Nisseparaw l-iskart organiku

  • Ott 26, 2015 07:13
  • Miktub minn

    L-iskart li narmu hu fil-parti l-kbira tiegħu utli. Għalhekk aħna dejjem imħeġġa biex nirriċiklaw dak li s-soltu narmu. Dak li nirriċiklaw jibqa’ jdur fl-ekonomija u ma jinħeliex. Għalhekk nirriċiklaw u nerġgħu nużaw il-karta, il-ħġieġ, il-metalli u l-plastik. Kollha għad għandhom użu, anke meta għalina ma jkunux għadhom utli.

    Nhar il-Ġimgħa 30 t’Ottubru, il-WasteServe, flimkien mal-ħames kunsilli lokali tal-Imdina, Ħal Għaxaq, Ta’ Xbiex, Bormla u Birkirkara, ser jagħtu bidu għall-ġbir separat tal-iskart organiku. Dan ser ikun proġett pilota fuq numru ta’ ġimgħat li permezz tiegħu l-iskart organiku ser jinġabar f’dawn il-lokalitajiet darbtejn fil-ġimgħa (it-Tnejn u l-Ġimgħa),. Wara, l-ġbir tal-iskart organiku jibda jsir fil-lokalitajiet kollha.

    Il-parti organika tal-iskart li narmu jammonta għal ftit iktar min-nofs tal-iskart li llum inqiegħdu fil-borża s-sewda. Din tidher li hi l-iktar stima korretta u tirriżulta minn stħarriġ li għamel l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-2012. Studju addizzjonali li sar f’Settembru li għadda mill-WasteServe fil-lokalitajiet li ser jipparteċipaw fil-proġett pilota jindika li l-ammont ta’ skart organiku li niġġeneraw fil-lokalitajiet tagħna jvarja anke skont il-lokalità. Dan jista’ jkun riflessjoni ta’ stil ta’ ħajja u/jew livell ta’ għajxien (ftit), differenti fil-lokalitajiet tagħna, liema differenza tinkixef anke minn eżami tal-iskart li niġġeneraw.

    Sar eżerċizzju ta’ informazzjoni bieb bieb li bih ir-residenti fil-ħames lokalitajiet diġà ġew infurmati x’għandhom jagħmlu. Ingħatawlhom boroż bojod u kontenituri bojod tal-plastic li minnhom tgħaddi l-arja biex iqiegħdu l-boroż fihom u l-iskart ma jrejjaħx.

    L-iskart organiku huwa prinċipalment fdal tal-ikel kif ukoll skart tal-ġonna. Jista’ jinkludi wkoll karti u kartun.

    Meta l-iskart organiku jinġabar minn wara l-bieb tagħna, dan jittieħed fl-impjant ta’ Sant Antnin f’Wied il-Għajn fejn issir verifika li fil-borża hemm biss dak li suppost. Wara, l-iskart organiku jitqiegħed f’apparat imsejjaħ waste digester fejn jiddikomponi u jipproduċi il-gass metanu (methane), li l-ewwel jinġabar u eventwalment jinħaraq biex jipproduċi l-elettriku.

    Mill-proċess kollu tirriżulta wkoll kwantità ta’ sħana li ser tintuża biex jissaħħan l-ilma tas-swimming pool terrapewtiku li għanda l-Fondazzjoni Inspire li qiegħed ftit 'il bogħod. Li jibqa’, jintuża bħala kompost.

    Dan il-proġett pilota biex jinġabar separatament l-iskart organiku għandu l-potenzjal li jnaqqas b’mod sostanzjali l-iskart li jispiċċa fil-miżbliet tagħna. L-iskart fil-borża s-sewda jista’ jonqos saħansitra bin-nofs. Il-gass li minnu jiġi prodott l-elettriku jonqos mill-emissjonijiet serra tal-pajjiż u b’hekk ukoll b’dan il-proġett inkunu qed nagħtu s-sehem tagħna biex jonqsu l-impatti li qed jagħtu kontribut għat-tibdil fil-klima.

    Għalhekk hu neċessarju li nisseparaw l-iskart. Għax innaqqsu l-impatti ambjentali u fl-istess ħin inkunu qed nagħtu l-kontribut żgħir tagħna biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0