Dinja Għalija – Il-Kif, u l-Għaliex

  • Aww 20, 2014 10:50
  • Miktub minn

    Nhar il-Ħadd inzertajt waħda minn dawk il-karretti li jbiegħu il-ġelati “Ta’ Sqallija.”

    Ftakart f’meta konna mmorru nixtru l-granita qisha Slush, tal-lumi, mingħand raġel xiħ akka, li kien imlaqqam il-Ħajbu.

    Dan kellu ħanut fi Triq is-Santwarju, Ħaż-Żabbar. Kienet tant tkun magħquda li tista’ tiekolha bil-furketta, bil-biċċiet żgħar tal-qxur, bla ħliefha, fiha. Għadni ntiemha sal-lum.

    Imma kif kont qed ngħid… inzertajt Sqalli jbiegħ gelato atriginale u mort biex nara x’togħmiet kellu.

    Ftit ’l hinn kien hemm speċi ta’ gabbana, u jien assumejt li minn hemm, dak li jkun seta’ jixtri xi ħbejża jew hekk. Anqas ilħaqt middejt pass wieħed li hu wieħed, li ma ġiex jiġri fuqi wieħed jgħajjat bl-herra, “Oj, oj, għandek permess?”

    Jien iċċassajt. Ħisbtu qed jiċċajta – imma af li bis-serjetà kien qed ikellimni. Qalli, filwaqt li urieni katina torbot vapur biha, li iżda kienet mal-art, li jidħol hemm biss min ikun ħallas.

    Ftakart meta darba, meta kien għad kellna żewġ subien, ir-raġel u jien fettlilna nidħlu naraw post (fil-miftuħ), fejn ma kienx hemm “la tidħolx”, is-sitwazzzjoni kienet kemmxejn bħal din li semmejt – art pubblika li saret “propjetà privata”.

    Kien ġie raġel fuqna u qalilna li qatt ma rana qabel, u żgur li ma kellniex il-permess “nidħlu” hemm. Mank staqsiena xtaqniex nsiru membri… forsi assuma li ma konniex tal-klassi tiegħu. U meta wera dik l-attitudni, anqas li kieku konna morna hemm speċifikament biex insiru membri, żgur li kien jerġa jibdielna.

    Ftakart ukoll fl-istorja li dan l-aħħar qajmet ħafna kjass, fejn ġara xi ħaġa simili – li iżda ġiet irraputrata ta’ taħt fuq minn xi ġurnalisti.

    Biex inkun għedt kollox, ili nistenna’ Press Release mingħand l-entità kkonċernata minn kmieni wara nofsinhar. Qaluli li kien meħtieġ li tinqaleb mill-Ingliż għall-Malti, billi din hija gazzetta bil-Malti. Jien offrejt li nagħmel hekk, iżda tawni x’nifhem li wara li ġara, u wara li xi nies ma kienux ikkwogtati tajjeb, dan ma setax isir… u li wara kollox, huma kellhom min irodd l-Ingliż għall-Malti u għaldaqstant ma kienx hemm bżonn l-għajnuna tiegħi.

    Tajt ukoll in-numri tat-telefon tiegħi darba, darbtejn, biex forsi nifhem xi tfisser l-espressjoni “a real Muslim” – u jekk tabilħaqq intaqlitx, jew itteħditx barra mill-kuntest minn xi intervista ferm itwal. Bagħat ukoll imejl, allavolja kont tajthom l-indirizz tiegħek, biex bħal infakkarhom x’qalu li ser jibagħtuli … iżda għalxejn.

    Qaluli li xejn, u xejn, iżjed, ma kien ser jintqal; kollox kien ser jintbagħat bil-kitba, biex ma jkunx hemm iżjed ekwivoki. Il-ħin issa huwa l-23.00 tat-Tlieta, u għadni ma rċevejt xejn, minkejja l-wegħdiet. Nifhem li lili tefgħuni fl-istess keffa ta’ min ma żammx kelmtu, u nifhem ukoll għaliex. U nisħaq li dan mhux sew, għax hija ħaġa ovvja li jien ma kontx ser naqbad u nuża dokument li ma kienx tiegħi f’dan il-blog, bla approvazzjoni ta’ min kitbu.

    Hemm min imur f’ras il-għajn, u hemm min jagħżel is-sensazjonaliżmu biex jiġbed il-qarrejja, is-semmiegħa, jew l-udjenża televiżiva.

    Tajjeb iżda li nagħtu ħarsa pragmatika lejn dak li ġara.

    Milli smajt, u milli qrajt, u milli qaluli, kien hemm ħafna li assumew li “waħda” mara daħlet f’xi kumpless, kien liema kien, u ppretendiet li fiss tuża l-faċilitajiet.

    Ħadd ma staqsa jekk kienx hemm xi mara oħra, barra din, u billi forsi l-ismijiet tagħhom huma simili, xi ħadd fattarha li kienet mara waħda.

    Ħadd ma staqsa jekk il-ġurnalisti li ħarġu bl-istorja ikkwotawx eżatt kemm lil naħa, kif ukoll lill-oħra.

    Ħadd ma staqsa jekk l-istorja bdietx mod, u komplietx mod ieħor, biex il-kwistjoni tingħata xejra ta’ vittimizzazzjoni, jew preferenzi, jew żenofobja.

    Ħadd ma staqsa jekk kienx hemm xi ħaġa miktuba f’xi regolamenti, x’imkien, li b’xi mod setgħet iċċaħħad jew tipprekludi lil din il-mara - jew lil dawn in-nisa – milli jieħdu sehem f’attività li kienu wara kollox ħallsu biex jagħmluha, u ma qalulhomx minn qabel li jekk xi kundizzjonijiet ma jintlaqgħux, ma jkunux jistgħu.

    Il-ħelwa hi li billi din il-mara - jew dawn in-nisa – “mhux bħalna”, kien hemm min ħataf l-opportunità biex ixerred xniegħat foloz u jgħaddi kummenti xejn xierqa. Daqstant ieħor kien hemm min deherlu li l-ażjenda mxiet “ta’ raġel”, u żeffnu wkoll il-proverbju dwar Ruma u kif jagħmlu r-Rumani.

    Tbissimt, u tkerraħt ukoll, meta qrajt, smajt, u rajt x’intqal fuq dawn l-istejjer.

    Tassew għandna ħabta ninsġu kollox f’bizzilla, aħna l-Maltin, ikolli ngħid.

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0