Sena ġdida oħra

  • Jan 02, 2017 13:00
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Bdejna sena ġdida – sena li qed twiegħed tibdil.  Kemm ser ikun kbir dan it-tibdil ħadd ma jaf.  Biss kull bidla ser iġġib magħha inċertezza.  L-impatt ta’ din l-inċertezza jiddependi minna nfusna.  Jekk inkunu pożittivi u naraw li kull inċertezza tista’ toħloq opportunitajiet ġodda, din l-inċertezza minflok biża’ ġġib magħha sfida li nkunu nistgħu nilqgħuha u minna noħorġu ġid ġdid.

    Ħafna mit-tibdil previst ġej mill-qasam internazzjonali.  Żgur li l-isfidi li ser ikollha l-Ewropa ser jolqtuna direttament.  Biss il-Presidenza, jekk il-Maltin kollha jużawha għall-ġid ta’ Malta u mhux tal-interessi sezzjonali tagħhom, hi opportunita’ li minkejja ċ-ċokon tagħna nistgħu ngħinu li niffurmaw Ewropa li hi aktar kompatibbli ma’ dak li nemmnu u li tilħaq ukoll l-aspirazzjonijiet tagħna bħala poplu.  

    Għall-Ewropa u għalhekk għalina lkoll, is-sena dieħla ser tkun sena ta’ sfidi.  Żgur li l-akbar sfida ser tkun il-ħruġ tar-Renju Unit bħala membru.  Għalkemm il-Gvern Ingliż jidher diterminat li l-proċess jibda f’Marzu li ġej, żgur ser ikollu sfidi – sfidi minn nies, sew fir-Renju Unit u sew barra, li għadhom ma aċċettawx ir-rieda tal-poplu Ingliż fl-aħħar referendum.  Kemm ser ikun kbir l-impatt ta’ Brexit jiddependi ħafna mill-attitudinijiet tal-mexxejja sew min-naħa tar-Renju Unit u sew min-naħa tal-mexxejja Ewropej.  L-involviment attiv tal-Gvern Malti jista’ jwassal għal soluzzjoni li tkun aktar aċċettabbli għalina.

    Biss hemm sfidi oħra.  Personalment nemmen li l-akbar sfida li hemm hi fid-direzzjoni fl-Ewropa.  Ser inkomplu bid-direzzjoni ta’ soluzzjoni waħda li tgħodd għal kulħadd?  Din hi bħal xabla li taqta’ miż-żewġ naħat.  Aktar ma r-regolamenti jkunu l-istess f’kull pajjiż Ewropew, aktar nersqu malajr biex l-Ewropa tista’ tkun ekonomija vijabbli, dinamika u mexxejja bħal ma huma l-Istati Uniti u l-Ġappun.  Biss li tapplika soluzzjoni waħda għal ambjenti differenti ma tagħmilx sens għaliex mhux biss ma tagħmilx sens ekonomiku iżda wkoll tkisser il-viżjoni Ewropea għan-nies komuni għaliex ma jarawx li jistgħu jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom ġo dan il-grupp bħal ma ġara fir-Renju Unit u f’sezzjonijiet imdaqqsa f’ħafna pajjiżi Membri.

    Nemmen li aktar ma nersqu malajr lejn Unjoni unita aktar aħjar.  Aktar ma nimxu bil-mod aktar ser ikun hemm qsim u ideat differenti għaliex dawn ma jkunux jirriflettu l-ideal Ewropew iżda l-interessi nazzjonali.  Biss bħal ma jgħid il-qawl Malti Qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel.  Xi kultant ninsew li l-Istati Uniti ngħaqdu meta kellhom jgħaddu minn gwerra ċivili filwaqt li jekk inħarsu lejn pajjiżi bħal ma huma r-Renju Unit, Spanja u l-Italja, minkejja li dawn ilhom għal mijiet ta’ snin bħala pajjiz wieħed għadhom ma tgħaġnux biżżejjed biex verament iħossuhom bħala pajjiż wieħed.  Għażla iebsa, iżda li trid issir.  

    Sfida oħra għal Malta hi t-tibdil politiku li jista’ jkun hemm sew fi Franza u sew fl-Italja.  Dawn l-aħħar snin kellna relazzjonijiet tajba ħafna ma’ dawn iż-żewġ pajjiżi li żgur gawdejna minnhom.  Nittamaw li jkunu min ikunu l-mexxejja ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi jirnexxielna nżommu l-istess relazzjonijiet.  Biss bħal ma jgħidu, it takes two to tango, u għalhekk dawn ir-relazzjonijiet ma jiddependux biss minnha.

    Hemm imbagħad l-isfidi sew fil-kummerċ internazzjonali, l-ambjent, it-tellieqa għal armi ġodda aktar qerrieda u l-paċi.  Żgur li t-tmexxija ġdida Amerikana ser ikollha nfluwenza kbira bħal ma ser ikun hemm fuq ir-relazzjonijiet mar-Russja.  

    Dawn huma sfidi kbar.  Mistoqsija li żgur xi wħud jistaqsu hi, imma jien x’nista’ nagħmel.  Nemmen li s-sehem tagħna individwali jista’ jkollu sehem importanti biex dawn l-isfidi indawruhom f’opportunita’ sew għalina u sew għal paċi.  Bħala individwi rridu nimxu b’rispett lejn l-oħrajn, inkunu pożittivi għal ambjent politiku u soċjali ġdid li s-sena dieħla ser tipprovdi.  Iżda għandna dmir ieħor li mmexxu l-ideat tagħna ‘l quddiem speċjalment għall-paċi billi nuru l-opinjonijiet tagħna bil-galbu, bir-rispett, mingħajr ma nweġġgħu ‘l ħadd iżda b’sodizza.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook