Ġelożiji Amministrattivi

  • Jan 05, 2017 11:50
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    Xi ħaġa li s-sistema amministrattiva tal-gvern Malti trid toqgħod b’seba’ għajnejn għalija f’dawn is-sitt xhur fil-presidenza tal-Unjoni Ewropea, hi n-nuqqas ta’ kordinament intern bejn entijiet governattivi Maltin. Ħafna mill-proġetti Ewropej għandhom il-komplikazzjoni, li ma jaqgħux taħt struttura waħda, imma jinvolvu diversi dipartimenti, ministeri u aġenziji fl-istess waqt.

    Jistgħu jqumu inċertezzi u anki kontroversji dwar min hu responsabbli għal xiex, jew min għandu jkun responsabbli għalxiex. Il-ġelożiji amministrattivi jeżistu fis-settur publiku ta’ kull pajjiż. Jekk ma jkunux imrażżna u maħlula tajjeb, jistgħu jkunu aktar “perikolużi” mill-intransiġenzi u l-arroganza tas-servizzi burokratiċi tal-Kummissjoni jew tal-Kunsill. Dawn ikunu jridu juru kif jafu jagħmlu x-xogħol ta’ kordinament ħafna aħjar mis-servizz publiku ta’ kwalunkwe pajjiż membru fil-Presidenza.

    ***

    Ceo Pulizija

    Il-kunċett ta’ CEO biex imexxi l-amministrazzjoni tal-pulizija waqt li l-Kummissarju jiffoka dejjem aktar fuq il-ħidma polizjeska hu kunċett tajjeb. Matul l-aħħar deċennji, għal firxa ta’ attivitajiet fis-settur publiku li jagħtu servizzi speċjalizzati, saret prattika komuni li jifirdu t-tmexxija professjonali mill-amministrazzjoni (“management”). 

    L-isptarijiet per eżempju, jaħdmu aħjar jekk l-istaff mediku jikkonċentra fuq l-aspetti kollha tal-kura, u mhux irid jagħti kont ta’ kif isir l-iskedar ta’ dan jew dak. L-istess ħaġa tgħodd għal qrati, universitajiet u għaliex le? – pulizija.

    Biss f’ħafna nħawi fl-Ewropa, donnu baqa’ l-ħsieb li biex tmexxi amministrattivament sptar, trid tkun tabib – qrati, avukat jew maġistrat eċċ. Fil-verità, sakemm min ikun inkarigat mill-amministrazzjoni jifhem kif għandu jitħaddem dan ir-rwol, x’aktarx li jikseb riżultati aħjar jekk il-formazzjoni tiegħu/tagħha tkun saret f’qasam ieħor mis-servizzi li j/tamministra.

    ***

    Lino Arrigo Azzopardi

    Kien dedikat għal xogħlu u jagħmlu tajjeb ħafna, wieħed minn numru ristrett ta’ fotografi li rnexxielhom b’sengħa u ħila jiddokumentaw bir-ritratti tagħhom l-iżvilupp politiku u soċjali ta’ pajjiżna. Id-drabi li rajt lil Lino Arrigo Azzopardi fuq ix-xogħol, impressjonani b’kemm kien metikoluż f’kif jittratta il-ħidma li kellha ssir. Fl-istess ħin, kien jibqa’ jżomm bixra ċajtiera waqt li għajnejh iżebbġu ħalli jkun minn ta’ quddiem biex jintebaħ dwar xi opportunità mhux mistennija għal ritratt gwapp.

    Nibqa’ niftakar kif, fi żmien li kellna għaddejja xi konferenza tal-Mediterran, ma’ oħrajn poġġieni bejn il-ministru tal-affarijiet barranin Iżraeljan Levy u Jasser Arafat waqt li ressaqthom ħalli jieħdu b’idejn xulxin. Kien ritratt “storiku” li l-għada deher fl-ewwel paġna ta’ numru ta’ ġurnali internazzjonali.

    Impressjonani wkoll il-kuraġġ li bih ġarrab il-konsegwenzi tal-aċċident serju li kellu meta kien fuq xogħol barra mal-President Demarco. Il-mewt ta’ Lino tard is-sena li għaddiet kienet telfa kbira.

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook