Ipokresija

  • Diċ 08, 2016 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    L-aktar ħaġa li ddejjaqni fil-politika hi l-ipokresija, għalkemm ilhom snin jgħidu li kemm hi ingredjent essenzjali tal-ħidma meħtieġa.

    L-aħħar eżempju kbir tagħha qed jagħtuhulna n-Nazzjonalisti fil-Parlament Ewropew. Minn naħa, ilhom jgħawwru kemm jifilħu minn taħt u minn fuq, biex l-istorja ta’ Mizzi/Schembri u l-kumpaniji fil-Panama li riedu jwaqqfu, tingħata importanza kbira. Għamlu hekk speċjalment fil-kumitat tal-Parlament Ewropew li qed jinvestiga l-iskandlu tal-karti tal-Panama. Id-diskors tagħhom fuq dan is-suġġett bilfors kien se jkollu l-effett li jbaxxi r-reputazzjoni ta’ pajjiżna barra.

    Min-naħa l-oħra, jifhmu kif il-messaġġ li qed jipprovaw iwasslu jista’ jkun ta’ dannu enormi għas-settur tas-servizzi finanzjarji f’pajjizna. Ilni nwissi dwar hekk.

    U issa nisimgħuhom iqaqu kif it-tixwix li qed jaqilgħu m’għandux jintuża mill-Ewropej biex jirrestrinġu l-libertà ta’ pajjizna u ta’ oħrajn kif jiddeċiedu li jissettjaw it-taxxi tagħhom. 

    Ma nafx min se jikkonvinċi ruħu b’dan l-ezercizzjui pokrita. Dejjem għedt li tal-PN għandhom kull dritt iqajmu kemm iriduu kontinwament il-kwistjoni tal-Panama (u oħrajn ) – fil-qafas lokali. Li joqgħodu jqanqluha fl-Ewropa għal skopijiet partiġġjani lokali, hu ezerċizzju infami li jmur kontra l-interess tal-pajjiz.

    ****

    Armata Ewropea

    Qed jirrankaw l-inizjattivi fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u f’istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni Ewropea biex jinbnew il-pedamenti ta’ armata komuni. Diġà ktibt fuqha ftit ilu hawnhekk.

    Sadanittant, il-Kummissjoni ħarġet il-proposti tagħha. Jidhru teknikament preċizi u mlestija bil-galbu. Għalija għandhom jinħassu bħala zvilupp li jqanqal tħassib dwar il-futur.

    Verament dan hu zmien xejn sabiħ għall-Ewropa, fejn biex tikkonsolida l-għaqda tagħha, trid tara kif se tibni forza militari komuni.

    ****

    Festa ta' Diċembru

    Waħda mill-isbaħ festif’Malta – għat-tifsira storika tagħha u għall-mod kif tiġi ċċelebrata – hi dik tat-8 ta’ Diċembru, il-Kunċizzjoni f’Bormla. Speċjalment meta l-jum joħroġ bnazzi, b’xemx tagħti jew temp kiesaħ, l-atmosfera tkun waħda ferrieħa u sabiħa. 

    Talanqas hekk niftakarha dik il-festa, għax ili snin ninzerta nkun barra meta jasal jumha. Kull darba li mmur hemm kont nerġa’ ninnota x’potenzjal turistiku jeżisti fil-Kottonera – potenzjal li baqa’ jiġi injorat sa ftit taz-żmien ilu. L-iżvilupp tal-moll għal jottijiet beda jibdel l-affarijiet imma tħalla nofs leħja.

    Issa, il-gvern Laburista reġa’ ta spinta ’l quddiem liż-żona kollha meta ddeċieda li parti mill-università l-ġdida li qed iwaqqaf tinġieb Bormla.  

    Jekk dan il-proġett jirnexxi, għandu jservi ta’ kalamita li tiġbed lejn din il-belt u l-mawdwar tagħha barranin pjuttost żgħażagħ. Tul ħajjithom jibqgħu jħarsu lejn Bormla bħala esperjenza sabiħa. Anki wara li jkunu spiċċaw l-istudji tagħhom, jibqgħu jiġu lura –huma u l-familji tagħhom – bħala turisti.

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook