Imma dawn il-fqar x’ħaqqhom?

  • Jan 22, 2017 14:55
  • Miktub minn Charles Miceli

    Ma jitgħallmux. Qabda ‘social bums’. Jieħdu gost jgħixu bl-għakkarija. Il-flus iberbquhom fis-sigaretti u t-tombla. Jew, basta taparsi fqira mbagħad tmur tagħmel difrejha.

    Kliem li nisma’ ta’ kuljum. Meta ma niġix magħdud ta’ baħnan, stupidu u fidil. U aktar int temminhom, issib min jgħidlek biex bħallikieku jiftaħlek għajnejk. 

    Għal xi wħud il-faqar hu illużjoni. Biex ma nużax il-kelma perċezzjoni ħalli hadd ma jakkużani b’partiġġjaniżmu. Oħrajn jimminimizzawh kemm jistgħu. U niskanta – jew missni ngħid ma niskantax? – kif meta l-partit tagħna jkun fil-Gvern, id-diskors jinbidel totalment minn meta l-partit ikun fl-Oppozizzjoni.

    Ma nixtieqx inkun politiku imma l-faqar hu r-riżultat tal-politika. Lokali u internazzjonali. 

    Imma ejja, qabel xejn, niffukaw fuq il-fqar. Jekk jeżistu, kemm huma? Min huma u fejn huma? 

    Aġenti tal-bidla

    Aġenziji bħall-Caritas, li jaħdmu man-nies u għan-nies, iħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum. Kull tip ta’ faqar. F’forom differenti u għal raġunijiet differenti. 

    U dawn l-aġenziji jagħmlu li jistgħu, meta jistgħu. Ovvjament, l-istess il-Caritas. Għal ħafna l-Caritas tfisser sempliċiment karità. Bieb fejn tħabbat meta tiġi dahrek mal-ħajt. Għax bl-ilsien Malti l-kelma karità ma tfissirx imħabba. Imma elemożina. Madankollu jekk Caritas tfisser imħabba, irridu mmorru lil hinn milli nagħtu ftit mill-ħafna li nakkumulaw. 

    Fis-26 sena li ili midħla tal-Caritas rajt ħafna xogħol isir. Mill-impjegati u mill-voluntiera. Qassisin u lajci. Imma forsi l-enfażi dejjem kienet naqra aktar fuq li ngħinu fejn u kif nistgħu lil dawk l-aktar fqar u vulnerabbli fis-siegħa tal-bżonn.

    Personalment nemmen bis-sħiħ li wasal iż-żmien li nimxu aktar mal-missjoni li nkunu aġenti tal-bidla. Li nenfasizzaw aktar il-ġustizzja soċjali. Li barra li nagħtu platt sħun u saqaf f’każ ta’ emerġenza, naraw li ħadd ma jibqa’ lura. Naraw li l-ġid li jinħoloq fis-soċjetà jitqassam b’aktar ġustizzja. Nagħmluha ċara li mhux sewwa jkun hawn min għandu ktieb tal-bank eħxen mill-Enċiklopedija Britannika mbagħad fl-istess waqt ikun hemm min lanqas għandu kutra biex jitgħatta fil-bard.

    Diskussjoni

    Naf li mhux kulħadd jieħu gost bina jekk intambru fuq il-ġustizzja soċjali. Imma aħna m’aħniex hawn biex ningħoġbu. Aħna qegħdin hawn biex nagħmlu ħilitna biex is-Saltna t’Alla, saltna ta’ mħabba, isseħħ ukoll fuq l-art. 

    Għalhekk filwaqt li nibqgħu viċin iż-żgħar u l-vulnerabbli, organizzazzjoni fqira għall-fqar, irridu naħdmu ferm aktar biex imexxu t-tagħlim soċjali tal-Knisja. Biex bħala membri tal-CaritasEuropa nsostnu li “L-ġustizzja soċjali u l-ugwaljanza fl-Ewropa huma possibbli”.

    Ma rridx intawwal. Imma qabel nagħlaq nixtieq inħeġġeġ lin-nies ta’ rieda tajba biex jattendu għad-diskussjoni dwar “Imma dawn il-fqar x’ħaqqhom?” li se ssir nhar il-Ħamis, 26 ta’ Jannar, 2017, fis-6.00 p.m. fil-Caritas, il-Furjana.

    Id-diskussjoni tiftaħ b’diskors ta’ Patri Ġwann Xerri O.P., missjunarju għal snin twal fl-Amerika Latina, u hija organizzata mill-Caritas flimkien mal-Alleanza Kontra l-Faqar.

    Ejja u uri fehemtek. 

     

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0