Preċedenza

  • Jan 09, 2017 09:00
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    Stagħġibt ftit kif il-Prim Imħallef deherlu li bħala kwistjoni ta’ priorità għall-bidu tas-sena kellu jqajjem punt dwar it-“tnaqqis” fir-rank protokolari ta’ parti mill-ġudikatura. La qajjimha kif qajjimha, bilfors hekk tiftiehem, bħala materja prioritarja.

    Niddubita kemm hi, fi żmien meta s-sistemi ġudizjarji Maltin għadhom daqshekk opaki u mitqiesa minn ħafna ċittadini bħala lok ta’ dewmien u difetti proċedurali. Fuq hekk, minkejja li fl-aħħar snin sar xi titjib, għadna fost il-pajjiżi tal-Ewropa fejn il-qrati jaħdmu bl-anqas effiċjenza. Jaqbdek il-bard tisma’ ċerti stejjer ta’ nies li jridu ġustizzja u jibqgħu mdendla.

    F’das-sens, anki r-riforma mibdija xi tliet snin ilu mill-gvern jidher li nqabdet fi sqaq.

    Dil-kwistjoni hi ħafna aktar kruċjali mill-mistoqsija dwar jekk il-Prim Imħallef u sħabu jisħoqqilhomx joqgħodu tliet siġġijiet aktar lejn ix-xellug jew il-lemin fl-ewwel ringieli tal-katidral ta’ San Ġwann waqt iċ-ċerimonji. 

    ***

    XI STORJA?

    Gazzetta ewlenija qieset li storja dwar kif il-Parlament Malti qed jordna b’10,000 ewro ta’ suvenirs fil-forma ta’ pulzieri bl-istampa tal-bini fuqu tal-Parlament, tant hi importanti li poġġietha fl-ewwel paġna. Issa kull Parlament għandu xi forma ta’ suvenir li l-Ispeaker u uffiċjali għolja tiegħu joffru lil dinjitarji li jżuruhom minn barra. Fiż-żmien, kont iddobbajt xi waħda jew tnejn minnhom.

    Mhux talli l-istorja tal-pulzieri ma timmeritax l-ewwel paġna, talli mhi storja xejn. Imma f’ċerti oqsma tal-midja hawn sforz persistenti u pwerili biex juru f’dawl ikrah, mingħalihom, kull ħidma tal-istituzzjonijiet fi żmien gvern Laburista. 

     Dil-biċċa tixbah il-pwerilità tal-argument l-ieħor li ntuża b’mod prominenti mill-istess oqsma: il-Prim Ministru Muscat m’għandu l-ebda dritt jippresiedi fl-Unjoni Ewropea jew jara kif jivvalorizza l-presidenza ta’ Malta tal-Unjoni, għax kien jimmilita kontra s-sħubija tal-pajjiż fl-Unjoni.

    Imbagħad issib min jgħidlek kif mhux minnu li l-establishment Nazzjonalista għadu sal-lum mikdud sempliċement għax iħossu spossedut mill-poter, li jippretendi hu tiegħu b’xi dritt divin.

    ***

    FILLON

    Fi Franza, l-pronostku hu li għat-tieni rawnd tal-elezzjoni presidenzjali, se jibqgħu f’kompetizzjoni bejniethom Marine Le Pen tal-Front Nazzjonali, lemin “estrem”, u Francois Fillon, tal-partit lemini tar-Repubblikani. Dan tal-aħħar imbagħad jirbaħ tajjeb, għax il-votanti tax-xellug jivvotawlu.

    It-taħwida li nara hi din: Veru li Fillon se jirnexxielu jieħu lura parti sostanzjali mill-vot Katolliku li l-partit ta’ Le Pen rebaħ fl-aħħar snin, l-aktar fiż-żoni rurali tas-sud. Imma Fillon qed jippreżenta programm ta’ “riformi” li ma kinux idejqu lil Mrs Thatcher. Fost il-miżuri li jipproponi, irid inaqqas l-impjiegi mal-gvern b’xi nofs miljun. Il-votanti tax-xellug se jitilqu jiġru bi ħġarhom biex jivvotawlu għal proposti bħal dawk?

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook