Kemm inħobb…

  • Lul 28, 2015 08:50
  • Miktub minn

    Espressjoni li soltu titlob nom… imma li dan iż-żmien saret tintuża waħedha, fil-vojt; bejn wieħed u ieħor bħalma wieħed juża espressjoni redikola oħra, “tal-ġenn”.

    U xi jħobb min jgħid kemm iħobb u ma jgħidilniex xi jħobb?

    Hawn min iħobb xi għawma jew xi ġelat, jew xi vjaġġ, jew imqar tazza ilma daqsiex, b’ħafna silġ. U hawn min iħobb jiddandan, u jqażżeż id-dinja, għax kif tkanta Tina Charles, jgħidlek, I Love To Love. Hawn min jaħseb li għax għandu l-ġmiel, jew il-flus, jew il-pożizzjoni, jew is-setgħa li jagħmel xi ħaġa, jaqbad u jagħmilha… għax jista’, u għax hekk irid.

    Ikolli bilfors nirrepeti xi ħaġa li għedtha mitt darba u waħda… li inutli li wieħed jikteb xi ħaġa u jitfagħha online u wara jgħid “għax dik ktibtha fis-sagħtejn ta' filgħodu, u kont għajjiena”, jew “anqas irrealizzajt li kelli każ ta’ libell”, jew “u iva mhux kulħadd jaf, billi l-Qorti għamlet divjet ta’ xandir tal-ismijiet…”

    Anki jekk l-artiklu li tkun ktibt “tirranġah” jew saħansitra tagħmlu “unpublished” minn gazzetta jew “deleted” minn fuq blog… meta wieħed ifittex ismek u xi erba’ kelmiet minnu kapaċi jitla’ sħiħ, kif ktibtu l-ewwel darba, jekk xi ħadd ikun tefgħu fuq xi blog jew sit.

    Issa dan l-aħħar qrajna eluf ta’ kliem li suppst li jispjegaw il-kelma “kunsens”.

    Jien minn dejjem kont naf u nifhem li l-kelma kunsens tfisser li tgħid iva. Mhux forsi, ħa naħsibha, issa nara, mhux issa imma iżjed tard, u le, ma nafx, jew xi kelma jew espressjoni li mhux “iva”.

    Il-kunsens jeżisti meta persuna taqbel mal-imġiba ta’ ħaddieħor, u tkun tird tkompli miegħu, jew tkun taqbel li tittieħed xi azzjoni partikolari minnha nnifisha.

    Imma… biex ikun hemm il-kunsens, min jagħtih irid ikollu l-kapaċità li jagħtih. Dan ifisser li ma jkunx xorob jew ħa xi drogi li jdallmulu moħħu; ma jkunx rieqed jew mitluf min sensih; ma jkollux diżabilità mentali; ikollu l-età legali biex ikun jista' jagħti kunsens; u ma jħossux obbligat li jagħti l-kunsens kontra l-volontà tiegħu.

    Nieħdu eżempju. Qegħda festin u f’daqqa waħda ninduna li Maronia ma tidher imkien. Immur sat-toilet, u ngħajjat isimha… imma ma tkunx hemm. Noħroġ fil-bitħa. Anqas mhi hemm. Nitla’ fuq… u qalbi tagħmel tikk għax nisma’ bħal krib. Niftaħ bieb wara l-ieħor… u fuq sodda minnhom nara qiegħ ta’ żarbuna waħda u ġolf daqsiex mitfugħ fuq min liebes din iż-żarbuna.

    Dan ir-raġel (insomma, mhux proprja raġel), anqas biss jisma’ l-bieb jinfetaħ. Mela… bla ma naħsibha darbtejn, ninżel isfel u nsib żewġt irġiel oħra u ngħidilhom fuq fuq x’kien qed jiġri. L-attakkant jirrabja u jgħidilna biex ma nindaħlux, imma jaf li b’saħħtu kemm hu b’saħħtu, kontra tnejn mhu ħa jagħmel xejn.

    Nieħdu xenarju ieħor. Din id-darba, huwa r-raġel li donnu xurban, iżda xora tifhem x’ser jiġri meta tarah sejjer ‘l hinn ma’ tfajla. Jien niġbidha ‘l hinn u ngħidilha li għandi bżonn inkellimha fuq xi ħaġa importanti. Hu jirrabja. Imma, ironikament, l-għada jċempilli biex jirringrazzjani.

    Ir-realtà hi li żgħażagħ jesperimentaw bid-drogi u bix-xorb, kemm f’avvenimenti soċjali u anki fid-djar. Iżda jibqa’ l-fatt li hemm min jipprova jieħu vantaġġ mhux biss minn dawk taħt l-influwenza, iżda wkoll minn min jafu li jibża' jgħid le. Kemm l-aggressjoni, kemm il-poter, u kif ukoll il-persistenza u l-persważjoni, jintużaw biex xi ħadd ikun imġiegħel ikollu x’jaqsam ma’ ħaddieħor bla ma jkun qal “iva”. Dan huwa abbuż; u kultant, dan isir stupru.

    Ma jinteressanix min imaqdar u jgħid li xi ħadd jixrob jew jieħu d-drogi għax irid, jew li jilbes imqaċċat biex jiġbed l-attenzjoni. Ma jinteressanix min jgħid li hi prostituta, jew lesbjana, jew li tiġri ma dak u mal-ieħor, jew li hi l-mara ta’ dak li stupraha. Ħadd ma qatt jistħoqqlu li jkun abbużat, jew stuprat.

    Naf sew li anki l-irġiel ikunuu abbużati u stuprati. U li hawn min jgħid “Eh, ruħi, dak raġel” jew “dik mara” u “kif ridthom ma jaqgħux għat-tentazzjoni...” Dawn ma jkunux qed jirrealizzaw li allura, il-vittmi saru “xi ħaġa li ta’ min jabbuża minnha” u mhux “raġel” jew “mara” bħal min iwettaq l-abbuż jew l-istupru.

    Li jweġġagħni hu li jkun hemm min seta' kien oħt, jew omm, jew bint, mara jew tfajla li tkun abbużata, li jużaw diskors mhux xieraq biex jgħaddu l-kumment. Tgħid kieku vera kienu oħt, jew omm, jew bint, il-vittma, kienu ser jitkellmu hekk? L-istess mistoqsija nagħmilha lil dawk li jridu li jissejħu ġurnalisti jew bloggers.

    Ma ngħidilkomx kemm smajt ħniżrijiet dan l-aħħar. “U kif ma tafx li hawn min jipprofitta ruħu?”; “U dik mhux adulta jewwilla?”; “La ma kellux x’jaqsam magħha mhux stupru”, u forsi l-isbaħ waħda… “Eh, t-tfajiet tal-lum mhux bħalna…” Qatt u qatt ma tista’ twaħħal fil-persuna li kienet abbużata jew stuprata; it-tort hu ta’ min jieħu vantaġġ ta’ persuna vulnerabbli. Għalija ma tagħmilx differenza jekk kinetx vulnerabbli għax xorbot, jew għax kienet rikattata, jew għax beżgħet li kellha għażla bejn li tiġi stuprata u li taqla’ xebgħa sew.

    U barra minn hekk, ninsisti li hu dmir ta’ kulħadd li jintervjeni biex ma jsirx abbuż jew stupru, u li jitwaqqaf abbuż jew stupru li jkun qed isir. U dan mhux biżżejjed. Trid tara li l-vittma tasal id-dar, jew fejn ma tkunx fil-periklu.

    U fuq kollox, hemm ukoll il-bżonn li nitgħallmu li mhux kulma jlellex huwa deheb… li taħt fuljetta llustrata tal-fraxxnu jista’ jkun hemm is-susa tgerrem u tnawwar.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0