Kunsens miksur

  • Jan 26, 2017 10:00
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    Il-kunsens li trawwem fid-dinja favur il-kummerċ ħieles, ta lok biex il-globalizzazzjoni tirranka. Għenu wkoll l-iżviluppi fit-teknoloġija tal-kumnikazzjoni – fl-ivvjaġġar u fil-mezzi li bihom tgħaddi messaġġi lill-irkejjen kollha tad-dinja.

    L-istess kunsens “liberali” xerred il-fehma li hemm vantaġġ enormi għall-umanità, fil-libertà li nkisbet biex nies, prodotti, servizzi, kapitali jiċċirkolaw bla xkiel. Minn hekk, ħlief progress soċjali u prosperità ekonomika ma kienx se jirriżulta.

    Dal-kunsens issa nkiser. Ħafna nies li kienu baqgħu lura bil-bidliet li qed iseħħu, jew li marru lura, fl-aħħar sabu s-saħħa għall-vuċi tagħhom. Qed jipprotestaw, anki bil-vot, kontra soċjetà li fil-ġirja wara t-tkabbir ekonomiku bla ebda kumpass soċjali, imminat l-aspettativi tagħhom.

    Dnub li dan ġara taħt il-bandiera tal-populiżmu. Ir-rankatura populista se toħloq problemi enormi ġodda.

    Messu kien is-soċjaliżmu demokratiku li xaqqaq il-kunsens “liberali”. Fil-valuri tiegħu, dejjem fittex li jżomm bilanċ ġust bejn il-ħelsien ekonomiku u l-ħarsien soċjali.  

     ***

    BERGOGLIO INTERVISTAT

    Interessanti ħafna kienet l-intervista li l-Papa Franġisku ta lill-ġurnal El Pais fl-istess tmiem il-ġimgħa li Donald Trump ħa l-ħatra bħala President Amerikan. Filfatt l-aktar li ngħatat attenzjoni kienet l-istqarrija tal-Papa li wieħed għandu jistenna biex jara x’se twettaq fir-realtà l-amministrazzjoni Trump, qabel  jgħaddi ġudizzju.

    Lili nteressani wkoll spunt differenti fl-intervista. Saqsew lill-Papa dwar id-dwejjaq li nfirex fost ħafna nies mis-saffi tan-nofs tal-pajjiżi avvanzati. Dawn iħossu li l-qagħda tagħhom baqgħet teħżien u d-diriġenti mhumiex jagħtu kashom biżżejjed. F’dan jinkludu lill-Papa.

    Jekk fhimt tajjeb it-tweġiba tiegħu, minflok qagħad jitlob skuża għal hekk, fakkar fil-parabbola fejn l-iben għaqli li ħa ħsieb ġidu, jħossu diskriminat minn missieru li qed jagħti kas aktar ta’ ħuh li jinsab baxxa fortuna. 

    ***

    MA JRIDUX JIFHMU

    Hi ħaġa naturali li l-istorja tinkiteb mir-rebbieħa. Il-fehma ta’ dawk li rebħu l-kontroversja politika dwar jekk Malta għandhiex tidħol membru tal-Unjoni Ewropea jew le,  “naturalment” iddominat l-istorja sal-lum ta’ kif ġrat dil-ġrajja u ta’ x’ġara minn mindu dħalna membri fl-Unjoni Ewropea. Meta jgħaddu s-snin u l-istorja tiġi riveduta minn studjuzi li ma ġarrbuhiex, għad toħroġ verżjoni aktar bilanċjata.

    Xorta waħda tolqotni l-impressjoni li għandhom ċerti nies li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea kienet biss ward u żahar għall-pajjiż. Donnu li kien fiha biss vantaġġi, bla żvantaġġi. Jew li sal-lum, tal-aħħar kienu ftit li xejn.

    Issemmilhom x’ġara mill-industrija – mill-biedja u s-sajd – x’ġara bil-ftehim hekk imsejjaħ Dublin 2 fuq l-immigrazzjoni – kif Malta tieħu sehem bis-sulluzzu fid-deċiżjonijiet dwar il-munita tal-ewro – u għalihom dan kollu ma jimportax.

    Min ma jridx jifhem, inutli tfiehmu.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0