Mażżri mal-banek

  • Diċ 22, 2016 09:00
  • Miktub minn

    Intqal kif il-Bank of Valletta se jkollu jibdel il-mudell li bih imexxi ħidmietu biex jislef u jissellef. Se jkollu jżomm riżerva akbar ta’ kapital – jiġifieri fondi li jkunu lesti għall-użu minnufih, u allura jrid iżommhom “għandu” mingħajr ma jinnegozja bihom. Għalhekk ma jaqilgħulu xejn. 

    L-ammont ta’ riżervi ġodda meħtieġa jersaq lejn il-mitejn miljun ewro. 

    Dan kollu jfisser li sakemm il-Bank jaqleb l-operat tiegħu u sakemm irekken għexieren ta’ miljuni f’riżervi, se jonqsulu sew il-profitti li mdorri jagħmel.

    Mhux l-anqas bħalha konsegwenza, għandha ssir anqas ħafifa d-disponibbiltà tal-Bank biex isellef. Nimmaġina li dil-ħaġa se tolqot l-aktar lill-impriżi ta’ daqs żgħar u mezzan.

    Il-bank isostni li l-bidliet huma meħtieġa minħabba r-regoli ġodda dwar prudenza li jinsabu deħlin f’isem l-għaqda bankarja Ewropea li qed titwaqqaf.

    Fil-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tal-Parlament Ewropew fejn jien membru, jiġu jixhdu dwar ħidmiethom diretturi fl-istrutturi tat-tmexxija ta’ din l-għaqda bankarja. Jispjegawlna kif ir-regoli l-ġodda m’għandhomx iservu ta’ brejk fuq l-attività ekonomika.

    ***

    Spejjeż tal-ħaddiema

    Mill-ġdid, ċerti tendenzi fl-andament ekonomiku Malti qed ikunu differenti sew minn xinhu għaddej fil-bqija tal-Ewropa, u jissorprendu. 

     Biżżejjed inħarsu lejn ir-rankatura ekonomika u r-rata tal-għoli tal-ħajja. Imma issa qed jispikka element ġdid li ma niftakarx li deher qabel: ir-rata li biha tinbidel l-ispiża tax-xogħol li jagħtu l-ħaddiema.

    Fejn fil-maġġoranza kbira tal-pajjiżi Ewropew, din l-ispiża reġgħet qed tiżdied, f’Malta qed tonqos – ħaġa li ilha ma tiġri fostna.

    X’inhu jikkontrbiwixxi għal dan l-iżvilupp kurjuż fi żmien meta l-ekonomija Maltija qed tirrombla ’l quddiem aktar mill-bqija tal-Ewropa?

    Żieda fix-xogħol prekarju, li jitħallas bir-ribass?

    Żieda f’ħaddiema barranin, mill-Ewropa jew le, li wkoll jitħallsu bir-ribass?

    Hemm xi raġuni oħra?

    Tkun ħaġa utli li jkollna fehma dwar dil-biċċa.

    ***

    Biex turi lejn fejn

    Mill-istrumenti kollha li ssib f’karozza, f’pajjiżna hemm wieħed li jintuża l-anqas: dak li bih turi d-direzzjoni ta’ fejn trid tmur meta se tiġbed xellug jew lemin, “fuqek” jew “fuq” in-naħa tal-passiġġier.

    Is-sewwieqa Maltin donnhom ikkonkludew li assolutament ma għandhomx bżonn li jagħtu indikazzjoni ta’ fejn iridu jmorru. Kieku kellhom jagħmlu hekk, se jkunu ssottomettew irwieħhom għal invażjoni tal-privazija tagħhom (!). 

     Żball kbir.

     Dan-nuqqas qed ikompli jżid mal-inċertezzi li nsibu fit-toroq tagħna. L-użu ta’ “indicator” hu aktar u aktar meħtieġ fil-konfużjoni u rassa li ta’ kuljum jifnu t-traffiku. 

     Ħafna mis-sewwieqa mhumiex jirrealiżżaw dal-punt elementari. B’hekk qed iżidu l-probabiltà ta’ ħabta, anke meta l-karozzi involuti jinsaqu bil-mod.

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook