Serenità

  • Jan 07, 2017 09:00
  • Miktub minn Charles Miceli

    Il-kelma serenità f’dinja mgħaġġla u mibnija fuq il-konsum donnha ma' tfisser xejn. U rari tismagħha użata. Minkejja li kulħadd ifittixha.

    Ġieli nużaw kliem oħra minflokha. Bħal paċi jew serħan il-moħħ. Imma dawn il-valuri, minkejja li nixxenqu għalihom il-ħin kollu, irregalajnihom għall-prietki jew l-omeliji.

    Issa dawk li jattendu xi tip ta’ grupp ibbażat fuq it-Tnax-il Pass, bħal nghidu aħna l-Alkoħolici Anonimi, Gamblers’ Anonymous, Emotions Anonymous, ecc., jafu kemm is-serenità hi importanti.

    U l-laqgħat aktarx jibdew u jagħlqu bit-Talba tas-Serenità.

    It-Talba

    Dawk li jiddarsu meta jisimgħu l-kelma talba, ngħidilhom ma jgħaġġlux. Aktar milli talba, jien naraha filosofija. Jew aħjar stil ta’ ħajja. Anke jekk tibda billi tindirizza lil Setgħa Ogħla Minna.

    Għal min ma jafx, it-Talba hija din:

    Mulej,

    Agħtini l-grazzja li nieħu bil-kalma dak li ma nistax nibdel, 

    Agħtini l-kuraġġ biex nibdel dak li nista’ nibdel, u

    Agħtini l-għerf li ngħaraf id-differenza.

    Naċċetta

    Fuq din it-talba nkitbu patafjuni u jibqa’ jinkiteb. Imma mingħajr ma nidħol fid-dettall, xtaqt nagħmel xi riflessjonijiet personali. 

    Jien kieku nista’ nbiddel id-dinja. U nimtela bir-rabja meta nara l-inġustizzji u l-inugwaljanzi. 

    Ovvjament kull persuna hija differenti. Imma kulħadd f’xi ħin jew ieħor iħabbat wiċċu ma’ sitwazzjonijiet li jekk ma jqabbżuhilux, b’xi mod jinkwetawh u jimlewh bid-dieqa.

    Imma mill-esperjenza tiegħi ninduna li mhux wieħed jew tnejn iħabbtu rashom ma’ ħajt tal-konkrit. Jippruvaw jibdlu lil ħaddiehor jew jixtiequ affarijiet li qatt ma jista’ jkollhom. 

    U hawn is-sigriet huwa li naċċetta l-affarijiet li ma nistax nibdel.

    Minkejja li jdarsuni, la ma nista’ nagħmel xejn quddiemhom irrid nitgħallem neħodhom bil-kalma.

    Bidla

    Madankollu ma jfissirx li se noqgħod nistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqi. Jekk ma nistax intella’ x-xemx talanqas nixgħel xemgħa. 

    La ma nistax inbiddel lil ħaddiehor naħdem biex ninbidel jien.

    La ma nistax inbiddel is-sistema politika u ekonomika, nipprova nagħmel – biex nuża l-kliem tal-mibki Lino Spiteri – rivoluzzjoni do minore.

    Inutli noqgħod neqred fuq il-bidla minn filgħodu sa filghaxija, imbgħad ma nerfax subgħi biex ngħin lill-ġarr tiegħi li għaddej minn siegħa ħażina.

    Kif qalet Madre Tereża, “jekk ma tistax titma’ mitt ruħ, itma’ persuna waħda”.

    Għerf

    L-aktar haga importanti imma wkoll l-aktar diffiċli. L-għerf li nagħraf id-differenza. Kemm tiltaqa’ ma’ nies li jippruvaw ibiddlu fatt kompjut imbgħad jibqgħu ċassi flok jirranġaw l-aktar ħaġa faċli?

    Osserva kemm tqatta’ hin minn ħajtek tibki dwar l-imgħoddi jew tagħmel pjanijiet dwar il-ġejjieni, imbgħad issa u hawn jibqa’ għaddej qisu qatt ma kien.

    Għalkemm jien ma nemminx wisq fit-talb, ngħid din it-talba l-ħin kollu. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0