Antiklerikaliżmu

  • Nov 24, 2016 09:00
  • Miktub minn Charles Miceli

    Ħadt gost nisma’ lill-Prim Ministru jgħid li min iħaddem u t-trejdunjins mhux daqshekk ‘il boghod biex jaslu dwar xi forma ta’ ftehim. 

    Jalla jaslu u jalla dawk li qegħdin fl-aħħar skaluni tas-soċjetà jibdew jieħdu r-ruh. 

    Ma jagħmilx sens li nitkellmu dwar kif ix-xogħol joħroġna mill-faqar, fl-istess nifs ikollok ħaddiema li jagħtu 40 siegħa xogħol fil-ġimgħa iżda xorta jkollhom jissikkaw iċ-ċintorin.

    Għalija lanqas jagħmel sens li l-Gvern jispiċċa jagħti benefiċċji lill-ħaddiema fultajm mhux biex jagħmlu kapriċċ imma biex iżommu ruħhom ma’ ġisimhom. 

    U dan meta l-ekonomija qed tikber b’rata dejjem aktar mgħaġġla.

    Knisja bil-''K'' kapitali

    Min jafni jgħidlek li jien antiklerikali. Li l-ġerarkija ddarrasni. Li ma nemminx li wieħed minn ħutna huwa r-ragħaj u aħna n-nagħaġ. Tajbin biss biex ngħidu beqq ... beqq...

    Naħseb twelidt antiklerikali. Il-ġrajjiet tas-snin sittin li xrobthom meta kont bdejt nitfarfar komplew għaġnu fija l-antiklerikaliżmu.

    Imbagħad ġew it-tmeninijiet u erġajna bi ġlieda politico-reliġjuża oħra. Għalkemm mhux qalila daqs ta’ 20 sena qabel, xorta kompliet tħarraxni kontra l-Knisja. 

    Ovvjament kontra l-Knisja bil-“K” kapitali. Mhux il-knisja fqira għall-fqar li jitkellem dwarha l-Papa Franġisku.

    Biex jagħmel sens

    Għalija, l-antiklerikaliżmu, jagħmel sens biss meta jkun kontra t-tlellix u l-materjaliżmu ta’ ċerti prelati. Kontra l-enfażi żejda fuq l-istatwi u d-damask, il-murtali u l-antifoni.

    Imma hemm antiklerikaliżmu u hemm antiklerikaliżmu.

    Meta Dun Victor fetaħ id-djar biex jgħin lin-nies bil-problema tad-droga, kont fost dawk li għażlu li jmorru jaħdmu man-nies bil-problema tal-użu tas-sustanzi u l-priġunieri.

    Mhux qed ngħid dan b’xi ftaħir. Anzi. 

    U biex ħadd ma jgħid li qed niftaħar b’rixi nagħti l-eżempju ta’ Dun Ang Seychell. Li fetaħ daru għan-nies b’diżabbilità.

    Jew Fr Hilary Tagliaferro li ta’ kuljum jilqa’ kull tip ta’ nies fil-Millennium Chapel, ħafna minnhom nies vulnerabbli.

    Qassis ieħor li nammira huwa Mons. Charles Cordina. Inċempillu u ma jweġibnix għax ikun qed iżur in-nies il-ħabs. 

    Jew Fr Joe Mifsud li l-Ħadd filgħaxija niltaqa’ miegħu jżur il-pazjenti l-isptar.

    Nista’ nibqa’ nsemmi. Patrijiet li jaqsmu l-ikel tagħhom mar-refuġjati. Kappillani li fil-Milied jilqgħu f'darhom nies foqra biex jieklu magħhom.

    L-Arċisqof

    Ma rridx intawwal. Daqs kemm ħadt gost bid-diskors tal-Prim Ministru daqshekk iddispjaċini bl-attakki fuq l-Arċisqof għax qal li l-paga minima għandha togħla.

    Għalija l-Arċisqof ħaqqu prosit għal mod kif tkellem. Naqbel mija fil-mija miegħu li l-paga minima għandha tassigura ħajja diċenti għall-ħaddiem u wliedu.

    Imma minkejja li donnu kulħadd jemmen li l-paga minima għandha tiżdied, xorta kien hemm min ħareġ jispara fuq l-Arċisqof. 

    Mingħajru ipokrita u min qal li l-knisja dejjem iżżomm mas-sinjur.

    Illum veru kulħadd sar kummentatur politiku. Kulħadd sar espert f’kollox. Imma jekk se naqblu li l-paga minima għandha tkun waħda diċenti, kull min hu tal-istess fehma għandu jiġi rrispettat.

    Nagħlaq billi nirringrazzja lill-Arċisqof tal-appoġġ tiegħu. 

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0