Bżieżaq tas-sapun' Trab fir-riħ

  • Mej 28, 2016 07:57
  • Miktub minn Tanja Cilia

    "Dawk li jbaħħru fuq l-iġfna… […]

    qalbhom bdiet tferfer bil-biża'.

    […] u s-sengħa tagħhom xejn ma switilhom.

    Għajtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, […]

    u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

    Huma ferħu għax ibbnazza; u hu wassalhom sal-port li xtaqu."  [Salm 107]

     

    “Ħadd ma ħaqqu jmut fil-baħar.” Din hi l-premessa li jimxi fuqha l-MOAS.

    Chris u Regina Catrambone nedew missjoni ta’ salvataġġ tista’ tgħid b’kumbinazzjoni. Darba minnhom Chris u Regina, u bint Regina, Maria Luisa, kienu fuq cruise, u raw ġakketta tas-salvataġġ fil-baħar. Il-jott kien qed isuqu Marco Cauchi, li llum hi s-Search and Rescue Mission Co-Ordinator tal-Phoenix.

    “Dik x’aktarx li hi ta’ xi wieħed mir-refuġjati…” qalilhom, u spjegalhom is-sitwazzjoni. Laqtithom, u kif, l-ironija li huma kienu jagħmlu kruċiera kull sena biex jistrieħu u jinqatgħu mill-ħajja ta’ kuljum, filwaqt li dawn in-nies jagħmlu vjaġġ wieħed,li jista' jiswielhom ħajjithom.

    Minn hemm nibtet l-idea tal-Migrant Offshore Aid Station (MOAS), biex issalva lil ftit minn dawk li jkunu qed jaħarbu mill-għaks; nies iddisprati li jfittxu mhux tant ħajja diċenti, iżda almenu ħajja.  Ħadd qatt ma jista' jkun jaf kemm imutu nies huma u jaqsmu l-Mediterran, jew l-Eġew, jew l-Andaman, jew ibħra u oċeani oħra.

    Stampi li naraw ta’ nies misruqa mill-Afrika u ppakkjati, biex jinbiegħu fl-Amerika bħala skjavi, saru parti mill-istorja. Naraw xi film bħal Titanic, u jiddispaċina għal dawk li kienu msakkrin “isfel” u ma tħallewx joħorġu, biex forsi jssalvaw. Dawn ix-xenarji qed jerġgħu jiġru, bid-differenza li dawn in-nies jagħżlu huma li jaħarbu, u jħallsu flejjes kbar lill-kuntrabandisti għall-privileġġ li jirkbu fuq vaxxell li kieku kellu jkun f’tarzna, mhux żgur iħalluh isalpa. 

    In-numri ma saru jfissru xejn għajr statistika.  Mietu 50. Salvaw 300. 20 f’qagħda kritika. Żewġ nisa welldu abbord. Mal-mejtin li nġabru mill-baħar kien hemm ħamest itfal. U allura? B’daqshekk? 

    Malta, li hi tabilħaqq l-għatba tal-Ewropa, issib ruħha bħall-Erbgħa fost il-Ġimgħa f’nofs din il-kriżi umanitarja.

    “Aħna l-Maltin jeħtieġ li nkunu protagonisti fil-kultura ta’ kompassjoni u solidarjetà.” Hekk qalilna l-Eċċellenza tiegħu l-Arċisqof Charles J Scicluna, meta ltaqa’ mal-midja nhar is-Sibt, 21 ta’ Mejju, abbord il-Phoenix, fil-Jum Dinji tal-Komunikazzjonijiet. Dan sar b'kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni MOAS, li qed taħdem bis-sħih biex jinħoloq “kuritur ta’ ħniena” għal min jinħtieġu.

    Monsinjur Arċisqof qalilna li f’din is-Sena tal-Ħniena, aħna kona magħqudin fuq il-vapur tal-ħniena; l-istess ħniena li wera, anzi kkomunika, il-Qdusija tiegħu l-Papa Franġiksku I meta żar Lesbos. Fakkarna li m’hemm ebda ħniena jekk ma hemmx il-komunikazzjoni, għaliex meta nwittu t-triq għal ħadddieħor, meta nħennu għal xi ħadd, inkunu qed nuru u nwettqu l-kompassjoni u s-solidarjetà. Sostna li aħna l-Maltin għandna tradizzjoni ta’ kompassjoni u ta' aċċettazzjoni tal-barrani, u li hu jappoġġa bis-sħiħ il-missjoni tal-MOAS. Jinħtieġ, qal, li Malta ssir parti minn strateġija tal-ħniena.

    Xi biżgħat ma jonqsux – wara kollox, aħna mhux dejjem ġid rajna mill-barrani. Iżda kif nistgħu ma nurux empatija ma’ nies li biex ifittxu s-sigurtà jaqsmu l-ibħra b’ta' fuqhom senduqhom?

    Fi żmien ta’ terroriżmu u insigurtà, jinħtieġ li niftħu qlubna u negħlbu l-biżgħat tagħna. Il-ħniena u l-miżerikordja u l-empatija u l-imħabba m’għandhomx ġens, nazzjonalità, kulur, jew reliġjon. Dawn iqarrbuna lejn status bla fruntieri; futur fejn la fl-art u anqas fil-baħar ma jkun hemm ħitan, la tal-ġebel u wisq anqas mistħajla. 

     

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook