Twemmin

  • Nov 17, 2016 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Kelli diskussjoni interessanti ma’ ħabib li għalkemm iżgħar sew minni, lanqas tista’ tgħidlu żagħżugħ. Skont hu, it-twemmin ideoloġiku m’għadux importanti fil-politika.

    Dawk li jimmilitaw fiha mil-lemin-ċentru u dawk mix-xellug-ċentru jagħtu importanza u prijorità lill-istess affarijiet. Jimmiraw l-aktar biex ikunu huma li jsibu l-ewwel is-soluzzjonijiet tekniċi li jgħoddu għaċ-ċirkostanzi li jkunu qamu. Biex jilħqu din il-mira, issibhom kollha lesti li jaċċettaw l-ispalla ta’ kull min jista’ jgħinhom jaslu, ġeneralment minn fost il-forzi soċjali l-aktar qawwija tal-pajjiż.

    “Allura għalhekk li daqstant nies qed jivvotaw populist?”

    Ridt nipprovokah bil-mistoqsija. Xejn ma tqanqal. Għalih il-populisti jaqaw fl-istess fasla. Waslu għall-konklużjoni “teknika” li biex jiksbu l-poter iridu jirbħu l-appoġġ ta’ min inqaras b’li jinsab għaddej. Fir-realtà għad insibu, dejjem skont hu, li meta l-populisti jirbħu l-poter, għal ftit se tinbidel il-qoxra ta’ barra, imbagħad kollox imur lura lejn kif kien qabel. Mela nsejtu lil Tsipras fil-Ġreċja? spiċċa qal.

    ****

    Dimitri

    Li l-Belt Valletta nbidlet u qed tinbidel għall-aħjar hi ħaġa evidenti. Xorta meta jsaqsuni dwarha, tiġini nostalġija għal żminijiet oħra – l-aktar dwar il-ħamba popolari li kull belt trabbi fit-toroq tagħha.

    Illum dil-ħamba hi pjuttost sinjorili, kwieta u bieżla, imrikkba fuq il-kurrenti turistiċi għaddejja.

    Mentri l-ħamba li niftakar jien kienet differenti, aktar storbjuża, anqas rikka. Biex tistrieħ ftit minnha, kont issib ħwienet ċkejkna, li m’għadhomx jeżistu, bħal ta’ Dimitri fi Triq ir-Repubblika, fejn kont tista’ tieħu kafe karg bil-ħalib u pastizzi jisomtu, huma wkoll ċkejkna u friski, kif m’għadekx issib aktar fil-ħwienet.

    Il-ħanut kien qisu kuritur dejjaq, issikkat b’nies, zgħazagħ u xjuh, mal-imwejjed tiegħu li jitrejqu imgħaġġla u lura ġol-folla ssikkata ta’ Triq Irjali. 

    ****

    Ittra lil Trump

    Kemm ilu li Donald Trump rebaħ l-elezzjoni Amerikana, laqatni l-aktar artiklu  fil-“Los Angeles Times”. Ikkonsista f’ittra miftuħa li żagħżugħa ta’ oriġini Messikana, bint immigranti rregolari, bagħtet lill-President-elett.

    Fissritlu kif iggradwat fl-istess zmien mill-istess skola sekondarja bħal bintu, fuq “scholarship” li kienet rebħet. Wara, kompliet l-Università, dejjem b’borża ta’ studju, għax għalkemm il-ġenituri tagħha baqgħu jistinkaw biex jagħtuha l-aħjar ħajja u opportunitajiet, kienu ta’ baxxa fortuna. Biss, dejjem għamlu minn kollox biex jgħinuha fl-istudji tagħha.

    Issa li waslet qrib fejn il-ġenituri tagħha u hi xtaqu li tasal, qed issib lil Trump li bħala President se jimxi skont programm li jizvaluta kull ħaġa li stinkaw għaliha. U allura b’wiċċha minn quddiem, wegħditu li se tkun qed tuza l-edukazzjoni li trawmet fiha biex tikkombatti l-miri tiegħu. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0