Lanqas ħaqq il-kontroversji tal-aħħar sentejn dwar it-TTIP u l-bqija: Il-ftehimiet dwar investimenti u kummerċ ħieles bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea, u bejn l-Istati Uniti u l-pajjizi tal-Paċifiku.
L-Amerikani kienu qed jagħmlu sforzi kbar biex il-ftehim mal-Ewropej jimxi ’l quddiem. L-istess ħaġa għamluha l-Ewropej. Mal-pajjizi tal-Paċifiku n-negozjati kienu lesti.
Issa, bil-wasla ta’ Trump fil-White House, din il-ħidma kollha donnha saret duħħan. L-amministrazzjoni ta’ Trump se tkun għal kollox kontra ftehimiet hekk. Se tkun bidla ta’ politika li ħasdet lill-pajjizi tal-Paċifiku u ħalliet lil ħafna mexejja Ewropej ma jafux x’jaqbdu jaħsbu.
L-ironija hi li fl-Ewropa, forzi xellugin kbar kienu qed jimmobilizzaw ruħhom biex jirrezistu l-ftehim mal-Amerika. Issa qed isibu li se jkun President lemini sew li se jneħħilhom l-inkubu tal-ftehim, u fuq ħafna punti, għall-istess raġunijiet tagħhom.
****
Referendum
Wara r-riżultat tar-referendum Taljan, reġgħet qamet id-diskussjoni dwar l-uzu tar-referendum bħala għodda biex demokratikament, poplu jagħmel deċizjonijiet dwar il-futur tiegħu.
Fil-kaz tal-Italja, qed jintqal li l-eks-Prim Ministru Renzi għamel żball li rabat il-pożizzjoni tiegħu bħala Prim Ministru mar-riżultat tar-referendum. Personalment ma narax kif Renzi seta’ jagħmel mod ieħor. Kien qed jipproponi riformi radikali fit-tmexxija tal-pajjiż li dwarhom qamu reżistenzi kbar, u li hu affronta b’mod determinat. Veru li r-referendum spiċċa wkoll biex jgħaqqad lil dawk li kull ma riedu kien li jeħilsu minn Renzi.
Imma din hi parti mill-ambigwità li jqanqal referendum meta jintuza f’sistema ta’ demokrazija li tiddependi fuq l-istrutturi ta’ Parlament biex tesprimi l-aspirazzjonijiet popolari.
L-interessanti fl-aħħar snin kien dan l-izvilupp: Fejn qabel, il-gvernijiet kienu jkunu f’pozizzjoni li jissettjaw referendum b’mod li bih jaslu għad-deċizjoni li jkunu jixtiequ, dil-ħila donnha ntilfet.
****
Msida
Kien ta’ pjaċir kbir nhar il-Ħadd li għadda li nattendi għal riċeviment ċkejken mogħti mill-każin tal-banda tal-Imsida “San Ġużepp”. Bħala kontribuzzjoni għall-presidenza ta’ Malta tal-Unjoni Ewropea, id-deputati Ewropej se jkunu qed itellgħu proġetti differenti fil-Parlament Ewropew. Tiegħi se jkun wirja minn banda Maltija.
L-Assoċjazzjoni tal-Baned ġentilment ħadet ħsieb li torganizza l-għażla tal-banda li se titla’ Brussell. Kienet dik tal-Imsida li ntgħażlet. Waqt ir-riċeviment, kelli l-opportunità li nsir naf il-mexxejja tal-banda. Hi waħda miż-żgħar imma għandha hi wkoll storja twila – storja li tagħti xhieda, bħal fil-każ ta’ ħafna baned oħra f’Malta u Għawdex, ta’ impenn u interess minn ċittadini li volontarjament jagħtu mill-ħin u mit-talenti tagħhom biex jibnu dar għal attività mużikali marbuta mal-ħajja tal-komunità fejn hi mwaqqfa l-banda.
Dejjem ammirajt ħidmiethom.
Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.
Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra.
Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub.
Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett.
Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju,
inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.
Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek,
se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih.
F'din l-imejl se tirċievi security code.
Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni.
Din hija proĊedura li ssir darba.
Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek.
Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.