B'aktar deputati

  • Nov 28, 2016 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Bilfors qed nifhem ħażin. Kien mingħalija li konna rriformajna s-sistema elettorali b’mod li n-numru ta’ deputati ta’ partit fil-Parlament jirrifletti proporzjonalment il-persentaġġ ta’ voti li l-partit ikun iddobba nazzjonalment. Dan sakemm fil-Parlament ikun hemm żewġ partiti rappreżentati.

    Jekk partit minħabba xi żigużajk fil-konfini tal-kostitwenzi jew għal raġuni oħra jispiċċa b’anqas deputati milli proporzjonalment għandu dritt għalihom, “jingħata” aktar deputati sakemm tintlaħaq il-proporzjonalità. Ma jiġrix bħal ma ġara fl-1996, skont il-kostituzzjoni ta’ dak iż-żmien, niftehmu, meta l-Labour ingħata biss aktar deputati biex jaqbeż lil PN b’siġġu wieħed, meta proporzjonalment kellu jaqbeż lill-PN bi 3.

    Bis-sistema tal-lum, wara l-elezzjoni tal-2013, kienet x’kienet ir-raġuni, il-PN ingħata s-siġġijiet żejda meħtieġa biex jilħaq il-proporzjon ta’ siġġijiet skont il-voti li verament kiseb fil-pajjiż kollu. Ma nistax nifhem kif u għaliex kien jistħoqqlu kumpens aktar minn hekk. 

    ****

    Vokazzjonali

    Aħbar tajba kienet li l-edukazzjoni vokazzjonali se terġa’ titpoġġa fuq il-quddiem tal-ħidma edukattiva f’pajjiżna. Ittraskurajniha wisq.

    Veru li fl-imgħoddi meta kienet tingħata aktar attenzjoni, dan ġara f’qafas fejn kienet tiġi preżentata bħala edukazzjoni maħsuba għal tfal li akkademikament se jibqgħu dgħajfa. Dak kien żball.

    L-edukazzjoni fi snajjiet tekniċi għandha l-importanza u s-siwi tagħha li ma nistgħux nibqgħu inwarrbuhom. Inkella, se nispiċċaw li jkollna nimportaw lil tekniċi minn barra biex inkunu nistgħu nservu l-ħteġiet ta’ djar u impriżi.

    Kurrikulu tekniku serju u modern b’għalliema mħarrġa, tagħmir ġdid, u skemi ta’ apprendistat imħejjija u mmexxija tajjeb se jkunu essenzjali biex l-edukazzjoni vokazzjonali tirranka. Dnub li t-tarzna ngħalqet kif ingħalqet. Kieku, kienet tkun tista’ tipprovdi parti mis-sinsla tal-isforz meħtieġ.

    ****

    Fidel

    Sa minn meta nista’ niftakar li bdejt insegwi l-aħbarijiet internazzjonali, dejjem kien hemm Fidel. L-unika persuna li tista’ tgħaddih f’dan it-tul ta’ tifkira hi r-Reġina Eliżabbetta tar-Renju Unit: Niftakarha minn meta kienet ġiet Malta għall-ewwel darba bħala reġina!

    Bl-atti erojċi u l-kefrijiet li wettaq, bil-ħila biex jirreżisti għal deċennji sħaħ il-pressjoni militari u ekonomika Amerikana, bl-istil dittatorjali u ambigwu tiegħu, bil-priorità lill-ħarsien tas-saħħa u lill-edukazzjoni fost il-poplu, bl-impenn ma jaqta’ qatt biex iħares l-indipendenza ta’ Kuba anke meta kienet l-aktar sottomessa għall-influwenza Sovjetika, Castro ma jistax ma jitqiesx bħala wieħed mill-aqwa figuri tal-Amerika Latina.

    Mil-lat ideoloġiku, sal-aħħar baqa’ jipprova jisfida lil dawk li kienu kkonkludew li s-soċjaliżmu ma jistax jitwettaq f’pajjiż wieħed, waqt li d-dinja ta’ madwar il-pajjiż tibqa’ kapitalista. Biex sostna din l-isfida kien lest li hu (jew pajjiżu) iħallas prezz qawwi ħafna.    

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook