Trasbort

  • Diċ 12, 2016 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Wasal iż-żmien għat-tfassil ta’ strateġija kompluta dwar it-trasbord, bħala attività ekonomika vijabbli għall-pajjiż. Nisimgħu ftit dwarha.

    Madankollu, sa minn żmien Lord Strickland, il-partiti politiċi Maltin tista’ tgħid kollha, u r-rappreżentanti tan-negozju privat, ma waqfux jagħmlu ġenuflissjoni quddiem l-idea li bit-trasbord, Malta tkun qed twettaq ħidma utli, li torbot mal-qagħda u l-potenzjal ta’ pajjiżna. 

    F’dan naħseb li kellhom raġun.

    Nisma’ rapporti dwar firxiet kbar ta’ karozzi bojod mill-Korea, jistennew f’xi medda Maltija, biex jintbagħtu lejn l-Alġerija. Bħalhom, tissemma lista’ ta’ prodotti oħra li jitwaqqfu hawn mill-ibgħed irkejjen tad-dinja, biex jintbagħtu lejn destinazzjonijiet oħra fil-Mediterran. 

    Dan kollu jqawwilna qalbna dwar il-futur tat-trasbord f’pajjiżna. Jikkonferma l-ottimiżmu dwar dan il-qasam muri mill-mexxejja tal-imgħoddi. Imma nisimgħu wkoll dwar l-isfidi u l-problemi ta’ spazju dwar fejn f’pajjiż ċkejken, tista’ sseħħ illum il-ħażna għat-trasbord.

    Għalhekk neħtieġu proposta ta’ linja strateġika dwar kif għall-futur, għandu jitmexxa t-trasbord f’politika sostenibbli ta’ żvilupp għall-pajjiż.

    ****

    Tliet Prim Ministri

    Matul l-2016, tliet Prim Ministri Ewropej ħallew fost oħrajn, il-kariga ħabta u sabta.

    David Cameron fir-Renju Unit. Matteo Renzi fl-Italja. U Manuel Vals fi Franza. It-tlieta, taħseb x’taħseb dwarhom, urew dinamiżmu u sens ta’ tmexxija.

    X’ġara biex kellhom jitilqu jista’ jidher differenti każ minn każ. L-Ingliż telaq għax biex jagħlaq qasma fil-partit tiegħu dwar is-sħubija ta’ pajjiżu fl-Ewropa, ħareġ bis-soluzzjoni li jagħti ċ-ċans lill-poplu li jiddeċiedi jekk riedx jibqa’ fl-Unjoni. Ħaseb li b’hekk, jekk jirbaħ ir-referendum (wara li kien għadu kemm rebaħ elezzjoni ġenerali), se jfejjaq feriti antiki dwar is-suġġett tal-isħubija.

    Renzi għamel il-kalkolu li b’referendum, seta’ jibdel id-dinamika politika Taljana u joħloq struttura għal gvernijiet stabbli li jkunu jistgħu jiddeċiedu malajr.

    Vals ħalla l-kariga għax il-President Franċiż li serva taħtu ma rnexxilux iwettaq il-wegħdi ta’ titjib ekonomiku u soċjali li kien għamel u ddeċieda li ma jerġax ikun kandidat presidenzjali. Biex ikun jista’ joħroġ minfloku, Vals irriżenja minn Prim Ministru.

    Lil hinn mill-hubris li wassal għal dawn id-deċiżjonijiet, ir-riżenji jagħtu xhieda qawwija tal-inkwiet politiku li jtektek fil-qalb tal-Ewropa llum.

    ****

    Presepji

    Il-presepji dejjem baqgħu magħna. 

    Għamlu żmien kienu tilfu mill-popolarità. Imbagħad reġgħu kisbuha u bil-kbir. Mill-ġdid, din il-popolarità bdiet tmajna, quddiem l-avvanz ta’ proposti oħra dwar kif nistgħu niċċelebraw il-Milied. Issa jidher li għal darb’oħra, l-interess fil-presepji ħa rankatura.

    Kienet inizjattiva tajba dik li jittella’ presepju “Malti” fil-Vatikan. Hi t-tip ta’ proġett li jista’ jiswa għax-xbieha ta’ Malta daqs il-presidenza tal-Unjoni Ewropea, jew forsi aktar. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0