Monopolji u drittijiet

  • Set 15, 2016 18:20
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Malta hu pajjiż ċkejken fejn is-suq hu wieħed żgħir ħafna. Jekk inħarsu lejn is-swieq ta’ oġġetti u servizzi individwali nsibu li s-swieq huma ħafna aktar iżgħar. Karatteristika li nsibu f’kull suq hi li l-aktar nies li jitkellmu fuq is-suq ħieles huma n-negozjanti, iżda nsibu wkoll li l-aktar li jaħdmu biex dawn is-swieq ma jaħdmux b’mod ħieles u kompetittiv huma l-kumpaniji ta’ dawn in-negozjanti. Jaraw kif jaħdmu biex jagħlqu s-suq biex ma jkunx hemm kompetizzjoni u s-suq tagħhom ikun wieħed sigur mingħajr taħbit ta’ xejn. Aktar ma jkun żgħir is-suq aktar insibu minn dan. Hu għalhekk li Malta hi miżgħuda b’dawn it-tip ta’ swieq.  

    Mhux talli hekk, talli nsibu li wara ftit dawk li jaħdmu f’dawn is-swieq jibdew jippretendu għajnuna u protezzjoni. Kif jingħataw dawn, wara ftit ta’ żmien dawn jibdew jitqiesu bħala dritt. Din mhix xi ħaġa stramba għaliex kienet tidher fi bnadi oħra. Jekk inħarsu lejn is-suq tax-xogħol din kienet xi ħaġa komuni. Id-dritt tax-xogħol kien jiġi interpretat li jagħmel x’jagħmel il-ħaddiem dan dejjem hemm l-obbligu tas-soċjetà li din għandha tipprovdilu l-flus fil-but. Bit-tajjeb u l-ħażin, illum din inqatet, u l-maggoranza tal-ħaddiema jafu li d-dritt ta’ ħlas iġib miegħu l-obbligu ta’ responsabbiltà u xogħol. Huma biss f’ċertu oqsma fejn hemm il-gvern imdaħħal li għad hemm minn dawn il-pretenzjonijiet. Illum il-maġġoranza tal-ħaddiema jafu li l-għixien tagħhom jiddependi fuq kemm tmur tajjeb il-kumpanija. F’dan is-settur spiċċa żmien li l-kumpanija tiġi meqjusa bħall-baqra li dejjem taħleb. 

    L-istess ġara fuq il-qasam tal-konsumaturi. Qabel dawn kienu jippretendu li l-oġġetti li jixtru jkunu b’xi mod jew ieħor jiġu ssussidjati.  Għal żmien mhux ħażin, speċjalment wara l-aħħar gwerra dinjija, dan kien bżonnu minħabba l-faqar li kien hemm. Biss anki dan spiċċa u llum ħadd ma jippretendi li jkun hemm sussidju. L-aħħar settur fejn dan kien prominenti kien l-elettriku. Biss anki hemm dan is-sussidju inqata’ u r-roħs ma ġiex minħabba s-sussidju, iżda minħabba aktar effiċjenza fil-produzzjoni tal-elettriku.  

    Is-settur fejn għad baqa’ din l-idea hu s-settur tal-business. Għalkemm naqset, iżda għada hemm. Peress li l-Gvern qed jara kif jagħmel biex jgħin lil dan is-settur biex ikompli jikber, dan jiġi interpretat li n-negozju għandu dritt li jibqa’ jeżisti u jibqa’ protett minn kull kompetizzjoni. Dan hu komuni speċjalment fin-negozji li s-suq tagħhom hu s-suq lokali speċjalment f’ċerti oqsma.  Probabilment l-aktar li rajnih kien fit-trasport pubbliku meta dawk li kienu jħaddmu s-servizz u l-kuntratt tagħhom spiċċa. Dawn ippretendew li dak il-kuntratt u s-sussidji miegħu kien dritt tagħhom u għandu jibqa’.  Is-soluzzjoni malajr sibniha u tajnihom kumpens ta’ miljuni ta’ ewro. S’intendi, kien il-konsumatur permezz tat-taxxi tiegħu li ħallas għal dan mingħajr ma ħa xejn lura. L-aħħar settur li rajnih hu fid-distribuzzjoni taċ-ċilindri tal-gass.  

    Dawn kellhom monopolju li kien jikser ir-regolamenti tal-UE. Kif solvejnih? L-istess bħal qabel. L-ewwel irreżistejna kemm stajna biex nagħtu permessi ġodda u wara li kien hemm passi fil-Qorti erġajna solvejniha bħal fil-każ tal-linja – tajnihom kumpens. Dan minflok tlabnihom li jagħtu kumpens lill-konsumaturi talli għal żmien twil kellhom monopolju!.

    L-unika differenza kienet li fuq il-karta għallanqas dan is-servizz kellu jitjieb.  Ktibt, ''fuq il-karta'', għaliex aktar minn sena u nofs wara għadna ma rajna l-ebda titjib f’dan is-servizz minkejja li dawk li kellhom monopolju l-lum qed jieħdu sussidju ta’ eluf ta’ ewro.  Bħal qabel, dawn ħadd ħlief il-konsumaturi bit-taxxi tagħhom hu li qed iħallashom!  

    Il-mistoqsija tiġi waħedha, rajtu xi differenza fis-servizz? Rajtu xi tibdil f’dawn l-affarijiet? Suppost kellu jkun hemm:

    1. Tabelli bil-prezz;

    2. Tingħata irċevuta kull meta tixri ċilindru tal-gass;

    3. Informazzjoni dwar kif u kull meta jsir it-tqassim;

    4. Li min iqassam il-gass jgħinek kif tuża u twaħħal iċ-ċilindru tal-gass;

    5. Li min iqassam għandu jkun liebes sura ta’ nies u jkun edukat;

    6. Li jkun hemm call centre fejn iċċempel biex iġibulek il-gass;

    Dawn mhux affarijiet li vvintajt jien, iżda huma affarijiet li ssemmew fid-deċiżjoni li kienet ħarġet mill-Ministeru li għandu responsabbiltà mill-konsumaturi. Il-call centre kellu jsir fi żmien sitt xhur. Hawn jidħol ir-Regulatur il-ġdid li twaqqaf riċentament għall-enerġija li ma tantx jidher li hemm enerġija biex jattwa dawn l-obbligi għax s’issa għadu ma sar xejn.  

    Ngħidha ċara li ma għandi impressjoni xejn tajba tar-Regolaturi.  Nemmen li dawn naqsu lill-konsumaturi bil-kbir.  Hu għalhekk li kien ta’ sodisfazzjon li nisma’ li l-MEPA kienet ser tieħu passi biex sew il-Jerma u sew Popeye’s Village jitwaqqgħu.  Jekk jitwaqqgħux jew le, il-futur biss jista’ jgħid. Biss jekk din l-azzjoni tittieħed, ikun pass importanti speċjalment għall-MEPA għaliex tkun tat messaġġ ‘that it means business’.  Forsi regolaturi oħra jieħdu d-dmir li għandhom biex iħarsu l-interessi tal-konsumaturi bis-serjetàu jibdew jaġixxu biex jassiguraw dan.  

     

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook