Id-diskors tal-President

  • Diċ 19, 2016 12:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Id-diskors tal-President Marie-Louise Coleiro Preca fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika din is-sena kien eċċellenti. Hi wriet tajjeb kif u fejn l-imġiba politika fostna qed taqbeż il-limiti tal-korrettezza u qed timmina kull rieda tajba, kull sens ta’ lealtà lejn il-miri u l-valuri li suppost huma komuni għalina lkoll, kull rispett lejn l-integrità personali tal-“avversarju”. Dan qed isir lil hinn mill-imġiba partiġġjana qawwija u sħuna li konna drajna nsegwu matul is-snin.

    Mhijiex raġuni li tispjega kollox din li ġejja: Imma nemmen li tispjega ħafna. Il-mod kif joperaw l-hekk imsejħa midja soċjali u kif infirxu qed iżid il-volgarità u l-qrusa li biha jitqiesu u jiġu diskussi l-kwistjonijiet publiċi. Il-biċċa telqet f’nofs is-snin tmenin tas-seklu l-ieħor meta fiċ-ċinema Amerikan splodiet il-volgarità. 

    Illum dak li fl-imgħoddi kien isir wiċċ imb’wiċċ u laġenba – jiġifieri ż-żeblieħ personali, il-gideb jew in-nofs veritajiet, l-insinwazzjonijiet – illum jitperreċ fil-miftuħ fuq l-internet, anke b’mod anonimu. Dan qed javvelena d-diskors dwar l-għażliet li jkollu quddiemu n-nazzjon.

    ****

    L-Imrieħel

    Int u ssuq mill-bypass tal-Imrieħel, fuq ġenb tat-triq tara l-binjiet impressjonanti ta’ uħud mill-aqwa impriżi f’Malta. 

    Jekk ifettillek issuq warajhom, fejn xi żmien ilu kienet qed tiġi żviluppata żona industrijali, issib ruħek f’ġungla.

    Toroq imħarbta mimlija karozzi u trakkijiet. Azjendi industrijali bieb ma’ bieb ma’ emporji fejn in-nies dieħla u ħierġa biex tixtri materjali għad-dar. Direzzjonijiet imħawda dwar fejn tista’ ssib xiex. Hwienet tax-xogħol li donnhom saru ħwienet tal-ikel. F’kull kantuniera, it-traffiku ġġammjat. 

    Jekk hemm ħtieġa ta’ prijorità x’imkien għal ippjanar u ordni, hu f’dawn l-inħawi. Mela f’Paceville.

    ****

    Strasburgu l-ġimgħa l-oħra

    Is-swieq tal-Milied ta’ Strasburgu huma magħrufa sew. Jiġbdu ħafna nies. Din is-sena qalgħu daqqa.

    Daħal rapport li kien qed jitħejja attakk terroristiku fuqhom. Fiċ-ċentru tal-belt, ma tħallewx jidħlu karozzi tal-linja jew privati. It-trammijiet iva; biss kellhom jibqgħu jsuqu ’l barra bla ma jieqfu. Sadattant, suldati jew pulizija armati tpoġġew fil-punti minn fejn tidħol in-nies u ċċekkjaw lil kull min resaq biex jaraw li mhux imgħobbi bl-isplussivi.

    Kont hemm il-ġimgħa li għaddiet. Deherli ... u ma stagħġibtx b’hekk ... li s-swieq tal-Milied did-darba kellhom ħafna anqas nies milli niftakar fi snin oħra. L-ispirtu ta’ festa deher kajman. 

    Ħaġa naturali li ġara hekk. Bl-ebda mod l-awtoritajiet ma setgħu jinjoraw it-theddida, hekk kif saru jafu biha.

    Il-belt ta’ Strasburgu – bħal Pariġi, Nizza u Brussell – qed ikollha tagħraf kif it-terroriżmu mhux biss hu theddida għas-sigurtà, imma wkoll iġib miegħu danni ekonomiċi qawwija. 

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook