ korrispondenza, li kienet iddettata minn Dom Mintoff u Mohammed Hijazi, li wasslet biex ir-relazzjonijiet ta’ ħbiberija bejn Malta u l-Libja ma jidħlux fi kriżi żejda għal xi żmien. 

    Wistin Abela flimkien mal-kollega Dr Joseph Cassar kien involut fit-trattattivi li bdew fl-1980 bejn l-Istat u l-Knisja dwar id-dħul tal-politika tal-‘Iskejjel u l-Isptarijiet b’Xejn’ fil-ġejjieni qarib. 

    Sadanittant, Wistin żamm it-torċa tal-Moviment Soċjalista dejjem tħeġġeġ fil-qiegħ ta’ qalbu. 

    Wistin kellu fiduċja sħiħa minn Dom Mintoff u l-Partit Laburista fil-Gvern u huwa tkellem direttament mal-Arċisqof Ġużeppi Mercieca u l-Vigarju tiegħu. Madanakollu, huwa ma’ sieħbu rnexxielu jasal biss għal ftehim li kien jikkonsisti f’aġġustamenti żgħar fis-sistema u li kien ferm ’il bogħod mir-riforma radikali skont il-pjani tal-Mexxej tal-Partit Laburista. 

    Wistin baqa’ jgawdi ammirazzjoni sal-aħħar nifs ta’ ħajtu u tgħidx kemm nies baqgħu juru gratitudni lejh għall-ġid li kien żera’ fosthom matul u kienu ta’ għajnuna għalih meta kien fiżikament batut ħafna. 

    Huwa baqa’ sal-aħħar jinġarr minn ħbiebu fuq siġġu tar-roti fil-Konferenzi Ġenerali tal-Partit Laburista fil-Kwartieri tal-Ħamrun.

    Wistin ma naqasx li jkun fost il-personalitajiet tant distinti li attendew mill-bidu sal-aħħar għall-Funeral Statali tal-Mexxej Dom Mintoff li laħaq il-qofol fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. 

    Wistin baqa’ jadura lill-għażiż ħabib tiegħu l-Perit sakemm miet.

    Wistin Abela rċieva Midalja fl-okkażjoni tal-75 Anniversarju mill-kisba tal-Ewwel Gvern Responsabbli (1921) f’ċerimonja li saret fil-Palazz tar-Repubblika fil-Belt Valletta fis-7 ta’ Gunju 1997. 

    Huwa kien rikonoxxut mill-Istat Malti bħala politiku veteran u Ministru għal erbatax-il sena sħaħ billi nħatar Kumpann tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu (K.U.O.M.) fit-13 ta’ Diċembru 1997. 

    Huwa kien ukoll dekorat bħala Kommendatur mill-President tar-Repubblika Taljana Giovanni Leone fit-12 ta’ Settembru 1972.

    Wistin baqa’ xorta waħda jżomm aġġornat b’dak kollu li kien għaddej fil-Partit Laburista u baqa’ jkun preżenti b’mod regolari għall-Konferenza Ġenerali Annwali.

    Wistin kien reliġjuż minn ġuf ommu u ma kienx jitlef quddiesa qabel imur għax-xogħol. Huwa kien devot kbir tal-Ġimgħa l-Kbira u kellu sett vari armati fid-dar li kien jgħożż ħafna.

    Huwa kien filatelista u kien iħobb isajjar, jilgħab il-boċċi u kien iħobb il-ġnien.

    Wistin beda japprezza aktar minn qatt qabel meta rtira għalkollox. Huwa beda jdomm flimkien id-dokumenti u l-inkartamenti kollha li kien ġabar matul il-ħajja politika, imżewqa u għammiela minn kull lat. Huwa kien iqis bħala l-aktar oġġett prezzjuż l-ittra datata 2 ta’ April 1982 li Dom Mintoff kien bagħatlu meta tilef lil ommu Feliċja. 

    Wistin kellu għalfejn ikun kburin fi kliem il-Prim Ministru li kienet missethom ix-xorti li f’Malta kienu jeżistu nisa bħal ommijiethom li kienu mżejnin b’integrità u b’karattru eċċezzjonali għaliex fihom kellhom magħġunin dehen naturali li kien jerfagħhom mit-tajn, mill-korruzzjoni u mill-biki ta’ soċjetà mmermra li b’żewġ Gwerer Dinjin (1914-18, 1939-45) u b’għajxien miżeru taħt it-takkuna tal-barrani ma tathomx għajr terturi.

    Wistin fil-ġabra tar-residenza tiegħu beda wkoll ipoġġi fi gwarniċi għadd ta’ ritratti li kien irnexxielu jikkollezzjona matul il-medda tas-snin u bihom kesa l-ħitan tal-kamra tal-pranzu fis-sular ta’ fuq tad-dar

    Wistin Abela żżewweġ lil Katerina magħrufa affezzjonament bħala ‘Kitty’ Abela, bint John Mary u Vinċenza Mifsud miż-Żejtun, quddiem il-qarib il-Wisq Reverendu Dun Joe Abela, fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina fis-6 ta’ Settembru 1959. Huma kienu joqogħdu fid-dar n.9, Triq id-Duluri, fiż-Żejtun. 

    Huwa kellhom tliet ulied: Carmelina, il-kbira, li żżewget lil Godfrey Sapiano, Marjohn li żżewweġ lil Doris Cassar kif ukoll Lycia li żżewġet lil Joe Mallia. Wistin kien ta’ ispirazzjoni għal Doris li bħala Sindku tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun kompliet timxi fuq il-passi tiegħu u tkun werrieta denja u eżemplari bħalu.

    Huwa kien kommemorat dlonk bil-kxif ta’ lapida mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun mad-dar fejn għex mal-familja tiegħu fi Triq id-Duluri, fiż-Żejtun.

    Huwa tfakkar ukoll permezz ta’ monument mill-Iskultur Joseph Chetcuti ta’ Ħal Luqa skont mudell imsejjes fuq ritratti u fuq ideat ta’ persuni li kienu midħla tiegħu. Il-mafkar tiegħu kien il-frott ta’ inizjattiva ta’ Kumitat Organizzattiv magħmul minn ħbieb qrib tiegħu, u kien mikxuf fit-8 ta’ Diċembru 2017 viċin l-inħawi mnejn kien jgħaddi fi triqtu lejn il-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina u l-Każin tal-Partit Laburista, sewwasew fil-wesgħa li ssemmiet ukoll għalih: Misraħ Wistin Abela.

    Wistin Abela miet fid-dar tiegħu n.13, Triq id-Duluri, fiż-Żejtun. Huwa kien onorat fil-quddiesa ċelebrata mill-istess qarib Dun Joe Abela fl-istess Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina u fil-korteo funebri, li saru jumejn wara fiż-Żejtun billi ngħata tislima mistħoqqa min-Nazzjon Maltija bl-attendenza tal-ogħla awtoritajiet ta’ Malta fosthom l-Aġent President, il-Prim Ministru, il-Viċi-Kap tal-Oppożizzjoni, Presidenti Emeriti kif ukoll ex Ministri, ta’ dinjitarji oħrajn u tal-kotra tar-raħal. 

    Wistin Abela ndifen fil-qabar tal-familja fiċ-Ċimiterju ta’ San Girgor f’raħal twelidu, fiż-Żejtun.

    Biblijografija: RPM, Twelidijiet 192/1933, Żwiġijiet 1401/1959, Imwiet 256/2014; Malta Who’sWho (Progress Press Co.Ltd, 1966/70); Ħbieb Wistin Abela, Wistin Abela.20 Sena Membru Parlamentari 1966-1986; Michael J. Schiavone, L-Elezzjonijiet f’Malta 1849-1992 Storja Fatti u Ċifri, (Pubblikazzjonijiet Indipendenza, 1992); Id., L-Elezzjonijiet Ġenerali 1992-2003 (Pubblikazzjonijiet Indipendenza, 2003); Id., L-Elezzjonijiet f’Pajjiżna fl-Isfond Storiku 1800-2013 (Pubblikazzjonijiet Indipendenza, 2013); Edgar Mizzi, Malta in the Making 1962-1987. An Eyewitness Account (Beck Graphics Ltd, Malta, 1995); Francis Galea, Mexxejja, Ħassieba u Deputati Laburisti (Sensiela Kotba Soċjalisti, 2000); Michael J.Schiavone/Louis J.Scerri, Maltese Biographies of the Twentieth Century (Pubblikazzjonijiet Indipendenza, 1997); Joseph/Richard Felice Pace, Who’s Who in the House 1921-2006) (midseabooks, 2006); Reverend Joe Abela, The Parish of Żejtun through the ages (MidseaBooksLtd, 2006); Michael J.Schiavone, Dictionary of Maltese Biographies A-F (Pubblikazzjonijiet Indipendenza, 2009); ‘PL stalwart Wistin Abela dies aged 80’, Times (21.i.2014); ‘Wistin Abela mfakkar fil-Parlament’, In-Nazzjon (29.i.2014); ‘Parliament’s tribute to Wistin Abela’, Times (28.i. 2014); Times (21.xii.2014); Joseph Micallef Stafrace, Mill-Ħażna tat-Tifkiriet (klabb kotba maltin, 2017); Katerina u Marjohn Abela 4.2.2020; Siro Camilleri 5.2.2020. l-Ajruplan tal-AirMalta fl-ewwel titjira li kienet saret fl-1974.

    @tweetembed@

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Riċetti

Facebook