Munich

  • Aww 16, 2016 06:41
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Xi ġimgħat ilu ddominat l-aħbarijiet u l-attenzjoni tan-nies għal nofstanhar sħiħ. Kulħadd moħħu li reġa’ kien hemm attakk terroristiku ieħor tal-ISIL. Ir-raġuni hi li l-kelb il-mismut, kull ilma jaħsbu misħun. Ir-reazzjoni tal-media u l-pulizija kienet ukoll waħda simili. Il-media internazzjonali tista’ tgħid ma ħabbret xejn għajr stejjer dwar dak li kien maħsub li kien qed jiġri filwaqt li l-pulizija ħadu azzjoni daqslikieku kien hekk.

    Aħbarijiet bħal dawn illum drajnieom għalkemm xorta jaħsduna, iġegħluna nidħlu ġo qoxritna u naħsbu. Ġimgħa qabel kellna attakk ieħor ġo Franza, wara kellna dak l-attakk il-Ġermanja stess meta kien hemm attakk fuq tren, u issa kien imiss lil Munich. Tliet attakki f’temp ta’ ġimgħa! Attakki ġo pajjiżi fejn hemm sigurtà għaliex għaddew minn ġrajjiet bħal dawn qabel, barra l-fatt li l-pulizija huma organizzati ħafna, għandhom l-apparat u huma effiċjenti. Dan barra li għandek is-servizzi sigrieti tagħhom għandhom l-esperjenza u mħarrġin sew. Postijiet li għalina l-Maltin inqisuhom bħala postijiet li tista’ tmur b’moħħok mistrieħ.

    Ħaġa li ħarġet minn dan l-attakk kienet l-organizzazzjoni tajba li kien hemm mill-pulizija. Din hi xi ħaġa li kien hemm qbil fuqha anki fil-media internazzjonali. Dan kien minkejja li ħadd ma kien jaf preċiż x’kien qed jiġri. Biss biex kien hemm din l-organizzazzjoni, żgur li kien hemm preparazzjoni tajba u taħriġ. Jidher li kif inqalgħet il-kriżi kulħadd kien jaf x’għandu jagħmel u kif ingħata l-ordni ħa l-azzjoni li kellu jieħu. Minn rapporti li kien hemm jidher ukoll li anki kien hemm timijiet tan-nies oħra barra l-belt li mill-ewwel ħadu azzjoni biex jgħinu, barra li kulħadd anki fi bliet oħra jidhru li ħadu azzjonijiet biex jilqgħu għal kull attakk.

    Dan ifisser organizzazzjoni tremenda.

    U Malta...

    S’issa Malta ħelsitha minn dan it-terrur. Nittama li din is-sitwazzjoni tibqa’. Vantaġġ li għandna hu li l-Gvern Malti għandu tendenza li jilgħab ir-rwol ta’ medjatur sew bejn l-Għarab u l-Ewropej u anki bejn l-Għarab bejniethom bħalma qed jiġri fil-Libja. Dan hu vantaġġ enormi u hu akbar minn kull mezz ieħor ta’ sigurtà. Biss ma hemm l-ebda garanzija li dan il-vantaġġ jeħlisna minn kull għawġ. L-aħħar inċident fil-Ġermanja ma kienx attakk terroristiku, biss xorta kellu l-effetti koroh tiegħu barra l-fatt li kien wara l-attakk li kien stabbilit li dan mhux xi attakk terroristiku. It-terroristi mhux ser jgħidulek li qed jattakkaw.

    Il fuq semmejt li l-pulizija Ġermaniżi ħarġu bl-unuri u dan għaliex kienu ppreparati u organizzati. Sfortunatament il-preparazzjoni u l-organizzazzjoni mhumiex xi attribwiti qawwija fil-karattru Malti. Naf li l-Gvern qed jieħu dawn l-affarijiet bis-serjetà, biss irid isus biex jassigura li l-affarijiet qed jiġu ppreparati għal dak li jista’ jinqala’. Biex ngħidu kollox, il-pulizija ħarġu ta' rġiel meta kien hemm sew iċ-CHOGM u sew il-laqgħa tal-Ministri Ewropej, minkejja li ftit li xejn kellhom esperjenza qabel.

    L-organizzazzjoni meħtieġa hi waħda estensiva li ma tinvolvix biss il-pulizija. Fi Munich, aspett importanti kien li fi ftit ħin għalqu t-trasport pubbliku mingħajr ma ħolqu paniku. Barra minn hekk, in-nies kienu infurmati l-ħin kollu kif għandhom jaġixxu, bħal pereżempju kif għandhom jikkuntattjaw lill-familja tagħhom li huma qawwija u sħaħ mingħajr ma jimblokkaw is-sistema telefonika. Kien hemm struzzjonijiet biex ħadd ma jtella’ fuq siti soċjali filmati jew informazzjoni dwar azzjonijiet li kienu qed jittieħdu mill-pulizija, barra l-fatt li l-mezzi tax-xandir kienu infurmati b’dak li qed jiġri mingħajr ma tħallew juru informazzjoni li setgħet tgħin lil min kien qed iwettaq l-attakk. Dawn mhux affarijiet żgħar biex torganizzahom. Biss xorta nemmen li kapaċi nwettquhom.

    L-attakk li kien hemm kien ġej minn persuna waħedha li ma kellha l-ebda skop politiku jew ideoloġiku. Attakki bħal dawn rajniehom kemm-il darba fl-Istati Uniti. Kull meta jkun hemm attakk bħal dan, tqum il-mistoqsija kemm hu faċli li wieħed jikseb l-armi. Nemmen li l-ksib tal-armi mhux xi dritt fundamentali tal-bniedem. Qabel forsi kien. Illum għandna mezzi oħra biex nassiguraw id-drittijiet tagħna u għalhekk il-ksib tal-armi għandu jkun ristrett. Nemmen wkoll li għandu jkun hemm aktar ristrizzjonijiet u raġunijiet sodi meta jinħareġ permess għall-arma u kull tant żmien dawn ir-raġunijiet jerġgħu jiġu mistrħarrġa biex nassiguraw li dawn għadhom validi. Għandu jkun hemm aktar restrizzjonijiet fuq fejn u kif jinġarru u jinħażnu l-armi. Is-sigriet ta’ dan kollu hu l-istess bħal ta’ kull liġi oħra – spezzjonijiet biex nassiguraw li l-liġijiet qed jinżammu. Irridu niftakru li l-ebda prekawzjoni ma tkun effettiva jekk ikun hemm l-armi jiġru fl-idejn!

    Aspett ieħor li jista’ jnaqqas is-sigurtà hu li kulħadd ikun irid jaf bit-tħejjijiet li jkunu qed isiru biex jikkumbattu attakki bħal dawn.  Hemm min ser jgħid li dan hu dritt tagħna u li jserrħilna rasna. Hemm min ser jgħid li l-mezzi tax-xandir għandhom ikunu jafu u jxandru minħabba l-libertà tal-istampa. Biss ftit jirrealizzaw li jekk isir hekk, kull min ikun qed iħejji attakk ser ikun jaf x’ser jagħmlu l-forzi tas-sigurtà u jieħdu azzjoni biex dawn tal-aħħar ikunu ineffettivi. Fil-fatt il-media llum fl-Ewropa qiegħda fin-nofs ta’ diskussjoni għaliex hemm ħafna jemmnu li aktar nies qed jitħajru jagħmlu attakki bħal dawn għaliex it-terroristiċi qed isiru eroj permezz tal-mezzi tax-xandir. Illum ser isir sforz biex il-mezzi tax-xandir ikabbru u jagħmlu eroj lill-vittmi u mhux lit-terroristiċi. Ħaġa li għandi dubju dwarha hi jekk il-piki tal-politika partiġġjana jħallux lill-media Maltija tieħu pass bħal dawn biex innaqqsu t-tensjoni u tiżdied is-sigurtà ta’ kulħadd.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook