Edukazzjoni

  • Diċ 02, 2016 08:00
  • Miktub minn Charles Miceli

    Il-kelma edukazzjoni nisimgħuha kuljum. Anzi l-ħin kollu. Kelma użata u abbużata.

    Aktarx li ftit li xejn nieqfu u naħsbu xi tfisser eżatt. U spiss il-kelma edukazzjoni tintuża meta rridu nfissru skola.

    Għax xi ħadd imur l-iskola naħsbu li se jeduka ruħu. Kemm-il darba nisimgħu lil xi ħadd jesklama “wara 12-il sena l-iskola ma tgħallem xejn”.

    Sintendi x-xejn hija naqra esaġerata. U probabbli min jgħid hekk aktar ikun qed ifisser li dak jew dik li tkun ħarġet mill-iskola mingħajr ċertifikati.

    Imma xi tfisser edukazzjoni? Xi tfisser li teduka ruħek? Sempliċiment ikollok degree mill-Università?

    Lifelong Learning

    Biex l-istampa tikkomplika ruħha, minn xi snin ‘l hawn bdejna nitkellmu fuq lifelong learning. Jiġifieri nibqgħu nitgħallmu sakemm nieħdu n-nifs.

    U ovvjament biex nitgħallmu mhux bilfors irridu npoġġu fuq il-bank tal-iskola. Kull esperjenza suppost tgħallimna. It-tajjeb u l-ħażin.

    Biex tkompli tgħaqad illum hemm ħafna tagħlim onlajn. Mhux biss korsijiet sħaħ offruti minn universitajiet rinomati imma anke jekk sempliċiment tmur fuq YouTube, tista’ titgħallem li trid. Minn storja u lingwi sa kif tagħmel nassa għaż-żnażan.

    Faqar

    Sfortuntament fi żmienna, aktar minn qatt qabel, qed naraw l-edukazzjoni biss bħala mezz kif tagħmel aktar flus. Studja ħalli tilħaq. Eduka ruħek ħalli tkun f’qagħda finanzjarja aħjar minn ta’ dawk li jmorru jħabbtu l-bieb ta’ Dar Papa Franġisku.

    Talanqas issa kellna lill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo jgħidilna li ma jemminx li bl-edukazzjoni biss se noħorġu n-nies mill-faqar. 

    Għax kieku vera hemm rabta bejn il-faqar u l-edukazzjoni suppost li Malta m’hawn ħadd fqir. 

    Wara aktar minn 60 sena ta’ edukazzjoni b’xejn għal kulħadd xorta għadna mhux qed naslu. U m’aħniex naslu mhux biss biex bl-edukazzjoni noħorġu n-nies mill-faqar finanzjarju imma minn kull tip ta’ faqar.

    Għax il-faqar jieħu ħafna forom. Nista’ per eżempju, insemmi l-faqar emozzjonali, il-faqar kulturali u l-faqar spiritwali. 

    X’jista’ jsir

    Qabel inkompli nagħmilha ċara li l-edukazzjoni hija importanti. U hawn b’edukazzjoni qed nifhem iċ-ċertifikati u l-akkwist tal-ħiliet li jiftħulek il-bibien fid-dinja tax-xogħol. 

    Imma tgħid aħna qed inpoġġu l-karettun qabel iż-żiemel?

    Il-Ministru Bartolo, kif ġie rrapportat, fl-istess diskors saħaq li hemm bżonn niżviluppaw politika soċjali biex ngħinu lil dawk li għandhom bżonn kemm jista’ jkun malajr.

    U hawn niftakar f’diskors ieħor tal-istess ministru. Fejn qal li r-realtà hija li rridu noħorġu n-nies mill-faqar biex ikollhom opportunità jedukaw ruhhom. Mhux kif nisimgħu spiss li nedukaw ruħna ħalli noħorġu mill-faqar. 

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook