Ideat ġodda

  • Set 19, 2016 09:45
  • Miktub minn Alfred Sant

    Xi ħadd qalli: Messna nibdew inżommu kont tal-ideat ġodda li jitqajmu fostna – dwar kif naħsbu, dwar kif inġibu ruħna u dwar x’għandna nwettqu.

    Semmejtlu kif il-Gvern u oħrajn ikkummissjonaw kemm-il darba studji dwar fejn, kif u xiex nistgħu noħolqu ħwejjeġ ġodda – ninnovaw, dik hi l-kelma ftit imħarbta għal dan it-tip ta’ inizjattiva.

    Iva, wieġeb, imma ħafna drabi r-riżultat tar-rapporti li faqqsu kienu donnhom ħobż mimgħud, b’repetizzjonijiet ta’ ideat li taħt sura jew oħra ilhom jissemmew.

    U meta saqsejtu x’se jissuġġerixxi hu allura, wieġeb: Hemm bżonn li jkollna min jisma’ x’inhuma jħasslu l-ġenerazzjonijiet il-ġodda fl-oqsma li jinteressawhom; mhux bilfors kollox tagħhom se jkun ġenjali, anzi ħafna mill-inizjattivi tagħhom se jkunu redikoli. Imma mbagħad se ssib oħrajn li jiftħu orizzonti ġodda. Bl-istess mod jeħtiġilna nsegwu mill-qrib xinhuma jivvintaw il-ġenerazzjonijiet il-ġodda fil-bqija tal-Ewropa. Bil-midja soċjali din il-ħaġa saret possibbli.

    Irrapportajt bla kumment, id-diskors ta’ bejnietna.

    ****

    SIGURTÀ NAZZJONALI

    Minn dejjem kont xettiku dwar it-twaqqif ta’ korp ta’ servizz sigriet. F’pajjiż ċkejken bħal tagħna, iż-żieda fil-korpi inkarigati minn din jew dik fis-sorvelja tas-sigurtà nazzjonali, rajtha bħala komplikazzjoni li tkompli tħawwad il-bigħa. Kien ikun biżżejjed ir-rinforzar ta’ fergħa speċjali tas-sigurtà fi ħdan il-korp tal-pulizija.

    Illum jgħidulek li wara l-aħħar 15-il sena li matulhom il-korp tal-Pulizija baqa’ jiddgħajjef, soluzzjoni bħal dik kienet tkun żball. M’inix konvint. 

    Il-polarizzazzjoni politika li baqgħet issaltan u tirranka fostna qed tispiċċa waħda mill-akbar theddid għall-integrità tas-sigurtà nazzjonali. Qed tbandal dan il-qasam delikat u importanti fl-irwiefen partiġġjani li fihom korp żgħir separat isir anqas u anqas vijabbli.

     

    ****

    REFERENDUM

    Ta min wieħed jaqra r-rapport maħruġ dan ix-xahar mill-Electoral Reform Society tar-Renju Unit dwar ir-referendum tal-Brexit. Imsejjaħ “It’s Good to Talk – Doing Referendums differently after the EU vote” , ir-rapport janalizza x’mar tajjeb u ħażin waqt ir-referendum, mil-lat ta’ kemm u kif iċ-ċittadini setgħu jaslu għal deċiżjoni informata dwar il-Brexit.

    Jirriżulta minnu li ftit li xejn kien hemm informazzjoni ċara u korretta minn naħa u oħra dwar il-konsegwenzi ta’ deċiżjoni banda jew oħra. Terġa’, ftit wisq nies kienu jafu dwar xiex qed jintalbu jiddeċiedu – bħal fiex tikkonsisti eżattament l-UE – u b’liema mod kienet qed timmina l-libertà ta’ azzjoni tal-Gvern Ingliż.

    Ir-rapport jagħmel numru ta’ rakkomandazzjonijiet ammirevoli dwar titjib fl-organizzazzjoni ta’ referendum. Tajbin kemm huma tajbin, jikkonfermawli r-riżervi li ilni nsostni dwar iż-żamma ta’ referenda. F’demokrazija parlamentari, dawn iwasslu għal deċiżjonijiet li jew jiġu ssettjati minn qabel b’riga awtoritarja, jew jagħtu lok għal inkoerenza kbira. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook