Telliefa rebbieħa

  • Nov 14, 2016 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Ir-rebħa ta’ Donald Trump fl-elezzjoni presidenzjali Amerikana seħħet għax warajh irnexxielu jgħaqqad dawk li kienu mitqiesa bħala t-telliefa fil-globalizzazzjoni u fil-bidliet strutturali kbar li għadha għaddejja minnhom l-ekonomija tal-Istati Uniti. Dawk jiġifieri, li spiċċaw jew bla impjieg, jew b’impjieg li joffrilhom opportunitajiet ta’ ħajja tajba ħafna anqas milli kienu mdorrijin jistennew.

    L-isfida għal Trump issa se tkun kif jista’ jissodisfa l-aspirazzjonijiet tal-miljuni li raw fih is-salvatur. Ma tantx għamel wegħdi preċiżi matul il-kampanja, imma żgur ta lok għal stennija kbira li se jaqleb ħafna affarijiet ta’ taħt fuq.

    Jista’ jiddeċiedi li jagħmel dan imma bħala President, se jkollu wkoll jistħarreġ il-konsegwenzi ta’ li se jwettaq. Mhux kollha se jkunu sbieħ. U se jsib ħafna nies li se jgħidulu kemm se jkunu koroh.

    Il-“kurżità” fix-xhur li ġejjin se tkun kif Trump se jsolvi d-dilemmi li resqin lejh.

    ****

    Bard Ewropew

    Ir-riżultat tal-elezzjoni Amerikana qajjem bard politiku kbir fl-Ewropa. Mhux biss għax ma kienx mistenni, jew għax maġġoranza ta’ mexxejja Ewropej kienu favur Clinton, jew għax il-politika tal-President il-ġdid se tqajjem kontroversji kbar f’diversi oqsma ewlenin.

    Aktar minn hekk, bir-rebħa tiegħu, Trump qed jagħti kuraġġ ġdid u kbir lil “movimenti” politiċi tal-lemin u tax-xellug li jitqiesu bħala “estremisti” jew “populisti” waqt li jmexxu kampanji kontra l-partiti tradizzjonali “stabbiliti”. Diġà fl-aħħar snin dawn laħqu ħadu rankatura qawwija.

    Fost il-pajjiżi konċernati insibu l-Olanda, Franza, l-Awstrija, id-Danimarka, l-Italja, il-Ġermanja ... Fi stqarrija għall-istampa, Gianni Pittella, il-mexxej tal-grupp tas-soċjalisti u d-demokratiċi fil-Parlament Ewropew, tkellem dwar virus li qed jinxtered.

    Mhux kulħadd jaqbel mal-kelma li uża biex jiddeskrivi x'inhu għaddej. Imma kulħadd ikollu jaqbel li hu x'inhu dak li qed iseħħ, bħala fenomenu qed jinfirex.

    ****

    Prezz tal-petrol

    Dan il-punt mhux se jkun popolari imma ta’ min jagħmlu.

    L-Oppożizzjoni Nazzjonalista u oħrajn jikkritikaw lill-Gvern għax skont huma, żamm il-prezz tal-enerġija għoli wisq, waqt li l-prezz internazzjonali taż-żejt hu baxx tal-għaġeb. L-aktar li jissemma hu l-prezz tal-petrol.

    Fl-istess ħin, għaddejjin bil-kontroversji dwar it-trasport u kif qed nispiċċaw b’toroq li m'humiex ilaħħqu mat-traffiku – l-aktar ta’ vetturi privati.

    F’qafas hekk, fost il-miżuri li jittieħdu ġeneralment biex isolvu l-biċċa nsibu proposti maħsuba biex irażżnu t-traffiku privat. Xi ħaġa li tikkontribwixxi għal hekk żgur hu l-prezz tal-petrol. Aktar ma jibqa’ għoli, inqas l-inċentiv biex wieħed jipparteċipa fit-traffiku għaddej.

    Issib li l-istess nies li jikkritikaw lill-Gvern għax mhux irażżan it-traffiku, jikkritikawh ukoll għax ma jraħħasx il-prezz tal-petrol.

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0