Dinja Għalija: Psst! Għandek Tfal'

  • Aww 06, 2014 15:49
  • Miktub minn

    Għadni niftakar eżatt x’kont liebsa dakinhar; libsa kaħla, bi tliet refki fil-biċċa t’isfel tad-dublett.

    Rajt tabella ma’ bieb – sejħa għal skrivana, biex taħdem sagħtejn filgħodu, mit-Tnejn sas-Sibt.

    Bla ħsieb ta’ xejn, ħabbat, u leħen żorr qalli biex ngħaddi. Dħalt, u nsib ruħi f’uffiċċju riħa ta’ umdu. Kien hemm raġel bilqegħda b’dahru lejn it-tieqa… li f’ġurnata sabiħa bħal dik kellha l-purtelli mbexxqa.

    Għamilli sinjal biex insorġi, u staqsieni kontx hemm biex napplika għax-xogħol li kien qed joffri. Jien għedtlu iva, u beda’ jistaqsini s-soltu mistoqsijiet. Ħarbex xi kliem fuq il-karta, u wkoll in-numru tat-telefon biex jekk ikollu bżonn jikkuntattjani mill-ġdid.

    X’ħin qomt, staqsieni, kiesaħ u biered, “Isma’ jaqaw inti tqila?” U jien għedtlu li kont.

    “U kif taħseb li tkun tista’ taħdem hawn meta tkun ma tiflaħx?” Għaddieli ħsieb minn moħħi li dan kien jaħseb li t-tqala hija marda, mhux kundizzjoni… u weġibtu, “U kif taħseb li nkun irrid naħdem hawn meta int għandek dik l-attitudni?” U tlaqt ‘l barra.

    Issa dan l-aħħar, tletin sena wara li seħħ dan il-fatt li semmejt, qam kjass sħiħ għax fl-intervisti li saru f’sezzzjoni tas-settur pubbliku, lill-kandidati staqsewhom mistoqsijiet daqstant personali.

    Jidher li ma nbidel xejn fl-attitudni ta’ xi uħud.

    Iżda mhux biss fid-dinja tax-xogħol issib min jindaħallek dwar dawn l-affarijiet… nies li m’għandhomx biex jedew, jew nies li għandhom x’jaħbu,u jagħżlu li jdawru l-ispotlight fuqek biex tagħhom ma jidhirx.

    Jekk tiżżewweġ żgħira, mela bil-fors li nqbadt tqila u ma tridx bgħula. U meta t-tarbija tibqa’ ma tiġix għeluq id-disa’ xhur… mela jivvintawlek xi ħaġ’oħra – forsi korrejt u ma tridx turi. Jekk tiżżewweġ kbira, jgħidulek biex tħaffef biex ikollok it-tfal, għax tibqa’ mingħajrhom.

    Meta jgħaddu sena, sentejn, u ma tkunx qed tbennen, jgħidulek li qisek ma żżewwiġtx, u jitfgħulek xi botta dwar jekk int hux bi ħsiebek taddotta, u li “min jaf” kemm ommok, missierek, u l-kunjati qed iħeġġuk biex ikollok it-tfal.

    Jekk int ifettillek tgħid li ma tridx tfal, qisek tfajt xi dagħwa faħxija. Għalkemm ma jgħarrukx li int skumnikata mill-Knisja għax “suppost” li meta tiżżewweġ, tkarrar ‘għax hekk hemm miktub fil-Bibbja’.

    Ftakar li int m’għandekx għalfejn tgħid hux bi ħsiebek ikollok it-tfal, u anqas int obbligata tagħti spjegazzjoni għax ma tridhomx, jew għax m’għandekx.

    Lil min jistaqsik (anki jekk ikunu tal-familja),, x’ser iżżidilhom jew tnaqqsilhom, jekk tiftaħ qalbek magħhom? Forsi jkunu jistgħu jagħmluha tal-ħelwin ma’ ħaddieħor u jgħidu “…dik taf għax m’għandhiex tfal, jaħasra…” jew “…kemm hi kiesħa, qalet li ma tridx tfal…”

    Jew inkella, jew f’dan il-perijodu ssiefer, jgħidu (u b’xi mod tasallek), li mort għat-trattament barra, u ġeneralment, jassumu li l-mara tkun ħawlija, mhux ir-raġel.

    U mbagħad hemm il-kwistjoni ta’ kemm għandek, jew kemm ser ikollok, tfal. Tħalliħx waħdu, ta’ għax ikun effeminat… Tħallihiex waħedha, għax tkun imfissda… Dan biex ma nsemmux nies li anqas biss tafhom li jduru fuq it-tifel u jgħidulu “Għid lill-mama ġġiblek baby ħi, biex ikollok ma’ min tilgħab,”… u nanniet u zijiet li jagħmlu l-istess ħaġa, biss iżjed spiss.

    U ma ninsewx il-Litanija ta’ “meta kont daqsek kelli ħamest itfal, jien… u paga ta’ labourer, tafx…” Inkella “Jekk tagħmel biex ma tinqabadx, dak dnub…”

    U terġa’ toħroġ tqila. “Jaqaw trid tifel u tifla?” “Dan tal-aħħar hux?” “M’għadux żgħir wisq l-ewwel wieħed?” Inkellla ssib lil xi waħda ilsienha velenuż… “Ara, mela erġajt? Kont iżżewwiġt, jew?”

    Inkella, biex mingħalihom jiftaħru kemm huma skjetti, u li tawk parir tajjeb, jgħidulek “… ara issa la ħa qis li tiżżewweġ, ta, minħabba t-tarbija…”

    Jekk tkun irqieqa, jgħidulek biex trabbi ftit xaħam biex “tkun tista’ toħroġ tqila”… u jekk tkun mibruma, jistaqsuk”… għall meta?”…

    U fit-tielet tqala, jistaqsuk x’fettillek ser iġġib tarbija oħra fid-dinja, jew jekk dħaltx ma’ tan-Neokatekumenali. Inkella, iduru lura għal ħmerija ta’ “qed tipprova għal tifla wara żewġ subien (jew tifel wara żewġt ibniet),?”

    Jien ma nistax nifhem għaliex hawn ħafna li donnhom għandhom xi jedd ikunu jafu l-affarijiet personali tiegħek. Naf min jistaqsi lill-ewwel wild meta jagħlaq sninu, u wara xi ġimgħat, jistaqsi lill-ġenituri meta żżewġu… u meta jsibu dik li huma jidhrilhom li hi diskrepanza, qishom rebħu l-lotterija.

    Tabbilħaqq hawn minn tant għandu ħajtu vojta li jrid ilaħħaq mal-ġrajjiet “interessanti” fil-ħajja ta’ ħaddieħor.

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0