L-isfida Maltija

  • Jan 02, 2017 10:00
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    L-isfida Maltija ma nbidlitx. X’għandu jsir biex il-gżejjer tagħna jibqgħu vijabbli ekonomikament waqt li jipprovdu għajxien u kondizzjonijiet soċjali tajba għaċ-ċittadini?

    Mill-Indipendenza lil hawn, sibna – ġieli bis-sulluzzu – tweġibiet korretti għall-isfida. Żmantellajna l-emigrazzjoni bħala għodda ta’ politika.

    Illum, ħafna jqisu li l-isfida ntgħelbet għal kollox, speċjalment għax ir-riżultati qed ikunu daqstant tajba. Din hi illużjoni. 

    L-esperjenza tal-imgħoddi turina kemm jinbidlu malajr, għall-aħjar jew għall-agħar,  iċ-ċirkostanzi li fihom jiżviluppaw il-ħidmiet li minnhom ngħixu.

    Għalhekk, waqt li “ngawdu” minn dak li qed jirnexxi bħalissa, irridu nħejju għal x’jista’ jkollna bżonn minfloku.

    Tletin sena ilu, ħadd ma kien ibassar li s-servizzi finanzjarji se jieħdu l-piż li ħadu fl-ekonomija tagħna. Jaqblilna issa li nibdew nistaqsu bis-serjetà x’jista’ jidħol minflokhom.

    SPOSSESSATI

    Fl-assenza ta’ qrid ekonomiku, l-aqwa kritika li tista’ tuża l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tirrigwarda l-governanza tal-pajjiż. Kif ammetta l-istess Prim Ministru, hemm fuq hiex tikkritika.

    Uħud jgħidu li l-Oppożizzjoni xorta għandha problema. Meta tqumilha kwistjoni interna, mhijiex tipprattika l-valuri li tipproklama. Ma tistax titwemmen li hi serja.

    Biss naħseb li għall-Oppożizzjoni teżisti problema akbar f’dal-qasam. Mhux neċessarjament fuq dak li tgħid, daqskemm fil-mod kif tgħidu.

    Il-mexxejja Nazzjonalisti jagħtu wisq l-impressjoni li dak li fil-verità, jkiddhom l-aktar hu li ma jinsabux fit-tmun tal-pajjiz. F’moħħhom, donnu li b’xi dritt divin, kellhom ikunu huma li jmexxu u jibqgħu imexxu, ilbieraħ, illum u għal dejjem. Ma jidhrux bħala riformaturi imma bħala spossessati. B’hekk, il-kritika tagħhom dwar governanza tispiċċa bla melħ.

    GĦAQDA BANKARJA

    Kieku mhux għax ġara, forsi apposta, fi żmien il-vaganzi tal-aħħar tas-sena, kien iqajjem ferment sħiħ. Is-salvataġġ mill-istat Taljan tal-bank Monte Paschi juri kemm għadu fraġili l-proċess li bih iż-żona tal-ewro qed issaħħaħ l-istrutturi tagħha ta’ ħarsien.

    Suppost li qed tinbena għaqda bankarja fejn banek Ewropej ta’ ċerta importanza jkunu sorveljati. Meta jinqalgħulhom diffikoltajiet kbar, ikollhom isegwu ċerti regoli dwar kif se jiġu salvati jew le. Kellha tintrema l-idea li jeżistu xi banek li tant huma importanti, li ma jistgħux jitħallew ifallu akkost li l-gvernijiet joħorġu l-biljuni biex isostnuhom. 

     Minflok, din l-idea reġa’ qegħda magħna. Kulħadd jaqbel li ma kienx hemm alternattiva. Il-gvern Taljan kellu jsalva lil Monte Paschi.

    Fuq quddiem nett, tissemma l-problema ta’ wisq banek li għamlu wisq self li mhuwiex irendi. Iva, dik problema. 

     Problema akbar hi li affaċċjati b’ekonomiji li mhumiex jirrankaw, il-gvernijiet Ewropej mhumiex jaqblu sa fejn u kemm malajr iridu jwasslu l-għaqda bankarja. Kulħadd jiġbed lejn xawwatu.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook