Wara t-teatrin ta' Singapore... lil hinn mill-partiġjaniżmu politiku

  • Aww 02, 2016 06:17
  • Miktub minn Carmel Cacopardo

    Qed joqrob il-jum li fih it-tanker għall-ħażna tal-gass tal-power station jidħol u jitqiegħed fil-Port ta’ Marsaxlokk. Qed jgħidulna li dan ser ikun temporanju, jiġifieri għal ftit taż-żmien, sakemm jitlestew l-istudji dwar il-pipline tal-gass bejn Sqallija u Malta. Ovvjament trid iżżid ukoll iż-żmien biex il-pipeline jitqieghed f’qiegħ il-baħar inkluż ukoll il-perjodu tal-finanzjament, tendering u commissioning. Mhux xahar u tnejn.

    Kemm ser ikun twil dan il-perjodu temporanju? Jiddependi mix-xogħol li sar diġà. Però ma neħodhiex bi kbira jekk dan iż-żmien ikun bejn ħames u tmien snin.

    Sadanittant hemm il-ħtieġa li jkun ikkunsidrat il-permess operattiv tal-power station taħdem bil-gass f’Delimara. Dan il-permess ikun irid jissodisfa tliet tipi ta’ direttivi/regolamenti. Dawk dwar l-impjanti industrijali, dawk dwar l-impatti ambjentali (IPPC – Integrated Pollution Prevention and Control) u dawk dwar il-ħarsien minn inċidenti industrijali u l-impatti kemm ambjentali kif ukoll dawk ta’ protezzjoni ċivili (Direttivi ta’ Seveso).

    Dan kollu jkun ikkunsidrat mill-Awtorità tal-Ambjent u Riżorsi flimkien ma’ awtoritajiet oħra, prinċipalment id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Awtorità għall-Ħarsien tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol. Imma ser ikun hemm ukoll bla dubju ħtieġa ta’ eżami sewwa ta’ issues ta’ navigazzjoni minn Trasport Malta minħabba kemm it-tanker stazzjonarju (marbut mal-moll) fil-bajja ta’ Marsaxlokk kif ukoll minħabba li madwar tmien darbiet fis-sena ser jidħlu tankers bil-ħtiġijiet tal-gass skont kemm tkun qed tikkonsma gass il-Power Station ta’ Delimara.

    Dawn huma kollha affarijiet li ġew diskussi f’ċertu dettall madwar sentejn ilu meta kien qed ikun diskuss il-permess ta’ żvilupp quddiem il-MEPA. Dakinnhar kien intqal li dawn kollha kienu affarijiet li riedu jkunu deċiżi iktar tard. Preċiżament issa hu dak il-mument, matul dawn il-ġimgħat u xhur li ġejjin.

    Ser naraw matul il-ġimgħat li ġejjin dwar il-ħtieġa ta’ sigurtà huwa u jkun trasferit il-gass mit-tankers ġejjin u sejrin għal ġot-tanker stazzjonarju. Jekk hux veru li għal ċertu ħin il-port ikun jeħtieġlu illi jkun magħluq u kif dan (jekk minnu) ser jeffettwa l-operat tal Freeport u tas-sajjieda.

    Irridu naraw kemm il-miżuri ta’ sigurtà fl-operazzjoni tal-power station huma f’posthom u xi drills ser ikunu meħtieġa (inkluż il-frekwenza tagħhom) biex ikun assigurat illi l-popolazzjoni residenzjali fil-viċinanzi tkun imħejjija għal kull eventwalità, anke jekk remota.

    Wara l-inċidenti ta’ tmiem il-ġimgħa fil-ħruq tan-nar tal-festa ta’ Marsaxlokk bla dubju jridu jittieħdu prewkazzjonijiet ħafna iktar biex ikun assigurat li dawn it-tip ta’ inċidenti, jekk iseħħu, jinżammu 'l bogħod kemm jista’ jkun mill-power station ta’ Delimara u l-ħażna tal-gass.

    Dan kollu dwaru hemm l-obbligu li jkun hemm konsultazzjoni pubblika mar-residenti effettwati, dawk ta’ Marsaxlokk prinċipalment, imma probabbilment ukoll dawk ta’ Birżebbuġa.

    L-operazzjoni tal-power station bil-gass bla dubju ser tnaqqas it-tniġġis tal-arja u b’mod ġenerali ttejjeb l-impatti ambjentali. Il-kostruzzjoni tal-pipe tal-gass eventwalment tnaqqas u tbiegħed il-perikli. Imma sa ma jasal dak il-jum il-possibbiltà tal-perikli, anke jekk remota, xorta qiegħda wara l-bieb tagħna.

    Lil hinn mill-partiġjaniżmu politiku għandna l-obbligu li nassiguraw li l-affarijiet isiru sewwa. Biex dan isir għandna l-obbligu li neżaminaw kull pass li jsir. Għax b’hekk biss kulħadd joqgħod attent li jagħmel xogħolu sewwa.

     

     

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  
    Zorro
    Aww 04, 2016

    Karm, jahasra kemm paroli fil-vojt. Dan li hawn f`dan l-artiklu diga inti ghidtu miljun darba. Possibli ghadek ma qtajtx qalbek li qieghed tpacpac fil-vojt. Nannti kienet tghid , li nehqa ta hmar qatt ma teghlet is-sema. .

    Irrispondi