Il-Ġustizzja

  • Nov 01, 2016 14:12
  • Miktub minn

    Din id-darba ser nikteb mhux fuq il-ġustizzja mal-konsumaturi, iżda in ġenerali.  

    Nieħu gost meta nara l-aħbarijiet u nara l-isforzi tal-gvern biex itejjeb l-affarijiet ħalli l-Qrati tagħna jkunu jistgħu jaħdmu aktar b’effiċjenza u għall-ġid taċ-ċittadini.  Naf li sar titjib kbir fis-sistema tal-IT, il-kommunikazzjoni u issa anki tibdil ieħor biex jiżdiedu l-awli tal-Qorti.

    Biss jiddispjaċini ngħid li dan it-titjib min-naħa tal-Gvern ma ġiex akkumpanjat minn xi titjib enormi minn ġewwa l-Qrati tagħna.  Tajjeb li ngħidu li dawn ħadd ma jista’ jindaħallhom għaliex jaħsbu li huma allat – la ħadd jifhem daqshom u wisq anqas għandu jindaħallhom kif imexxu l-affarijiet.  Jekk xi ħadd mill-Gvern iħares biss lejhom, jgħidu li qed jindaħallhom u jnaqqas l-imparzjalita’ tagħhom.  Fil-fatt din hi waħda mill-ftit professjonijiet li tiġi regolata mill-professjoni stess.  Din għalija hi xi ħaġa li turi li ma hemmx akkontabilita’ li hi fuq kollox l-bażi tal-ġustizzja.  

    Issa li semmejt ġustizzja ma nistax ma ngħaddix kumment.  Kull meta ngħaddi quddiem il-Qorti nħossni insultat bit-tabella li hemm inwaħħla – Qrati tal-Ġustizzja (Courts of Justice).  Dawn huma Qorti tal-Liġi (Courts of Law).  Min qed jistenna li minn hemm ser toħroġ ġustizzja, hu mqarraq.  Minn hemm toħroġ interpretazzjoni tal-liġi preżenti biss.

    Tant hu hekk, li minħabba l-proċeduri burokratiċi li jintuzaw, it-tul tal-kawżi għadu twil wisq.  Insemmi żewg każi fejn id-dewmien imur kontra l-gustizzja.  Każ minnhom kont semmejtu xi żmien ilu meta ħaddiem jiġi akkużat b’xi reat.  Id-dewmien f’dan il-każ hu inġustizzja kbira meta l-kawza titwal.  Inġustizzja, għaliex barra aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar il-ħmieġ li jkun intefagħlu jeħel miegħu, meta l-ħaddiem ikun innoċenti ħafna drabi dan id-dewmin ifarrku personalment.  

    Dan l-aħħar kelllna każ tipiku, meta ħaddiem li ma nstabx ħati, wara snin sħaħ jistenna, issa ser ikollu jistenna madwar 4 xhur oħra biex jinqata’ l-appell.  Jekk dan mhux martirju u inġustizzja, ma nafx x’inhu!  Dan barra l-ħsara u t-tbatija li jkollhom jgħaddu l-familjari tal-ħaddiem speċjalment it-tfal.

    Każ ieħor hu meta jkollok libell.  Illum, jekk int trid tfarrak il-karattru ta’ xi ħadd hu ħafna faċli peress li wieħed jista’ juża l-mezzi elettroniċi moderni.  B’dan il-mod, il-messaġġ tiegħu jista’ jilħaq ħafna aktar nies mingħajr spejjeż u taħbit.  Mela jekk irrid infarrak lil xi ħadd, kull ma għandi nagħmel hu li nivvinta xi ħlieqa fuqu, jew ninterpreta ħazin u b’mod malizzjuż xi ċirkostanzi u noħloq storja.  Jekk il-vittma jtellagħni l-qorti, xorta tajjeb ser immur.  Dan minħabba d-dewmien li jista’ jlaħħaq snin sħaħ biex tibda u tinqata’ l-kawża.  Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar aħjar għalija għax il-ħsara fuq din il-persuna li ħammigt ser tkun ħafna akbar.  Barra minhekk, l-ammont ta’ multa li jekk niġi misjub ħati jkolli nħallas hi waħda redikola.

    Biss il-libell jista’ jintuża wkoll jekk dak li jkun qed jintqal fuq il-persuna hu vera.  F’dan il-każ il-libell tagħmlu l-persuna ‘vittma’.  Bl-azzjoni tagħha din il-persuna tkun qed titfa’ dubju serju fuq min qed jikxef il-verita’.  Anki f’dan il-każ id-dewmien jaqbel lil min hu ħati.  L-ewwel raġuni hi li l-verita’ ddum ma toħrog.  Raguni oħra hi li l-aktar li jiġi mġiegħel li jħalllas hu l-ispejjeż tal-qorti.  

    Dawn l-affarijiet jgħoddu għal kulħadd.  Persuna li tkun meqjusa pubblika xorta, jekk mhux aktar, għandha bżonn din il-protezzjoni.  Kulħadd jiftakar meta lejlet elezzjoni ġenerali xi ħadd qala’ ħlieqa kontra ieħor preċiżament lejlet elezzjoni biex żgur la jkun hemm ċans li jwieġeb u wisq anqas l-innoċenza toħroġ mill-qorti.  

    Personalment nemmen li l-liġijiet għandhom bżonn jinbidlu serjament u nibdew nagħtu kas l-interessi tal-vittma.  Is-sistema tal-lum hi ffukata li tara li min jiġi akkużat ikollu d-drittijiet tiegħu protetti.  Dan tajjeb.  Biss il-vittma hi minsija għal kollox.  Meta persuna tkun ħaddiem,  u dan ikun  innoċenti iżda akkużat, hu l-akkużat li hu l-vittma u għalhekk għandu jingħata ġustizzja billi ismu joħroġ malajr mingħajr ħtija.  Fuq kollox għandu jingħata kumpens minn min għamel l-akkuża falza.

    L-istess fil-każ tal-libell.  Il-piena m’għandhiex tkun waħda li tkun iffissata fil-liġi iżda skont il-ħsara li tkun saret lill-vittma.  S’intendi jekk il-persuna tkun pubblika, il-ħsara tkun ħafna akbar u għalhekk il-piena għandha tkun adattata għal ħsara li tkun saret lill-vitma. Nemmen li min hu ħati jitgħallem li ma jaqbillux li jerġa’ jikser il-liġi mhux billi nħalluh ġo ċella l-ħabs.  Dan jitgħallem biss meta b’xogħlu jkun ħallas għall-ħsara li jkun għamel.  Hu sakemm iħallas għal dan li kull fil-għaxija għandu jirrapporta l-ħabs.  Il-bqijja tal-ħin għandu jaħdem sakemm iħallas kollox.

    Hu biss meta l-qrati tagħna u l-professjoni legali tibda tagħti importanza lill-vittma li tikseb rispett għaliex filwaqt li tinterpreta l-liġi, tkun ukoll twettaq ġustizzja mal-innoċenti jew il-vittmi.  



  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook