Ja pastaż!

  • Ott 02, 2015 09:32
  • Miktub minn

    Mela dan l-aħħar kellna argument jaħraq. Wieħed minn dawk li dejjem jikkritika minn wara l-skrin qal xi ħaġa kerha, u mhux vera, dwar kull min imur il-Missjoni, jew jagħmel xi xogħol volontarju li jieħdu barra mill-pajjiż. Skont dan il-flien, aħna nkunu qed inħallsulu biex iwettaq il-ħolma ta’ tfulitu, u mill-boqxiex li jibqa’, jagħmel donazzjoni lill-karità. Quddiem il-kameras tat-televiżjoni, biex jitkessaħ.

    Kull min jagħmel il-volontarjat jaf li kultant mhux talli ma ndaħħlux kemxa liri, talli nispiċċaw noħorġu l-flus aħna… u dawn inberkuhom għax tkun id-donazzjoni tagħhna, pariġġ dik li jagħtuna n-nies.

    U kemm hawn min hu pastaż, hux? Jarawk tqawwjet ftit, jistaqsuk jekk intix tqila. Jarawk li rqaqt, u jistaqsuk intix marida. Jarawk tieħu kafè ma’ xi ħadd, u jistaqsuk fuqiex kont qed titkellem, daqskemm kont serja jew daqskemm bdejt tfaqqa’ daħq.

    Nies li lanqas biss jafuk, jilħqulek salibek u jippretendu li jekk int ma tgħidilhomx dak li jkunu jridu jafu, mela allura għandek taċċetta li int ħajna, jew imnieħrek imxammar – jew li għandek x’taħbi.

    Fil-fatt, Emily Blunt qalet li serqet l-iżjed mossa u kliem kattivi – qed nisma’, irrid nibqa’ nisma’ – filwaqt li tmiss is-saba' l-kbir mal-ewwel tnejn, u tiftaħ u tagħlaq is-swaba’ - mingħand omm li rat tkun sarkastika ma’ bintha. Din ix-xena, mill-film The Devil Wears Prada, hija l-iżjed waħda li jfakkruha fiha n-nies li tiltaqa’ magħhom.

    Ħabibti rrakkuntatli storja li, kieku ma kinetx persuna li nafha u nafdaha b’għajnejja magħluqa, lanqas kont nemminha. Mela, kienet qed tixtri malja tal-għawm. Issa din tħobb tgħum ħafna, u ma fiha xejn. Kienet qed tfittex malja sħiha, b’naqra forma iżjed mis-soltu min-naħa ta’ fuq.

    Waħda mara semgħetha tistaqsi lil tal-ħanut jekk kellhiex li riedet. Tatha ħarsa minn fuq s’isfel, u qaltilha, “Alla jbierkek, lanqas tidher…” Kien wara xi ftit sekondi li ħabibti indunat x’riedet tfisser l-oħra.

    Hawn min jistaqsik “x’fettillek” meta jkun ser ikollox it-tielet wild (aħseb u ara r-raba’ jew il-ħames wieħed),. Hawn min irid ikun jaf għalfejn tlaqt mix-xogħol sena qabel ma soltu jirtiraw in-nies. Hawn min jistaqsik meta żżewiġt, imbagħad tiġi t-tifla l-kbira u tgħidlek li Hilda staqsietha kemm ser tagħlaq, u meta, biex ittiha rigal (fejn qatt ma tatha wieħed qabel),.

    Mela darba minhom kont il-bank, qed nitkellem ma’ waħda mill-iskrivani. Bdejt ninnota li din bdiet tħares ’il fuq (għax konna bilqiegħda), u ‘l hinn minn spallti, u għaddieli ħsieb li din kienet titlef xi ftit għajnejha. Rajt ċaqliqa minn taħt il-għajn, u bla ħsieb ta’ xejn dort – u kieku ħriġt dirgħajja kont immiss lil waħda mill-ġirien, li mid-dehra kienet qed toqrob lejja bil-millimetri biex tisma’ x’kont qed ngħid.

    Darb’oħra, kont qed nagħmel xi fotokopji f’ħanut daqsiex li nzerta kien vojt. Ħin bla waqt, tal-ħanut iħares warajja u jgħid, “Ara Toni, hawn” – u nsib lil dan il-flien, li ovvjament mhux vera jismu Toni, eżatt warajja, qisu jrid jaqta’ kurżità ta’ xiex ħtieġli nieħu l-fotokopji.

    Xi ħadd ikun pastaż mhux biss għax ma jkollux manjieri, iżda għax ikun irid jilħaq salib ħaddieħor, u jkollu bżonn ikun jaf fuqek biex iseksek ma’ ħaddiehor… li, m’għandniex xi ngħidu, jgħaddilu informazzjoni fuq terzi.

    Tista tkun tippretendiha kemm trid, u tmur tagħmel xagħrek kull ġimgħa, u tilbes ħwejjeġ tad-ditta, u ma tkellimx lil kulħadd, u għandek serbut ittri wara ismek… għax jekk ma tafx iżżomm ruħek lura f’dawn is-sitwazzjonijiet li semmejna, xorta pastaż tkun.

    Forsi xi darba jgħaddilek minn moħħok li xi ħadd ħa jxandar l-aġir tiegħek… u li ma tantx ser tidher ħelwa.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  
    anonimu
    Ott 18, 2015

    Naqbel li jezistu hafna seksieka. Anki meta tkun qed tigbed flus mill-ATM gieli ssib nies vicin tieghek bla prudenza. Ukoll meta jkun hemm accident tat-traffiku, jieqfu nies jiccassaw mhux biex jghinu. Dan jissejjah voyeurizmu.

    Irrispondi
  •  

Facebook