Ġustizzja

  • Set 21, 2016 18:15
  • Miktub minn Charles Miceli

    Nagħmilha ċara mill-ewwel li b’ġustizzja hawnhekk qed nifhem ġustizzja soċjali. U kif qal sew il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, waqt konsultazzjoni ta’ qabel il-Baġit, il-ġustizzja soċjali hija fundamentali.

    Inutli niftaħru bir-ratings ta’ Standard and Poor’s, jew ma nafx ta’ liema aġenzija ta’ kreditu, jekk il-ħidma tagħna ma tkunx spirata mill-ġustizzja soċjali. 

    Għalhekk wieħed ma jistax ma jinnotax b’sodisfazzjoni l-enfażi tal-Gvern fuq il-ġustizzja soċjali għall-baġit tas-sena d-dieħla.

    Imma xi tkun din il-ġustizzja soċjali? Sempliċiment assikurazzjoni soċjali? Li kulħadd iħossu assigurat f’każ ta’ sfortuna, bħal ngħidu aħna mard jew telf ta’ impjieg?

    Għalhekk tajjeb qabel inkompli nipprova nagħti definizzjoni ta’ xi tkun din l-imbierka ġustizzja soċjali. Definizzjoni li nittama li l-maġġoranza jaqblu magħha.

     

    Aktar minn assigurazzjoni

    Għalija l-ġustizzja soċjali tmur ħafna aktar lil hemm minn assigurazzjoni. U ngħid għaliex. Għax wieħed jista’ jkollu Lamborgini Veneno u l-oħra jkollha skateboard. U minkejja li l-assigurazzjoni tiggarantixxi li kulħadd se jiekol bukkun u jkollu saqaf fuq rasu, min qed jimpalahom għal assigurazzjoni waħda jista’ jieħu mija.

    Nittama li qed niftiehem.

    Imma x’inhi din il-ġustizzja soċjali? F’sistema fejn il-ġustizzja soċjali tkun garantita, kulħadd ikollu dritt għal sehem ġust mill-ġid li qed jinħoloq fis-soċjetà. Ma jistax ikollok soċjetà fejn min għandu villa daqs Kemmuna u min lanqas għandu saqaf fuq rasu.

    Din mhix għira għal min għandu villa li minn tarf għall-ieħor irid imur bil-karozza. Lanqas xejn. Jekk ngħir għal kulħadd għall-miljunarji ma ngħirx. 

    Imma, anke jekk ma naqbilx għal kollox ma’  Pierre-Joseph Proudhon li qal “all property is theft”, xorta nweġġa’ meta nara distakk daqshekk kbir bejn dawk li għandhom u dawk li m’għandhomx. Distakk li jidher li dejjem qed jikber.

     

    Ma nidħkux bina nfusna

    Il-ġustizzja socjali trid tiggarnatixxi li kulħadd ikollu l-istess drittijiet u opportunitajiet. 

    U qabel nibdew nitkellmu dwar il-qasba u l-edukazzjoni, irridu nifhmu li hawn min qatt mhu se jaqbad qasba b’idejh jew qatt mhu se jitgħallem jistad.

    Mhux għax għażżien. Mhux għax irid jgħix bl-akkarija. Mhux għax jippreferi jabbuża s-sistema. Imma għax Alla, jew il-providenza, ma taħx id-doni li ta lilek u lili.

    Għalhekk filwaqt li hu tajjeb li lil dawk li qegħdin fl-aħħar skaluni tas-soċjetà nagħtuhom benefiċċju li jkun daqs paga minima, jekk din mhix biżżejjed biex tgħix ħajja diċenti, inkunu qed nidħku bina nfusna.

    Mill-banda l-oħra, jekk mhux se jkun hemm xi tip ta’ regolarizzazzjoni tal-kera, nistgħu nirduppjaw il-paga minima għax din xorta tispiċċa fil-but tas-sidien.

    Is-soluzzjonijiet mhux faċli. U milli stajt nara, m’inix wahdi li nemmen li filwaqt li tajjeb li nkomplu noħolqu l-ġid, importanti li nibqgħu nfittxu modi kif dan jasal għand kulħadd. 

    Għalhekk inħoss li din hija diskussjoni li trid tkompli. Anke wara l-Baġit. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0