Stating the obvious

  • Set 15, 2016 14:30
  • Miktub minn Charles Miceli

     

    Ovvjament, u ma tistax tibda biċċa kitba dwar dak li hu ovvju, jekk mhux bil-kelma ovvjament. Mela. Ovvjament dak li hu ovvju għalija mhux bilfors ovvju għal kulħadd. U dak li hu ovvju llum mhux bilfors jibqa’ ovvju għada.

    U din mhix xi marda endemika tar-razza Maltija. Imma ppermettili niffoka fuq issa u hawn. Issa, is-sena 2016 wK. U hawn, jiġifieri l-gżejjer Maltin.

    Għax għalkemm qed ngħixu f’dinja globalizzata, l-istorbju tal-murtali – biex nagħti eżempju, anke jekk forsi jidher ovvjament banali – idejjaq xi nies aktar milli ddejjaqhom il-gwerra fis-Sirja.

    Mhux qed ngħid li hekk għandu jkun. Lanqas xejn. Imma qed ngħid li ħafna drabi, talanqas fiċ-ċirku li ngħix fih jien, hekk hu.

     

    Ix-xogħol

    Il-kelma ovvjament, ġiet f’moħħi meta qrajt l-intervista mas-Segretarju Ġenerali tal-GWU, il-ħabib tiegħi Josef Bugeja, f’IT-TORĊA tal-Ħadd, 11 ta’ Settembru, 2016. Intervista li l-ġurnalista għażel li jagħtiha t-titlu “Ix-xogħol għandu jgħin lill-ħaddiem biex jgħix ... mhux jgħix għax-xogħol”.

    Għalija, u forsi għalik, din hija l-aktar ħaġa ovvja. Qisni qed ngħid li jisbah filgħodu u jidlam filgħaxija. Imma tiskanta kemm dak li hu ovvju għalik u għalija, spiss ma jkunx ovvju għal dak u għall-oħra.

    Iżda m’għandix dubju li s-Segretarju Ġenerali tal-GWU fix-xoghol tiegħu jiltaqa’ ma’ ħafna ħaddiema li jgħixu biex jaħdmu.

    Mhux qed ngħid biss għal dawk li għandhom paga tal-qamel u jkollhom jagħmlu żewġ jew tliet impjiegi biex idawwru r-rota. Qed ngħid ukoll li hawn ħafna, kif deher mir-rapport tal-MISCO ta’ ftit ġimgħat ilu, li x-xogħol qed jeħdilhom il-biċċa l-kbira ta’ ħajjithom.

     

    X’jista’ jsir?

    L-ewwel u qabel kollox irridu naċċettaw li għandna problema. La s-Segretarju Ġenerali qed jgħid dak li jidher li hu ovvju, allura għalija jfisser li qed ngħixu fi żmien li dak li kien ovvju ma baqax.

    Irridu nagħmlu ħilitna biex noħolqu kuxjenza ġdida. Irridu nfehemu li għalkemm ix-xogħol hu importanti, aħna ma ġejnix fid-dinja biex naħdmu biss. 

    Mhux qed ngħid hekk biex nigglorifika l-għażż. Xejn minn dan.

    Qed ngħid li l-bnedmin għandhom isibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħtiġiet l-oħra tal-ħajja. Li jissoċjalizzaw. Li jiddevertu. Li jitgħallmu. Li jirrilassaw. Li jagħmlu l-eżerċizzju. Li jieklu bil-kwiet. Li jinħaslu mingħajr ma jħarsu l-ħin kollu lejn l-arloġġ. Li jorqdu. Li jħobbu u jkunu maħbubin. 

    Hemm ħafna x’jista’ jsir. U m’għandniex għalfejn nivvintaw ir-rota. 

    Hemm bżonn, per eżempju, nibdew nitkellmu aktar fuq il-kwalità tal-ħajja aktar milli fuq il-konsum. 

    Hemm bżonn nitkellmu aktar fuq il-kwalità tal-impjiegi milli fuq il-kwantità. 

    Hemm bżonn nirrealizzaw li l-ekonomija qiegħda għall-bniedem mhux il-bniedem għall-ekonomija.

    Is-suċċess jew in-nuqqas tiegħu ma jitkejjilx bil-Prodott Domestiku Gross, imma bil-kwalità ta’ ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook