Komunikazzjoni

  • Nov 21, 2016 12:10
  • Miktub minn Alfred Sant

    Għadna m’aħniex qed nifhmu sew sakemm u safejn bl-iżviluppi teknoloġiċi fil-komunikazzjoni, inbidel il-mudell ta’ kif inwasslu l-messaġġi tagħna lil xulxin, personalment u fi grupp jew folla. Din il-bidla teknoloġika mhix taffettwa biss bil-kbir id-diskors ta’ bejnietna. L-użu tat-teknoloġiji l-ġodda x’aktarx li qed jaffettwawna wkoll minn ġewwa – billi jagħmluna bnedmin differenti.

    L-użu u l-manipulazzjoni tal-midja soċjali rromblaw ’l quddiem b’ħeffa liema bħalha. Għadna bla kejl tajjeb dwar sa fejn qed iwasslu. Waqt li jilħqu miljuni, biljuni, iwasslu l-messaġġi tagħhom b’mod kapillari, b’diskors immirat mingħandi għal għandek, anki meta miktub minn skrivani mħallsa.

    Qatt qabel fl-istorja tal-umanità ma kellna l-prospett li tista’ titkellem – u mhux biss tisma’ – b’mod intimu “wieħed fuq wieħed” fil-kumpanija ta’ miljun ruħ u aktar.  Dit-teknoloġija ġdida tal-komunikazzjoni taf tkun effettiva ħafna meta min jużaha jirkeb fuq id-dwejjaq tan-nies, ir-rabja tagħhom u s-sens ta’ biża’.

    ****

    Il-Ġudizzju tal-Kummissjoni

    Ħareġ il-verdett tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-andament tal-ekonomiji tal-pajjiżi membri tal-Unjoni u dwar kif qed imexxu l-finanzi publiċi tagħhom.

    Frankament, m’inix impressjonat. Kemm fejn qalu dwar it-tajjeb, kemm dwar il-ħażin.

    L-idea li burokratiċi fil-Kummissjoni ta’ Brussell għandhom ikunu mħallfin fuq deċiżjonijiet nazzjonali tidhirli fażulla. Sa issa baqgħet titħaddem għax ħafna mexxejja għadhom iħossuhom fid-dell tal-kriżi tas-sena 2008. Għadhom jibżgħu mill-għafsa fuq iċ-ċinturin li tista’ tagħmilihom il-Ġermanja, l-akbar sostenitura ta’ din is-sistema ta’ kontroll fiż-żona ewro li tagħti kull nifs lill-“esperti”.

    Jekk jikbru r-rebħiet “populisti” fl-elezzjonijiet, jekk tiżloq xi ftit l-ekonomija Ġermaniża, kollox jitlaq lura għal konfront politiku fuq skala Ewropea, li allura jkun kbir sew.

    ****

    Bankini u toroq

    Kemm ingergru fuq l-istat ħażin tat-toroq sekondarji f’pajjiżna, u għandna raġun.

    Niżbaljaw naħsbu li ninsabu waħidna fil-faqar tal-infrastruttura tat-trasport. Mhux imqabbla ma’ xi pajjiż li “qed jiżviluppa”, imma ma’ pajjiżi fil-qalba tal-Ewropa. Pereżempju l-Belġju, Brussell.

    Kmieni filgħodu nhar l-Erbgħa kont tiela’ minn Rue de la Loi fiċ-ċentru tal-kwartier “Ewropew” ta’ Brussel. Ix-xita ma riditx taqta’.

    Il-bankina wiesgħa kienet saret għadira ta’ ilma. Jien u oħrajn kellna nimxu man-naħa ta’ barra tal-bankina biex ma ngħoddsux fl-ilma. Ma ndunajniex li taħt il-bankina, min-naħa ta’ barra, it-triq kienet saret għadira oħra.

    Ma ndunax ukoll sewwieq imgħaġġel li ra kif seta’ jasal malajr fejn ried jasal billi aċċellera ’l quddiem. Tella’ tsunami ta’ ilma minn taħt il-bankina. “Ħasel” għasra lilna li konna għaddejja minn ma’ tarfha.

    Din id-darba kelli ngħid (fost kliem oħra li ma nirrepetix hawn): Mhux f’Malta biss.

    Ma tantx sibt konfort f’hekk.

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook