Deċiżjonijiet li jolqtu fil-laħam il-ħaj

  • Nov 16, 2016 08:00
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Fantasy Tours

    Dan l-aħħar kien hemm numru ta’ deċiżjonijiet li laqtu l-konsumaturi. Nibdew mill-aħħar waħda, dik tal-Fantasy Tours. Din kienet aħbar pożittiva. Kulħadd jiftakar li l-istorja bdiet meta l-uffiċċji tal-Fantasy Tours għalqu u numru mdaqqas ta’ konsumaturi sabu li mhux biss tilfu l-vaganza li kellhom ibbukkjata, iżda wkoll il-flus li ħallsu għal din iż-żjara. Dawn il-konsumaturi li kienu jlaħħqu  aktar minn mija ġew lampa stampa u abbandunati minn kulħadd.  

    Kienu qalulhom biex jirreġistraw mal-MCCAA u anki jagħmlu rapport għand il-Pulizija. Il-maġġoranza hekk għamlu għax ingħataw l-impressjoni li se jieħdu l-flus lura. Wara xi sena li ma ġara xejn, ġew infurmati li l-MCCAA ma tista’ tagħmel xejn u għandhom jieħdu  passi legali kontra d-Diretturi. Xi wħud minnhom hekk għamlu, iżda anki hawn l-affarijiet ma żviluppawx. Ma konniex sorprizi ghaliex kulhadd jaf x’jistenna f’cirkostanzi bhal dawn.

    Kien f’dak iż-żmien li daħlet l-Għaqda tal-Konsumaturi għal dawn in-nies fejn offrietilhom għajnuna billi organizzathom u tathom direzzjoni. Wara numru ta’ laqgħat ġie deċiż li nagħmlu talba lill-Gvern fuq il-bażi li dawn il-konsumaturi kienu jieħdu kumpens li kieku l-Istat Malti waqqaf Fond għal ċirkostanzi bħal dawn kif kien obbligat li jagħmel. Tajjeb li nfakkru li l-Parlament Malti kien approva t-twaqqif ta’ dan il-Fond fl-1999, 17-il sena ilu, iżda ghal ragunijiet li kulhadd jaf dawn qatt ma daħlu fis-seħħ.  

    Kien riżultat ta’ din it-talba tal-Għaqda li ftit ta’ ġimgħat ilu, ġie li l-Gvern laqgħa t-talba tagħna u dawn il-konsumaturi se jieħdu kumpens.

    Il-prezz tal-fjuwil

    Ftit ġimgħat ilu kien hemm żewg deciżjonijiet li kienu importanti. Waħda ħarġet mill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-MCCAA u l-oħra mit-Tribunal tal-Appell tal-Konsumaturi. Nibdew mill-ewwel waħda.  Aktar minn sena ilu, petrol station fir-Rabat iddeċidiet li traħħas il-prezz tal-diżil b’żewġ ċenteżmi kull litru. Iżda ftit wara dan ġie sfurzat biex jerġa’ jtella’ l-prezz għax il-fornitur qallu li jekk ma jreġġax il-prezz ‘il fuq ma jibqax ifornih. Din ħarġet fuq il-gazzetti u l-Għaqda tal-Konsumaturi kienet kitbet lid-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni biex jinvestiga dan il-każ u jieħu l-opportunità biex jinvestiga is-suq tad-distribuzzjoni tal-fjuwil. Wara aktar minn sena, dan l-Uffiċċju ħareġ id-deċiżjoni tiegħu fejn qal li kien hemm ksur tal-liġi. Qal li ma setax iwaħħal multi minħabba deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali u kollox baqa’ kif inhu.  

    Niġu għad-deċiżjoni dwar id-diżil. L-ewwel ħaġa ma nistax nifhem għalfejn damet daqshekk biex ħarġet. Il-fatti kollha kienu hemm u ma jidhirx li kien hemm diffikultà biex jiġu stabiliti. Dan għaliex it-telefonati kollha setgħu kienu miġbura. Bħal ma għamlu avukati fil-Qorti, fejn ħarġu sew SMS u affarijiet oħra quddiem il-Qorti, żgur dan l-Uffiċċju seta’ jġib dawn.  

    It-tieni kumment hu li s-sitwazzjoni baqgħet kif kienet. Jgħidu x’jgħidu, il-prezzijiet baqgħu bħal ma kienu qabel ma bdiet l-investigazzjoni u wara li nstab li hemm ksur tal-liġi! 

    It-tielet, ma nistgħux nifhmu għaliex ma saritx investigazzjoni fuq is-suq kollu. F’kumment li ta kelliem għall-Uffiċċju wara l-istqarrija tal-Għaqda fuq dan il-punt indika li l-liġi ma tħallihx. Il-liġi ma tħallikx issibu ħati u mhux ma tħallikx tinvestiga. Din mhix l-ewwel darba li l-Uffiċċju fl-MCCAA ġab din l-iskuża u pprova jinħeba wara l-liġi. Niftakar meta l-Għaqda nsistiet biex l-Uffiċċju tal-Konsumaturi jinvestiga l-prattiċi mhux ġusti tal-Arriva. Dan kien ċaħad li jagħmel hekk u l-Għaqda kienet tellgħet lil dan l-Uffiċċju quddiem it-Tribunal tal-Appelli.  L-iskuża kienet l-istess – li l-liġi ma tħallikx! Biss it-Tribunal tal-Appelli ħasibha differenti u sab li dan l-Uffiċċju kellu jinvestiga.

    Il-problema ta’ din il-ġrajja hi li l-effett ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni f’dan is-settur mhux biss qed tolqot ħażin lill-konsumaturi għax qed ikollhom iħallsu aktar, iżda anki n-negozji l-oħra b’detriment għall-ekonomija kollha.

    It-tqassim taċ-ċilindri tal-gas

    Deċiżjoni oħra kienet tat-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumaturi. Dan sab li fid-distribuzzjoni tal-ċilindri tal-gass, kien hemm ksur tal-liġi sew mid-distributuri u sew lill-fornitur minħabba li l-kompetizzjoni f’dan is-suq kienet fgata minħabba li kull parti ta’ Malta u Għawdex kienet ġiet imqassma lil 31 fornitur li kull wieħed kellu dritt li jqassam ġo parti partikolari waħdu mingħajr kompetizzjoni. Sabet ukoll li dawn ma kinux qed jaġixxu waħedhom, iżda kienu organizzati minn għaqda biex isir dan. Tajjeb li nsemmgħu li din l-għaqda dejjem titkellem fuq is-suq ħieles, iżda minn dejjem ħadmet kontrih. 

    Din is-sitwazzjoni kienet inbidlet ftit għaliex xi tliet snin ilu kien hemm tliet fornituri ġodda li ma kinux ingħataw liċenzja biex joperaw u tellgħu lill-Gvern il-Qorti. Il-Gvern ħareġ liċenzja għal dawn u għalhekk is-suq infetaħ. Biss dawk li kienu qed jiksru l-liġi minflok kellhom iħallsu talli kienu kissru l-liġi, ingħataw kumpens li qed jingħata lilhom kull sena!  Ma’ din id-deċiżjoni kien hemm ukoll stipulat li jidħlu servizzi oħra. Wara sena u nofs dawn għadhom jagħmlu li jridu u għadhom ma bdew jimplimentaw xejn. Li kellhom jagħmlu ma kinux xi affarijiet kbar. Per eżempju, kellhom jibdew jagħtu rċevuta lill-konsumaturi. Minkejja li anki ktibna lill-Awtorità tal-Enerġija dwar dan, s’issa għadu ma sar xejn!

    Il-Kummissarju Jourová       

    Xi ġimgħat ilu kien hawn f’Malta il-Kummissarju Ewropew li għandha responsabbiltà dwar l-affarijiet tal-konsumaturi. Bħala parti miż-żjara tagħha ltaqgħet mal-Għaqda. Kienet laqgħa diżappuntanti ħafna. L-ewwel ħaġa kienet tidher li din il-laqgħa saret biex tkun saret u mhux għax kien hemm xi interess ġenwin biex tkun taf l-affarijiet li jolqtu lill-konsumaturi Maltin. Barra minhekk, u dan jidher min-nuqqas ta’ azzjonijiet li qed jittieħdu f’dan il-qasam fil-livell Ewropew, ma hemm l-ebda ħeġġa biex il-protezzjoni tal-konsumaturi tikber.  Anzi taħt din il-Kummissjoni ta’ Juncker l-affarijiet jidhru li sejrin lura.  

    Qajjimna tliet punti. L-ewwel kienet dwar x’se tagħmel il-Kummissjoni fuq il-kwistjoni tal-Volkswagen. Ir-risposta kienet li l-Kummissjoni ma tista’ tagħmel xejn. Huma l-awtoritajiet nazzjonali li jistgħu jieħdu passi. Min-naħa l-oħra, l-MCCAA, li hi l-awtorità responsabbli, qed tistenna direzzjoni mill-Kummissjoni!

    Qajjimna wkoll il-punt li minħabba deċiżjoni tal-MCCAA xi erba’ snin ilu, f’Malta hawn madwar 85% tal-ħwienet li mhux obbligati juru l-prezz unit u madwar 40% tal-lokalitajiet li lanqas għandhom ħanut wieħed li hu obbligat li jagħmel dan. Konna ktibna lill-Kummissjoni u l-aħħar risposta kienet li l-Kummissjoni mhux bi ħsiebha tagħmel xi ħaġa minkejja li hemm Direttiva f’dan is-sens biex l-affarijiet jirranġaw f’Malta peress li din id-Direttiva mhux qed tiġi osservata sew f’ħafna mill-Istati Membri!

    Semmejna wkoll it-tħassib tagħna dwar dak li qed jissejjaħ l-Eżerċizzju Refit fejn Direttivi li jħarsu d-drittijiet tal-Konsumaturi qed jiġu ''eżaminati'' biex jiġi assigurat li ma jinħoloqx ''piż żejjed'' fuq azjendi żgħar – xi ħaġa li mal-ewwel daqqa t’għajn u kif qed tiġi mpinġija tidher sabiħa u tajba. Jekk dan il-piż jonqos, probabbilment ser jonqsu l-obbligi tal-kumpaniji ż-żgħar lejn il-konsumaturi. F’Malta, peress li ħafna mill-azjendi huma żgħar, dan ifisser li n-nuqqas ta’ protezzjoni lejn il-konsumaturi Maltin u Għawdxin ser jonqos bil-kbir. Il-Kummissarju kienet taf b’dan għaliex konna diġa’ ressaqna dan it-tħassib lill-Kummissjoni. Biss ir-risposta kienet ċara. Il-Kummissjoni trid tara l-istampa kollha meta tkun qed tiddeċiedi – li jfisser ukoll li ma tantx se tingħata importanza lil Malta peress li aħna nagħmlu biss tikka minn dik l-istampa kollha.  

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook