Skrutinju pubbliku

  • Ġun 11, 2016 17:50
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

     

    Sfortunatament f’dan il-pajjiż kollox hu ddominat jew bil-politika partiġġjana jew bir-reliġjon. Dak li ma jaqax taħt il-kappa ta’ dawn, għall-poplu Malti mhux importanti. Min-naħa l-oħra dak li jaqa’ taħt il-kappa ta’ dawn jiġi ttimbrat u d-diskussjoni tkun ikkulurita skont il-kappa li jaqa’ dak li jkun u mżejna bi tfigħ ta’ tajn.

    Akbar hi l-isfortuna li l-mezzi tax-xandir jieħdu din l-attitudni u dak li ma jaqax taħt il-kappa ta’ dawn it-tlieta, għall-gazetti u l-ġurnalisti m’għandux news value. Dan jagħti daqqa ta’ ħarta lid-demokrazija għaliex minflok din tkun qed tgħin biex bid-diskussjoni l-affarijiet li jkunu ssuġġeriti jitjiebu, fit-tradizzjoni Maltija idea tkun tajba jekk jissuġeriha l-partit tiegħi u ħażina jekk tkun tal-partit l-ieħor

    Aħbar li ntilfet u għandi dubji kbar jekk ġietx irrappurtata fil-mezzi tax-xandir kienet dik li ħabbar il-Prim Ministru dan l-aħħar waqt dibattitu tal-Parlament li l-Gvern ser iressaq liġi li Chairmen tal-Awtoritajiet ser jibdew jidhru quddiem il-Parlament qabel ma jinħatru.

    Dan kien wieħed mis-suġġerimenti li kienet għamlet l-Għaqda tal-Konsumaturi fil-proposti li kienet bagħtet lill-partiti politiċi qabel l-aħħar elezzjoni. L-Għaqda kienet għamlet dan is-suġġeriment għaliex sfortunatament ħafna drabi persuna tinħatar Chairman ta’ xi Awtorità jew entità pubblika minħabba x-xaqliba politika tagħha u mhux għax ikollha l-kwalitajiet meħtieġa biex tmexxi dik l-entità. Din id-drawwa tant daħlet li anki meta l-persuna ikollha dawn il-kwalitajiet meħtieġa xorta tiġi ttimbrata li nħatret minħabba x-xaqliba politika tagħha u kull ħaġa li tagħmel tkun ittimbrata taħt dan il-kulur.

    Għaliex l-Għaqda kienet ħasset il-bżonn ta’ dan l-iskrutinju pubbliku? Ir-raġuni prinċipali kienet li dawn ic-Chairmen hemm bżonn jinħatru min-nies li jkunu ppreparati jmexxu dik l-entita’. Pereżempju, jekk ser ikun Chairman ta’ Awtorità, hu importanti li jkollu viżjoni mhux biss kif ser jiżviluppa s-settur f’wieħed aktar dinamiku u aktar kompetittiv iżda wkoll li din il-kompetizzjoni tiġi msarrfa f’benefiċċju għall-konsumaturi.

    Inkunu ċari li hu l-Gvern li jkun irid jaħtar dawn il-persuni iżda dawn ikunu jridu jgħaddu mill-iskrutinju pubbliku permezz tal-Parlament. Jekk il-Gvern iħoss li permezz ta’ dan l-iskrutinju l-persuna ma toħroġx bħala persuna denja ta’ dan il-post, il-Gvern ikun irid jaħtar persuna oħra.

    Is-sistema taħdem tajjeb fit-teorija. Jekk taħdimx tajjeb jew le fil-prattika ser ikun jiddependi mill-imġiba tal-Membri Parlamentari. Kulħadd irid jifhem li dawk li jkunu magħżula jrid ikollhom il-fiduċja tal-Gvern. Dan għaliex hu l-Gvern tal-ġurnata li għandu l-mandat li jamministra u għalhekk finalment irid iġorr ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni tul il-legiżlatura.

    Kemm ikun tajjeb l-iskrutinju jiddependi minn dawk il-Membri Parlamentari li jkunu qegħdin jagħmlu dan l-iskrutinju. Jekk il-Membri tal-Gvern jieħdu l-attitudni minn qabel li dak li ppropona l-Gvern hu tajjeb u jekk il-Membri tal-Oppożizzjoni jieħdu l-attitudni li dak li ppropona l-Gvern hu ħażin, la l-iskrutinju u lanqas is-sistema ma taħdem. Jekk isir hekk, il-Membri Parlamentari jkunu rriduċew dan il-proċess f’arena oħra biex minflok politika jipprattikaw politika partiġġjana. Hu għalhekk li dan l-iskrutinju ikun iffukat fuq il-qasam li din il-persuna tkun ser tmexxi. Li jrid ikun eżaminat hu l-ħila, il-viżjoni u dak li jkun biħsiebha tagħmel il-persuna f’dan il-qasam u mhux min hu jew hi jew x’tabella politika waħħlet ma’ din il-persuna.

    Żgur li meta tiġi introdotta din is-sistema mhux ser tkun perfetta iżda kulħadd irid jifhem li dan hu l-ewwel pass. Jekk nitgħallmu mill-esperjenza, inkunu nistgħu ntejbuha, gvern wara l-ieħor.

    Meta tibda taħdem din is-sistema ser turi biċ-ċar dawk il-Membri Parlamentari li jixtiequ li Malta timxi ‘l quddiem u turi wkoll biċ-ċar dawk il-Membri Parlamentari li ma jafux x’inhi politika għax għadhom maqbuda fil-politika partiġġjana li ħafna drabi f’Malta tfisser tfigħ ta’ tajn.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook