Wara r-Referendum fir-Renju Unit

  • Ġun 27, 2016 06:15
  • Miktub minn Carmel Cacopardo

    It-tmexxija tal-Unjoni Ewropea ddikjarat li wara r-riżultat tar-referendum ikun jaqbel għal kulħadd li r-Renju Unit idabbar rasu malajr kemm jista’ jkun. Għaldaqstant qed issir insistenza biex jibda minnufih il-proċess tat-tluq skont il-proċeduri kif stabbilit fl-artiklu 50 tat-trattati tal-Unjoni. Imma r-Renju Unit ma jidhirx li għandu għaġla. Anke għax hemm min qed jirrealizza li l-ħsara li ser isseħħ hi kbira wisq u allura qed jerġa’ jibdielu. Ironikament, il-maġġoranza tal-Membri Parlamentari ma jaqblux li r-Renju Unit ma jibqax membru tal-Unjoni Ewropea!

    Meta David Cameron nhar il-Ġimgħa filgħodu ħabbar ir-riżenja tiegħu minn Prim Ministru tar-Renju Unit, huwa qal li l-proċess tan-negozjati għat-tluq mill-Unjoni Ewropea ser iħallih għas-suċċessur tiegħu. Dan jista’ jkun Boris Johnson, sa ftit ilu Sindku ta’ Londra, imma jista’ jkun ħaddieħor ukoll bħal Theresa May, preżentement Segretarju tal-Istat għall-Intern fil-Kabinett immexxi minn David Cameron. Dan ifissser li tal-inqas baqa’ tliet xhur, imma ma hemm l-ebda garanzija li f’għeluq dawn it-tliet xhur dan il-proċess ser jibda. Dan minħabba li l-politika u l-istrateġija tat-tmexxija l-ġdida għad mhix magħrufa, dejjem jekk din teżisti.

    Fil-fatt, Boris Johnson diġà ddikjara li m’hemmx għaġla biex ir-Renju Unit jitlaq mill-Unjoni Ewropea. X’għandu f’moħħu mhux magħruf imma minn dak li ntqal waqt il-kampanja referendarja ma jidhirx li s’issa hemm xi pjan dwar kif jista’ jseħħ it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Minn dak li nkiteb fil-gazzetti Ingliżi jidher li għandu mnejnissir enfasi fuq negozjati informali u dan biex ikun evitat li jibda jgħodd il-limitu ta’ sentejn li jistabbilixxu t-trattati Ewropej, liema limitu jibda jgħodd minn meta tingħata n-notifika skont l-artiklu 50. Imma fl-Unjoni Ewropea ma hemmx qbil ma' dan. Sadanittant hemm petizzjoni għaddejja online li sal-ħin li qiegħed nikteb kisbet l-appoġġ ta’ madwar tlett miljun persuna. Din il-petizzjoni qed titlob li r-referendum isir mill-ġdid. I l-Parlament ser jiddiskuti din il-petizzjoni.

    Fl-istess ħin hemm reazzjonijiet qawwija mill-Iskozja, l-Irlanda ta' Fuq u minn Ġibiltà għar-riżultat referendarju. Fit-tlett każi dawn huma favur il-kontinwazzjoni tas-sħubija. Fil-kaz ta’ Ġibiltà hemm ukoll il-kumplikazzjoni tal-possibilità tal-għeluq tal-fruntiera minn Spanja (kif ġieli ġara fil-passat) liema għeluq jeafettwa lil madwar 12,000 resident li kuljum imorru Spanja għax-xogħol. Il-possibilità ta’ kontrolli mal-fruntiera bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża lanqas ma hu ta’ awgurju tajjeb.

    Id-dewmien biex jibdew it-trattattivi għat-tluq ifisser iktar inċertezza għas-swieq finanzjarji, li minnha jbati kulħadd. Inkluż l-ekonomija globali.

    Jekk inħarsu lejn kif żviluppaw ir-relazzjonijiet bejn pajjiżi bħall-Iżvizzera u n-Norveġja mal-Unjoni Ewropea insibu li dawn japplikaw partijiet sostanzjali mill-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, inkluż il-moviment ħieles tal-persuni u r-regoli tas-suq wieħed. Dan apparti kontribuzzjoni finanzjarja sostanzjali lill-Unjoni bħala ħlasgħall-aċċess għas-suq Ewropew. Dawn kollha affarijiet li Boris Johnson u l-kampanja favur it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni tkellmu kontra tagħhom waqt il-kampanja referendarja.

    X’ser jagħmlu issa? Kollox hu possibbli. Imma jekk il-mudell Żvizzeru u Norveġiż ikun skartat huwa diffiċli ħafna biex wieħed jifhem x’ser jiġri. Tajjeb li niftakru li meta riċentement l-Iżvizzera approvat referendumkontra l-prinċipju tal-moviment ħieles tal-persuni, qamu l-irwiefen kollha. Għax il-prinċipju tal-moviment ħieles tal-persuni huwa bażiku għall-Unjoni.

    Jidher ċar li quddiemna għandna ġimgħat ta’ spekulazzjoni li ma huma ser jagħmlu ġid lil ħadd. La lir-Renju Unit u lanqas lill-Unjoni Ewropeja. L-anqas ma ser tagħmel ġid il-gwerra ċivili fil-partiti ewlenin Ingliżi. Il-battalja għat-tmexxija tal-Partit Konservattiv ser tkun qalila. Imma issa reġgħet tfaċċat il-gwerra ċivili fil-Partit Laburista Ingliż ukoll bir-riżenji mix-Shadow Cabinet u mozzjoni ta’ sfiduċja fit-tmexxija.

    Ser ikunu ġimgħat ta’ tibdil kbir.



     

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0