F’Pariġi sar l-ewwel pass

  • Diċ 14, 2015 00:06
  • Miktub minn

    Nhar is-Sibt f’Pariġi rappreżentanti ta’ 200 pajjiż waslu fi ftehim dwar il-bidla fil-klima li ġie deskritt bħala wieħed ambizzjuż u li jagħti tama għall-futur. Bil-ftehim ta’ Pariġi ġie miftiehem li ż-żieda fit-temperatura ma taqbiżx b’iktar minn 2oC dik taż-żmien preindustrijali filwaqt li ser isiru sforzi biex possibbilment iż-żieda l-anqas ma tasal sa 1.5oC. Dan sar billi kull pajjiż intrabat individwalment biex jistabbilixxi l-emmissjonijiet li jeħtieġ li jnaqqas biex jintlaħaq dan l-iskop.

    Dawn l-ammonti ta’ emissjonijiet ikunu reveduti perjodikament biex ikun assigurat li l-isforz ta’ kulħadd magħdud flimkien jgħin biex naslu għall-iskop komuni li jonqos it-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu fuq id-dinja.

    Intlaħaq qbil li huwa meħtieġ investiment ta’ $100 biljun dollar biex ikunu megħjuna l-pajjiżi mhux żviluppati biex dawn ukoll ikunu f’pożizzjoni li jadattaw l-ekonomija tagħhom ħalli anke huma jagħtu l-kontribut tagħhom fit-tnaqqis tal-emissjonijiet mingħajr ma jħarbtu l-ekonomija dgħajfa tagħhom. B’hekk il-piż ikun jista’ jintrefa' minn kulħadd għax min ma jiflaħx jiġi megħjun.

    Il-ftehim ta’ Pariġi jorbot lil kull pajjiż li jistabbilixxi hu l-emmissjonijiet tiegħu fil-futur iżda ma hemmx obbligu dwar kemm għandhom ikunu dawn l-emmissjonijiet. B’differenza mill-passat ,dan il-ftehim iħalli ħafna iktar diskrezzjoni f’idejn il-pajjiżi li ffirmawh u allura jiddependi ħafna iktar minn qatt qabel fuq il-volontà tal-pajjiżi individwali. Hawn qiegħda d-diffikulta prinċipali tal-ftehim ta’ Pariġi: il-wegħdiet li għamlu s’issa l-pajjiżi individwali meta tgħoddhom flimkien mhumiex biżżejjed. Għad jonqos ħafna iktar x’isir.

    Huwa għalhekk li l-għaqdiet ambjentali internazzjonali filwaqt li huma sodisfatti li l-ftehim intlaħaq, jenfasizzaw li dan għadu biss l-ewwel pass. Warajh iridu jiġu ħafna passi oħrajn li jekk ma jseħħux ma jintlaħaq xejn minn dak li ġie miftiehem.

    Ma kienx faċli li jaslu sa hawn għax kienu diversi l-pajjiżi li baqgħu jkaxkru saqajhom, anke f’Pariġi. Pajjiżi bħall-Arabja Sawdija u l-Veneżwela, produtturi ewlenin taż-żejt, opponew kemm felħu. L-istess pajjiżi żviluppati argumentaw kontra l-prinċipju li jerfgħu l-piż tat-tniġġis passat li wassal id-dinja fil-pożizzjoni diffiċli li tinsab fiha illum.

    Jeħtieġ nifhmu li t-tibdil fil-klima diġà qiegħed magħna. Illum li (kif jgħidulna l-esperti), diġà qbiżna t-temperatura preindustrijali bi 1oC u qed naraw b’għajnejna temp li qed jinbidel bin-natura tħarbat kulma hawn madwarna.

    Qed naraw xita li qed tonqos fil-frekwenza imma żżid fl-intensità, temperatura medja li qed togħla, silġ fil-poli u fuq il-muntanji li qed idub bil-konsegwenza li l-livelli tal-ibħra bdew jogħlew.

    Diġà qed naraw b’għajnejna l-ħerba li qed tħalli warajha l-bidla fil-klima. Dan iżda għadu mhu xejn ħdejn dak li jista’ jseħħ jekk il-pajjiżi kollha li nġabru u ftiehmu f’Pariġi ma jwettqux dak li wiegħdu. Għax l-effetti tal-bidla fil-klima huma serji ħafna.

    Għalina f’Malta t-tibdil fil-klima jħalli impatt fuq saħħita, fuq l-ekonomija u anke bħala riżultat tal-għoli tal-livell tal-baħar il-kosta ta’ pajjiżna wkoll hi mhedda. Inżommu quddiem għajnejna li l-għoli fil-livell tal-baħar jaffettwa l-faċilitajiet kollha kummerċjali u turistiċi li pajjiżna għandu mal-kosta, żviluppati tul is-snin bid-dedikazzjoni ta’ tant ġenerazzjonijiet li ġew qabilna.

    Biex Malta tnaqqas il-kontribut tagħha lejn il-bdil fil-klima jeħtieġ li tkun inkoraġġita iżjed il-ġenerazzjoni ta’ enerġija alternattiva kif ukoll li jonqsu drastikament il-karozzi mit-toroq, permezz tal-użu ta’ mezzi differenti u alternattivi ta’ trasport u b’użu ikbar tat-trasport pubbliku. Hemm bżonn ukoll ta’ pjan fit-tul dwar kif tul is-snin ser innaqqsu l-emmissjonijiet mingħajr ma jkun hemm impatt negattiv fuq l-ekonomija. Dan jista’ jsir permezz ta’ dak li jissejjah Carbon Budget li jorbot lill-Gvern li jnaqqas id-dipendenza fuq iż-żjut billi jistabbilixxi miri speċifiċi. Il-bidla li trid twassal għal tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili hija opportunità biex mhux biss nagħtu kontribut ikbar għat-tnaqqis tal-impatti fuq il-klima, imma wkoll biex ikollna arja nadifa, innaqqsu t-tniġġis u l-mard, kif ukoll biex nibnu ekonomija moderna li toffri sors ta’ għajxien sostenibbli lin-nies.

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0