Ħajja diċenti

  • Nov 09, 2016 08:53
  • Miktub minn
    Talanqas b’xi mod il-faqar u l-ħtieġa ta’ ħajja diċenti għal kulħadd reġgħu qegħdin fuq l-aġenda politika.

    Wara snin nisimgħu kemm l-ekonomija qiegħda f’idejn sodi u kemm l-aġenzija tal-kreditu huma mbellħin bis-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna, bdejna naċċettaw li l-ġid mhux qed jasal għand kulħadd. Allelujah.

    Imma issa qed jerġgħu jinstemgħu l-vuċijiet ta’ dawk, aktarx hobżhom maħbuż u żejthom fil-kus, li jgħidulna li rridu nimxu bil-għaqal. Li ż-żieda fil-paga minima mhux se ssolvi l-problemi kollha tad-dinja. Li n-negozjanti ż-żgħar ma jifilħux jagħtu żieda kif qed titlob il-Kampanja Paga Minima Diċenti.

    Tiskanta kif meta xi ħadd jissuġġerixxi biex iż-żgħar jiċċaqlqu ftit iqumu argumenti kollha tad-dinja. Ara meta xi kumpanija tiddikjara li għamel miljuni fi qligħ, kulħadd iċapcap u ħadd ma jistaqsi xejn.

    SOLUZZJONIJIET

    Nagħmilha ċara. J’Alla l-kumpaniji jagħmlu l-qligħ. J’Alla jkun hawn il-kompetittività. Anke jekk din il-kompettittività rari tirrifletti ruħha f’roħs tal-prezzijiet fis-suq.

    Imma aktar milli nivvintaw l-ostakli, irridu noħorġu b’soluzzjonijiet. Għax ma jistax ikun li l-kompetittività tibqa’ bbażata fuq il-pagi baxxi. Ma jistax ikun li l-gvern joħroġ ukoll benefiċċji għal min jaħdem ġimgħa ta’ 40 siegħa.

    Ironika li fl-istess waqt li qed inħeġġu n-nies joħorġu jaħdmu u niftaħru kemm naqsu dawk fuq il-benefiċċji soċjali, nissussiddjaw lill-ħaddiema li qed jagħtu l-ġimgha tax-xogħol.

    Lanqas jista’ jkun li min jaħdem erbgħin siegħa u jkollu jagħmel partajm biex jgħix, ngħidulu eduka ruħek ħalli ma tibqax b’paga minima. Ara wara li tispiċċa minn tmien sigħat xoghol u tmur taħsel il-platti sal-10 ta’ bil-lejl fi xħin ħa tistudja.

    X’QED NGĦIDU

    Mhux faċli naħsbu barra l-kaxxa. Imma rridu nippruvaw. Is-soluzzjonijiet li ħriġna bihom s’issa jmorru kontra l-ispirtu tal-ġustizzja soċjali. Ġustizzja li titlob ħlas ġust għall-ġurnata tax-xogħol.

    Jekk ha nimxu fuq it-teoriji fis-suq isuq, kif jemmnu ħafna negozjanti, allura dawk il-kumpaniji li ma jaffordjawx jagħtu paga ġusta suppost jagħlqu u x-xogħol tagħhom jeħduh kumpaniji aktar b’saħħithom. Ehe. Dog eats dog.

    U la n-negozji l-oħrajn aktar b’saħħithom jieħdu x-xogħol ta’ dawk aktar dgħajfa, suppost li jkollhom aktar xogħol u jħaddmu aktar nies.

    Imma l-għaqdiet li qed imexxu l-kampanja għall-paga minima diċenti ma tantx jemmnu li s-suq isuq. Għalhekk qed jgħidu li flok il-gvern jagħti għajnuna lill-ħaddiema kollha b’pagi baxxi, għandu jsib mezz kif jgħin lil dawk in-negozji li vera ma jifilħux jagħtu ż-żieda.

    MUDELLI

    Fuq il-punt li jekk tiżdied il-paga minima jkollu jiżdied kulħadd, nafu li diga’ jeżistu kumpaniji – l-aktar dawk fejn il-ħaddiema huma fl-union – li jħallsu aktar minn paga minima. Allura xi jżommna milli ndaħħlu dawn il-mudelli kullimkien?

    Ma naħsibx li għandna bżonn nivvintaw ir-rota.

    Mhux se nfaqqgħu subgħajna u nilħqu ftehim li jikkuntenta lil kulħadd. Għalhekk sewwa jagħmel il-gvern li jisma’ lil partijiet kollha mbagħad jiddeċiedi.

    Imma l-għażla preferenzjali dejjem għandha tkun favur il-fqar. Għax is-sinjuri  diġa’ qegħdin f’vantaġġ.

     
     
     
     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook