Jimportana?

  • Diċ 29, 2016 08:00
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    Fl-Unjoni Ewropea, qed jikber il-faqar. Dawk li jinsabu ekonomikament minn fuq, qed itejbu l-qagħda tagħhom. Dawk li jinsabu minn taħt, sejrin għall-agħar.

    Jidher sew li l-miri soċjali dwar faqar li l-Unjoni poġġiet għas-sena 2020 mhumiex se jintlaħqu. Madankollu fiċ-ċirkostanzi tal-lum, l-inizjattivi ta’ politika ekonomika li jeżistu biex tissewwa dil-qagħda huma limitati għall-aħħar. Id-dinamika politika, misjuqa mill-Ġermanja, hi biex il-gvernijiet jibqgħu jrażżnu l-ispiża tagħhom ħalli ma joħolqux ħofor finanzjarji ġodda fil-baġits tagħhom.

    Mentri għal ħafna, hu evidenti li mingħajr impenn finanzjarju ġdid mill-gvernijiet, ma tistax tiġi mmuntata politika soda kontra l-faqar. Biex inkunu onesti, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill għamlu ċaqliqa ċkejkna f’din id-direzzjoni. Qablu mal-Parlament Ewropew biex fis-sentejn u nofs li ġejjin, fin-nefqa prospettiva tal-Unjoni ikun hemm emfażi akbar fuq proġetti b’mira soċjali, l-aktar opportunitajiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ. Wieħed forsi jista’ jikkritika dan bħala ftit wisq, tard wisq. Imma aħjar mix-xejn.

    Hawn Malta ftit nagħtu kas dil-problema li qed tifni l-Ewropa. Tieħu l-impressjoni li ma tantx jimportana minnha.

    ***

    ID-DILEMMA TA’ OBAMA

    Id-deċiżjonijiet, tajba jew ħżiena, li jittieħdu fil-politika anke meta jkunu ntesew mill-kotra, jibqgħu jiddefinixxu l-għażliet li jsiru wara.

    Dehret ħafna ċara dil-ħaġa fl-aħħar snin, f’li għandu x’jaqsam mal-gwerra ċivili fis-Sirja u l-politika dwarha li sostniet dwar l-amministrazzjoni Obama. Din “tgħallmet” il-lezzjonijiet tal-interventi Amerikani fl-Afganistan u fl-Iraq. Żammet lura minn kull intervent militari dirett fl-art Sirjana. Li għamlet, għamlitu mill-bogħod u mill-għoli, waqt li baqgħet tinsisti fuq li jitlaq il-President Assad anke jekk ma kellhiex alternattiva soda u vijabbli għalih.

    Illum, wara snin ta’ kritika għall-intervenzjoniżmu Amerikan fl-Afganistan u fl-Iraq, ir-riħ inbidel. Qed jintqal kif l-Istati Uniti spiċċaw bla influwenza reali fil-ħidma biex il-gwerra tas-Sirja titwaqqaf għal kollox. Ħaddieħor li intervjena militarment rnexxielu jilħaq ħafna mill-esiġenzi strateġiċi tiegħu.

    Naħseb li għadu kmieni wisq biex tiġġudika dwar dan b’mod finali. 

    ***

    TMIEM IS-SENA

    Fi tmiem is-sena, bħal ħafna oħrajn, imdorri nħares lura biex nistaqsi lili nnifsi x’kien li l-aktar immarkaha. 

    Ġeneralment, it-tifkira tiegħi tmur fuq avvenimenti publiċi f’Malta jew barra. Biss, fil-maġġoranza enormi tagħhom, in-nies mhux hekk. Jiftakru l-aktar fi ġrajjiet ta’ natura personali li jkunu għaddew minnhom.

    Dis-sena għaddejt mill-istess esperjenza. Minkejja Brexit u ma nafx xiex aktar li laqat l-Ewropa jew lil Malta, l-aqwa tifkira tiegħi se tkun tat-telfa ta’ persuna tal-familja, qrib ħafna tiegħi. Tkun taf li għad trid titlaq, imma tibqa’ taħseb li dil-ħaġa “qatt” mhi se tiġri. Fl-aħħar isseħħ.

    Finalment nawgura Sena mill-Isbaħ lil kulħadd.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0