Qed jitfasslu bħalissa proposti numerużi biex fil-qasam tas-servizzi finanzjarji internazzjonali, tiddaħħal trasparenza sħiħa. Il-proposti jinkludu arranġamenti biex aġenziji tal-gvern ikollhom aċċess għall-informazzjoni li jiġbru aġenziji ta’ gvernijiet oħra dwar il-flejjes li individwi u ditti jiddisponu minnhom.
Fejn għandhom x’jaqsmu l-evażjoni tat-taxxa, il-ħasil tal-flejjes miksuba b’mod illegali (droga jew korruzzjoni, ngħidu aħna) u fondi dedikati għat-terroriżmu, ftit hemm xi tgħid. Miżuri hekk ta’ trasparenza għandhom jiddaħħlu bla dwejjaq ta’ xejn u minnufih.
Min-naħa l-oħra, jistgħu jinqalgħu raġunijiet leġittimi għaliex persuna tkun tixtieq iżżomm privati l-metodi li bihom tmexxi l-ħidmiet finanzjarji tagħha.
Wieħed jistaqsi: Allura se noqogħdu ninkwetaw dwar il-privazija tas-sinjuri?
Ma nafx kif tista’ tagħmel distinzjoni bejn il-privazija tas-sinjuri u ta’ dawk li mhumiex.
Jekk ħaġa bħal din tista’ jew għandha ssir, għandha tiġi diskussa.
Ma jidhrilix imma li qed isir wisq minn din it-tip ta’ diskussjoni.
****
Il-Papa u l-abort
Id-deċiżjoni tal-Papa Franġisku li jneħħi l-abort minn dnub li jistgħu jaħfru biss l-isqfijiet hi importanti. Tirrifletti fuq argument li hu ilu jtenni, dwar kif il-fidi Nisranija għandha tibbaża ħafna mill-ġibda tagħha billi turi ħniena, maħfra u tolleranza lejn kulħadd. Trid tinkludi mhux teskludi.
Fi żmien żgħuriti, il-Papa Ġwanni XXIII kien ta sinjal entużjażmanti dwar kif il-karità Nisranija messha tiftaħ orizzonti ġodda għal solidarjetà fi ħdan u bejn il-ġnus.
Wara dak il-Papa, oħrajn mexxew il-Knisja Kattolika b’aktar dixxiplina, jew b’ħila intellettwali aqwa minn tiegħu.
Ħadd minnhom iżda – ħlief dal-Papa Ġiżwita –ma wera daqstant ħeġġa biex l-Insara jkunu fuq quddiem nett fid-difiża tal-foqra, tal-imwarrba u tal-iddisprati.
J’alla jirnexxi fi ħsibijietu.
****
Schulz
Id-deċiżjoni ta’ Martin Schulz li ma jibqax membru tal-Parlament Ewropew kienet mistennija. Il-grupp tal-Popolari kienu se jirrifjutaw li jivvotawlu bħala President tal-Parlament Ewropew, għat-tieni sentejn u nofs tal-mandat attwali. Riedu li jkun wieħed minn tagħhom did-darba li jippresjedi l-Parlament Ewropew.
Matul l-aħħar xhur, Schulz issemma bħala ministru tal-affarijiet Ġermaniż minflok Frank-Walter Steinmeier meta dan jilħaq President tal-Ġermanja. Jew anki bħala kandidat għal kanċillier Ġermaniż f’isem id-demokratiċi soċjalisti. Li żgur hu li se jikkontesta l-elezzjonijiet Ġermaniżi.
Schulz se jħalli warajh kisbiet importanti għall-Parlament Ewropew. Hu tah profil li ma kellux qabel. Bidel il-presidenza tal-Parlament minn waħda li tixbah aktar dik tal-Ispeaker fil-parlamenti anglo-sassuni (Malta inkluża) għal rwol politiku attiv. Sab sostenn sħiħ mill-midja Ewropea. B’Schulz, il-Parlament Ewropew kiseb leħen li rbombja mal-Ewropa kollha.
X’aktarx madankollu li minkejja dan il-leħen, matul l-istess żmien, il-Parlament Ewropew kompla jiddgħajjef fil-bilanċ ta’ bejn l-istituzzjonijiet Ewropej.
Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.
Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra.
Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub.
Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett.
Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju,
inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.
Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek,
se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih.
F'din l-imejl se tirċievi security code.
Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni.
Din hija proĊedura li ssir darba.
Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek.
Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.