Iva, it-trasport pubbliku tjieb

  • Mej 29, 2016 13:32
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    It-trasport pubbliku hu suġġett li ġieli ktibt fuqu għaliex nemmen li hu importanti sew għall-ambjent u sew biex insolvu l-problema tat-traffiku – żewġ affarijiet li jolqtuna fil-laħam il-ħaj. Meta ktibt, dejjem ibbażajt il-kitba sew fuq l-esperjenza tiegħi u ta’ ħaddieħor. Għalhekk naf li l-kritika tkun waħda ġustifikata.

    Qatt ma ddejjaqt nikkritika fejn hemm bżonn. Dan għaliex hemm bżonn li dan is-servizz jitjieb. Niktibha b’wiċċi minn quddiem li s-servizz bħalissa tjieb ħafna. Ma hemmx paragun la meta kien imexxi mis-sidien u lanqas meta kien hemm l-Arriva. Tal-ewwel qatt ma riedu jagħmlu investiment u minkejja li l-Gvern kien ħareġ il-miljuni biex ikollna karozzi tajba, xorta ħadu l-flus u ma kienu għamlu kważi xejn. L-Arriva bdiet bit-tajjeb, iżda mill-ewwel marret lura u aktar ma kien għadda żmien, aktar is-servizz mar lura. Parti mit-tort kien li fil-bidu l-awtoritajiet kienu aktar moħħhom biex jgħattu d-difetti milli biex jitjieb. Aktar m’għadda żmien u aktar ma s-servizz mar lura, il-Gvern kien ħasel idu minnu.

    It-titjib li kien hemm dan l-aħħar ma ġiex mix-xejn. Waħda mill-affarijiet li kien hemm kienet li l-Ministru Mizzi qatt ma ddejjaq li jidħol biex jirranġa s-servizz. Personalment nemmen li kellu jkun ir-regolatur – Transport Malta – li kellu jagħmel dan. Għalhekk għandna r-regolatur!

    Minkejja li tjieb, nemmen li għad hemm aktar xi jsir. U għalhekk l-Għaqda tal-Konsumaturi mhux biss tikkritika, iżda wkoll tagħmel il-parti tagħha biex dan is-servizz jitjieb. Hu għalhekk li perjodikament ikollna laqgħat ma’ min qed imexxi l-kumpanija – sew biex inressqu l-kritika, sew biex nagħtu s-suġġerimenti u sew biex inkunu nafu x’biħsiebha tagħmel il-kumpanija.

    U hawn kien it-tieni fattur għaliex qed jitjieb is-servizz. Dan hu li l-management tal-kumpanija jrid jisma’ l-ilmenti u s-suġġerimenti. Din hi xi ħaġa li l-management taż-żewġ kumpaniji l-oħra qatt ma għamlu u qatt ma riedu jagħmlu. Forsi għaliex kienu jaħsbu li huma biss jifhmu!

    Barra l-laqgħat li kellna s-sena l-oħra, tul din is-sena diġà kellna żewġ laqgħat fejn poġġejna sew is-suġġerimenti tagħna u sew il-kritika. Smajna wkoll dawk l-oġġettivi li l-kumpanija qed tagħmel u kif ser tilħaqhom. Li l-kumpanija kienet tammetti n-nuqqasijiet u kienet tipprova tindirizzahom, diġà kien pass ‘il quddiem li għamlilna kuraġġ li nerġgħu niltaqgħu għaliex konna nafu li ma konniex qed naħlu l-ħin.

    Tul it-taħditiet li kellna, konna u għandna nagħmlu emfasi fuq il-puntwalità. Dan għaliex b’hekk persuna tkun tista’ tippjana l-vjaġġ tagħha. Dan hu oġġettiv li l-kumpanija qed tipprova tilħqu b’diversi modi fosthom sew b’kontroll akbar fuq ix-xufiera u sew permezz ta’ informazzjoni.

    Skont l-informazzjoni li għandna, qed ikun hemm aktar kontrolli speċjalment meta karozza tkun ser titlaq mill-venda permezz tat-telefonati diretti miċ-ċentru. Dan il-kontroll seta’ wassal għal xi titjib iżda xorta nemmen li biex taħdem is-sistema sew xorta jrid ikun hemm intervent ‘from the ground’. Dan għaliex iċ-ċentru ma jkunx qed jara ċerti affarijiet. Eżempju ta’ dan ġara l-gimgħa li għaddiet fuq il-venda tal-Belt bejn is-2.00pm u t-3.00pm. Kont fuq il-venda għal xi s-2.15pm u ma kien hemm l-ebda karozza lejn Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn. Għal xi s-2.30pm dehret karozza 91 u pparkjat faċċata tal-venda. Ix-xufier niżel u tefa l-karozza.

    Sadanittant, il-ħin tat-tluq fuq l-electronic board tal-91 minn 2.30pm sar 2.50pm. In-nies bdiet tistaqsi lid-dispatcher għall-karozza u hu qalilhom li għad trid tasal. Fit-2.50pm deher l-istess xufier tiela’ fuq il-karozza li kienet ipparkjata faċċata u saq lejn il-venda biex jgħabbi n-nies. Sadanittant ġiet it-93 u għabba wkoll. Kif għabbew, telqu kważi fl-istess ħin – u l-venda reġgħet ġiet mingħajr karozza. Għalhekk għadni nemmen li sistema ċentralizzata ma taħdimx.

    Fl-informazzjoni saru żviluppi. L-app li ħarġu għall-mobile hu pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba għaliex il-passiġġier ikun jaf permezz tal-mobile tiegħu liema u meta ser tasal karozza fuq l-istage li jkun irid juża. Mill-kuntatti li għandna mal-passiġġieri li jużawh, sabuh utli ħafna. Nittammaw li aktar passiġġieri jagħmlu aktar użu minnu.

    Aħna dejjem emminna li l-passiġġieri għandhom ikollhom aktar informazzjoni. Sakemm reġgħet bdiet is-sistema fuq boards elettroniċi, konna għamilna pressjoni. Illum din tidher li qed taħdem sew. Li hemm bżonn hu ta’ aktar minn dawn il-boards. Aħna nemmnu wkoll li llum hemm bżonn ta’ aktar boards akbar speċjalment fejn jinġemgħu ħafna passiġġieri – bħalma hu l-Isptar Mater Dei.

    Nemmnu wkoll li l-informazzjoni għandha tkun aktar bi grafika speċjalment biex turi minn fejn tkun ser tgħaddi karozza partikolari. Jekk jien irrid immur f’xi post, inutli li tgħidli li din il-karozza ser tgħaddi minn dak ir-raħal u ma tgħidlix minn liema parti. F’dan il-qasam diġà sar titjib u dan sar effettiv speċjalment issa li dawk il-passiġġieri li taw l-email address tagħhom lill-kumpanija jirċievu wkoll email li żżomm lill-passiġġieri infurmati.

    Għad hemm ħafna xi jsir. L-Għaqda għad għandha ħafna aktar suġġerimenti, fosthom affarijiet li s’issa qatt ma rajniehom u li jiżguraw li f’dan is-servizz, id-drittijiet tal-konsumaturi jkunu kollha mħarsa. Iżda bdejna. Sew l-impenn li qed juri l-Gvern u sew il-kumpanija jagħtina kuraġġ li xi darba naslu li jkollna servizz mill-aqwa.  

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook