Pensjonanti tas-Servizzi Ingliżi

  • Jan 23, 2017 09:00
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    Ta’ min wieħed jerġa’ jfakkar fil-qagħda tagħhom. 

    Ħafna mill-pensjonanti tas-servizzi Ingliżi li spiċċaw tilfu l-impjieg fis-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor, maż-żmien ħallewna. Imma għad baqa’ minnhom.

    Damu s-snin jilmentaw li l-pensjoni li ħadmu għaliha mal-gvern Ingliż ikkontjat biex titnaqqsilhom il-pensjoni dovuta lilhom għal xogħol ieħor li għamlu wara jew qabel. Kellhom tort jew raġun, ftit ingħataw widen. 

    Bejn l-1996 u l-1998, ħriġna skema biex fuq ferq ta’ tliet snin, jingħataw bla tnaqqis iż-żewġ pensjonijiet li ħadmu għalihom. Il-gvern ta’ Fenech Adami waqqaf din l-iskema ħesrem.

    F’daż-żmien meta l-ekonomija rrankat bil-kbir, dawk li baqa’ fostna mill-pensjonanti tas-servizzi Ingliżi jixirqilhom jingħataw sodisfazzjon talanqas għal parti kbira mit-talbiet tagħhom. 

    Miżura bħal din isservihom ta’ sostenn morali u materjali.

    ***

    IMPJIEGI F’MALTA

    Tajjeb li l-qagħda tal-impjiegi fostna tiġi analizzata fid-dettall. Nafu li ilna snin twal ma jkollna daqstant postijiet tax-xogħol mimlija u qgħad daqstant baxx; li r-rata ta’ xogħol fost in-nisa qed tiżdied b’mod regolari għalkemm baqagħlha biex tilħaq dik tal-irġiel;  li numru sostanzjali ta’ barranin qed jaħdmu Malta mingħajr ma dan jidher li qed ipoġġi lill-Maltin fi żvantaġġ; li l-prekarjat baqa’ jiżdied.

    Is-suq tax-xogħol f’pajjiżna għaddej minn fażi dinamika li qed tiġġenera “feel good” tajjeb. M’għandniex nagħlqu għajnejna madankollu għall-iżbilanċi u n-nuqqasijiet li l-istess dinamika pożittiva tkun forsi qed taħbi. 

    Nisimgħu pereżempju l-ilmenti ta’ sidien li ma jistgħux isibu impjegati għax-xogħol li qed joffru f’oqsma li jeħtieġu ħila akkademika u teknika, u f’oħrajn li ma jeħtieġu l-ebda sengħa. Hemm l-istatistika Ewropea li turi li l-ħruġ finanzjarju fuq kull siegħa xogħol, bħala medja, qed jonqos.

    Il-fortuna tal-lum tkun tista’ qed issuqna lejn sfortuna fil-futur bla ma nindunaw. Għalhekk irridu nanalizzaw tajjeb xinhu jiġri tassew.

    ***

    TLIET MUSKETTIERI

    Deċennji ilu qrajtu għall-ewwel darba. Issa erġajt żortu: “It-Tliet Muskettieri” ta’ Alexandre Dumas hu rumanz storiku gwapp. Kont insejt ħafna mill-inċidenti tiegħu – reġgħu ħadu l-ħajja minkejja l-eżaġerazzjonijiet li ma jonqsux fin-nisġa tar-rakkont. Veru wkoll li l-ebda karattru mhu nieqes minn persentaġġ ta’ kartapesta fis-sura li jingħata. Biss, l-azzjoni tant hi mħarrka li dan kważi qatt ma jimporta.

    Il-problema hi biex tiddetermina min tassew hu l-“eroj”: iż-żagħżugħ d’Artagnan li jasal Pariġi biex jingħaqad mal-muskettieri tar-re? It-tliet muskettieri sħabu? Il-Kardinal? Ikolli ngħid li hu u jikteb, Dumas tant twebbel bil-karattru ta’ Milady li effettivament ir-rumanz jispiċċa jagħqad madwarha. Tiġi preżentata bħala “dimonju”; kif u għaliex saret hekk, jibqa’ pjuttost vag.

    Eċċellenti ix-xeni tal-bidu u tat-tmiem. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0